2010-2019
Aħna Mhux Kollha Tallaba?
Ottubru 2014


Aħna Mhux Kollha Tallaba?

Għonja jew foqra, neħtieġu li ”nagħmlu dak li nistgħu” meta xi ħadd ikun fil-bżonn.

X’ element mill-isbaħ ġie introdott fil-format il-ġdid tal-konferenza ġenerali tagħna. Prosit, Eduardo.

F’ dak li kellu jkun l-aktar mument sorprendenti tal-ewwel żmien tal-ministeru Tiegħu fid-dinja, Ġesù qam bilwieqfa fis-sinagoga tar-raħal tiegħu ta’ Nazaret u qara dan il-kliem li pprofetizza Isaija u mfakkar fl-Evanġelju ta’ Luqa: ’L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax hu kkonsagrani, bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, u … nrodd il-ħelsien lill-maħqurin”1

B’ hekk is-Salvatur għamel l-ewwel dikjarazzjoni pubblika tal-ministeru messjaniku Tiegħu. Iżda dan il-vers jagħmilha ċara wkoll li fi triqtu lejn is-sagrifiċċju tat-tpattija aħħari Tiegħu u r-Reżurezzjoni Tiegħu, l-ewwel dmir messjaniku ta’ Ġesù qabel kollox kien li jbierek lill-foqra, fosthom il-foqra fl-ispirtu.

Mill-bidu tal-ministeru Tiegħu, Ġesù ħabb lil min kien fqir u żvantaġġat b’ mod straordinarju. Huwa twieled f’ dar ta’ tnejn minnhom u trabba fost bosta minnhom. Ma nafux id-dettalji kollha tal-ħajja temporali Tiegħu, iżda darba huwa qal, ”Il-volpijiet għandhom l-għerien tagħhom u l-għasafar … il-bejtiet; iżda Bin il-bniedem m’għandux fejn imidd rasu.”2 Apparentament il-Ħallieq tas-sema u l-art ”u dak kollu li hemm fihom”3 kien, għallinqas fil-ħajja adulta Tiegħu, bla dar.

Tul l-istorja dinjija kollha, il-faqar dejjem kien waħda mill-akbar sfidi tal-umanità. L-aktar effett ovvju tiegħu huwa normalment dak fiżiku, iżda l-ħsara spiritwali u emozzjonali li jista’ jġib miegħu tista’ ddgħajjef aktar lill-bniedem. F’ kull ċirkustanza, il-Feddej il-kbir ma talabna xejn b’ ħerqa akbar milli biex ningħaqdu miegħu biex intaffu t-tagħbija minn fuq in-nies. Bħala Ġehova, Huwa qal li Huwa se jiġġudika d-dar ta’ Israel b’ mod aħrax għax ”serqu l-fqir u mlew djarhom.”

”Għaliex,” qalilhom Hu, ”tgħakksu l-poplu tiegħi, u titħnu wiċċ il-fqir?”4

Il-kittieb tal-Proverbji jiddeskrivi dan b’ mod mill-aktar ċar: ”Min jgħakkes il-fqir imaqdar lil min ħalqu,” u ”min jagħlaq widnejh għall-għajta tal-fqir, ħadd ma jwieġbu meta jgħajjat hu.”5

Fi żmienna, il-Knisja rrestawrata ta’ Ġesù Kristu kienet lanqas biss ilha sena mwaqqfa meta l-Mulej ikkmanda lill-membri sabiex ”isibu lill-foqra u lil dawk fil-bżonn, u jamministraw għall-bżonnijiet tagħhom ħalli huma ma jsofrux.” 6 Innutaw it-ton imperattiv ta’ dak il-passaġġ—“ħalli huma ma jsofrux.” Din hija l-lingwa li juża Alla meta jrid ikun ċar f’ diskorsu.

Meta nħarsu lejn l-isfida monumentali biex nindirizzaw l-inugwaljanza fid-dinja, x’ jista’ jagħmel raġel wieħed, jew mara waħda? L-Imgħallem Innifsu offrielna tweġiba. Meta, qabel it-tradiment u l-Kruċifissjoni Tiegħu, Marija dilket ras Ġesù b’ fwieħa tad-dfin li tqum il-flus, Ġuda l-Iskarjota pprotesta dwar dan it-tberbiq ta’ flus u ”beda joħodha magħha.”7

Ġesù qal:

”Għala qegħdin iddejquha? Ħaġa tajba għamlet miegħi. …

“Hi għamlet li setgħet.”8

“Hi għamlet li setgħet”! Xi spjegazzjoni mill-aktar qawwija! Wieħed ġurnalist darba staqsa lil Madre Tereża ta’ Kalkutta dwar il-ħidma tagħha, kważi bla tama, li ssalva lill-foqra f’ dik il-belt. Huwa qal li, skont l-istatistika, hija ma kien qed jirnexxielha twettaq assolutament xejn. Din il-mara żgħira u meraviljuża rrispondietu li l-ħidma tagħha kienet dwar l-imħabba, u mhux dwar l-istatistika. Minkejja n-numru kbir ta’ foqra li bilkemm kienet tlaħħaq magħhom, hija qalet li setgħet iżżomm il-kmandament li tħobb lil Alla u lil għajrha billi sservi lil dawk li setgħet tlaħħaq magħhom bil-ftit riżorsi li kellha. ”Dak li nagħmlu aħna huwa qatra ilma fil-baħar,” hija qalet f’ okkażżjoni oħra. ”Iżda jekk ma nagħmlux li qed nagħmlu, il-baħar ikun fih qatra anqas.”9 Wara ftit riflessjoni, il-ġurnalist ikkonkluda li l-Kristjanità ovvjament mhux xi ħaġa li tkejjilha permezz tal-istatistika. Huwa rraġuna li jekk ikun hemm aktar ferħ fis-smewwiet minħabba l-wieħed midneb li jindem milli minħabba d-disgħa u disgħin li ma għandhomx bżonn l-indiema, mela apparentament Alla ma tantx joqgħod jippreokkupa ruħu wisq bil-persentaġġi.10

Għalhekk kif nistgħu ”nagħmlu dak li nistgħu”?

Per eżempju, nistgħu, kif għallem is-Sultan Benjamin, nieqfu milli noqogħdu lura milli nagħtu minn dak li għandna għaliex naraw lill-foqra bħala nies li ġabu huma stess il-miżerja fuqhom infushom. Jista’ jkun li xi wħud ġabu b’ idejhom id-diffikultajiet tagħhom, iżda mhux kollha kemm aħna nagħmlu l-istess ħaġa? Mhuwiex għalhekk li l-mexxej kollu kompassjoni staqsa, ”Aħna mhux kollha tallaba?”11 Mhux kollha nittallbu għall-għajnuna u għat-tama u biex talbna jiġi mwieġeb? Mhux ilkoll nittallbu għall-maħfra minħabba l-iżbalji li għamilna u l-inkwiet li kkawżajna? Mhux kollha nixtiequ li l-grazzja tikkumpensa għad-dgħjufijiet tagħna, li l-ħniena titrijonfa fuq il-ġustizzja, għallinqas fil-każ tagħna? Mhux ta’ b’ xejn li s-Sultan Benjamin qal li aħna niksbu maħfra ta’ dnubietna billi nitolbu bil-ħerqa lil Alla, li b’ kompassjoni jisma’ talbna, iżda aħna nżommu l-maħfra ta’ dnubietna billi b’ kompassjoni nisimgħu t-talba tal-foqra li jittallbu bil-ħerqa magħna.12

Barra li għandna nuru kompassjoni lejhom, għandna wkoll nitolbu għal dawk fil-bżonn. Grupp ta’ Żoramiti, meqjusin minn sħabhom tal-istess kongregazzjoni bħala ”oxxenità” u ”rmixk”—dawn huma kliem kif miktuba fl-iskrittura—tkeċċew mid-djar tat-talb tagħhom ”minħabba s-sempliċità ta’ lbieshom.” Huma kienu, qal Mormon, ”foqra fil-ħwejjeġ tad-dinja; u wkoll … foqra f’ qalbhom”13—żewġ kundizzjonijiet li kważi dejjem imorru flimkien. Is-sieħba missjunarji Alma u Amuleki wieġbu għal mod kif kienu ġew imwarrbin minħabba l-mod li bih kienu lebsin billi qalulhom li huma x’ inhuma l-privileġġi li l-oħrajn qed jippruvaw iċaħħduhom minnhom, huma xorta waħda setgħu jitolbu—fl-għelieqi tagħhom u fi djarhom, fil-familji tagħhom u f’ qalbhom.14

Iżda mbagħad, lil dan l-istess grupp li kienu ġew mwarrbin, Amuleki qalilhom, ”Wara li tkunu tlabtu, jekk intom twarrbu lil dawk li huma fil-bżonn u lil min hu bla ħwejjeġ, u ma żżurux lill-morda u lil dawk li qed isofru, u ma tagħtux minn dak li għandkom, jekk intomma taqsmux dak ligħandkom, ma’ dawk li huma fil-bżonn—jien ngħid lilkom, … talbkom ikun għalxejn, u ma jiswiekom xejn, u tkunu bħall-ipokriti li jiċħdu l-fidi.”15 Xi kliem biex ifakkarna li, għonja jew foqra, għandna ”nagħmlu dak li nistgħu” meta ħaddieħor ikun fil-bżonn.

Issa, ma mmurx niġi akkużat li qed nipproponi xi programmi soċjali globali stravaganti jew li qed nissapportja li n-nies għandhom jispiċċaw tallaba, niżgurakom li l-qima li jiena għandi lejn il-prinċipji tal-industrija, l-ekonomija bil-qjies, li wieħed ma jkunx jiddependi minn ħaddieħor u li wieħed ikun ambizzjuż hi qawwija daqs kemm tista’ ssibha f’kwalunkwe bniedem ieħor. Dejjem hu mistenni minna li ngħinu lilna nfusna qabel ma nippruvaw infittxu l-għajnuna mingħand ħaddieħor. Barra dan, ma nafx eżattament kif ilkoll kemm intom għandkom twettqu l-obbligu tagħkom lejn dawk li ma jistgħux jew mhux dejjem jistgħu jgħinu lilhom infushom. Iżda jiena naf li Alla jaf, u li Huwa jgħinkom u jiggwidakom f’ atti kompassjonali bħala dixxipli Tiegħu jekk intom kuxjenzjożament tkunu tridu u titolbu u ssibu modi li żżommu wieħed mill-kmandamenti li Huwa tana għal diversi drabi.

Intom tistgħu tagħrfu li hawn jiena qed nitkellem dwar il-bżonnijiet soċjali diffiċli li jmorru lil hinn mill-membri tal-Knisja tagħna. Fortunatament il-mod li tana l-Mulej kif nistgħu nassistu l-membri tagħna huwa aktar faċli: dawk kollha li huma fiżikament kapaċi għandhom josservaw il-liġi tas-sawm. Isaija kiteb:

”Jaqaw ma hux dan is-sawm li jiena rrid? …

”Ma hux li taqsam ħobżok ma’ min hu bil-ġuħ, u ddaħħal f’darek lill-imsejken bla saqaf? Ma hux li tlibbes lil min tara għarwien … ? u tqaċċat ix-xkiel tal-madmad, li tibgħat ħielsa l-maħqurin … ?”16

Jiena nixhed dwar il-mirakli, kemm spiritwali kif ukoll temporali, li jirċievu dawk li jgħixu l-liġi tas-sawm. Nagħti xhieda tal-mirakli li jiena rċevejt. Verament, kif kiteb Isaija, jiena tlabt fis-sawm aktar minn darba u Alla verament weġibni, ”Hawn jien.”17 Għożżu dak il-privileġġ sagru mill-inqas darba fix-xahar, u kunu ġenerużi skont kemm jippermettu ċ-ċirkustanzi tagħkom fl-offerti tas-sawm tagħkom u f’ kontribuzzjonijiet oħra umanitarji, edukattivi u missjunarji. Jiena nwiegħed li Alla jkun ġeneruż magħkom, u dawk li intom tgħinnu se jbierku isimkom għal dejjem. Aktar minn tliet kwarti ta’ miljun membru tal-Knisja rċevew xi għajnuna matul is-sena l-oħra permezz tal-offerti tas-sawm li jiġu amministrati minn isqfijiet u presidenti tas-Soċjetà tal-Għajnuna mill-aktar devoti. Hawn ħafna Qaddisin tal-Aħħar Jiem grati.

Ħuti, dan it-tip ta’ diskors jitlob li jiena nagħraf b’ mod miftuħ il-barkiet bla tmien li żgur ma jistħoqqlix nirċievi, kemm dawk temporali kif ukoll spiritwali. Bħalkom, kien hemm mumenti meta kelli għalfejn ninkwieta minħabba l-finanzi, iżda jiena qatt ma kont fqir, u lanqas naf kif tħossok meta tkun fqir. Barra minn hekk, ma nafx ir-raġunijiet kollha għalfejn iċ-ċirkustanzi tat-twelid, tas-saħħa, tal-edukazzjoni u dawk ekonomiċi jvarjaw daqshekk f’ din il-ħajja mortali, iżda meta nara li hawn tant nies fil-bżonn, jiena naf li ”bil-grazzja ta’ Alla għandi nkun hemm għalihom.”18 Naf ukoll li għalkemm jiena forsi mhux l-għassies ta’ ħija, jiena ħu ħija, u ”peress li ġejt mogħti ferm, jiena wkoll għandi nagħti.”19

F’ dan ir-rigward, jiena se nagħmel dedikazzjoni personali lill-President Thomas Spencer Monson. Jiena nħossni mbierek li ili naf lil dan ir-raġel għal 47 sena sħaħ, u l-immaġini tiegħu li se nibqa’ ngħożż sakemm immut hija dik tiegħu f’ titjira lura lejn darna minn dik li kienet il-Ġermanja tal-Lvant, li l-ekonomija tagħha kienet meqruda, liebes papoċ tas-sodda f’saqajh għaliex kien ta mhux biss it-tieni libsa tiegħu u l-qomos l-oħra li kellu iżda l-istess żarbun li kellu. ”Kemm huma sbieħ fuq il-muntanji (u jkarkar tul it-terminal tal-ajruport) r-riġlejn ta’ min iħabbar il-bxara, ta’ min ixandar is-sliem,”20 Aktar minn kull bniedem ieħor li jiena naf, il-President Monson għamel ”dak kollu li seta’” għall-armla u għall-orfni, għall-foqra u l-maħqurin.

F’ rivelazzjoni mill-1831 lill-Profeta Joseph Smith, il-Mulej qal li l-foqra xi darba għad jaraw is-saltna ta’ Alla tiġi teħlishom ”b’ qawwa u glorja kbira.”21 Jalla nagħmlu li nistgħu biex ngħinu titwettaq dik il-profezija billi b’ qawwa u glorja bħala membri tal-Knisja vera ta Ġesù Kristu nagħmlu dak li nistgħu biex noħorġu lil min nistgħu mill-faqar li jżommhom ilsiera u jeqridilhom ħafna mill-ħolm tagħhom, jiena nitlob fl-isem kollu ħniena ta’ Ġesù Kristu, amen.

Ipprintja