2010-2019
Ir-Raġuni tat-Tama Tagħna
Ottubru 2014


Ir-Raġuni tat-Tama Tagħna

Testimonjanza tat-tama tal-fidwa hija xi ħaġa li ma tistax tkejjilha jew tikkalkula l-valur tagħha. Ġesù Kristu huwa s-sors ta’ din it-tama.

Bosta snin ilu, Sister Packer u jiena morna ġewwa l-Università ta’ Oxford. Morna nfittxu r-reġistri tas-seba’ bużnannu tiegħi. Il-kap ta’ Christ’s College ġewwa Oxford, Dr. Poppelwell, kien ġentili ħafna magħna u talab lill-arkivista tal-kulleġġ sabiex iġibilna r-reġistri. Fihom, fis-sena 1583 sibna l-isem tal-antenat tiegħi, John Packer.

Is-sena ta’ wara aħna erġajna morna Oxford biex nippreżentaw sett b’ qoxra mill-isbaħ tax-xogħlijiet stabbiliti għal-librerija ta’ Christ’s College. Dehret xi ħaġa pjuttost stramba għal Dr. Poppelwell. Jista’ jkun li ħaseb li aħna ma konniex Kristjani. Għalhekk huwa sejjaħ lill-kappillan tal-kulleġġ biex jiġi ħalli jirċievi l-kotba.

Qabel għaddejt l-iskrittura lill-kappillan, jiena ftaħt il-Gwida tas-Suġġetti u wrejtu biss suġġett wieħed: 18-il paġna, miktubin b’ tipa żgħira ħafna, b’ spazju wieħed jifridhom, li fihom kien hemm il-lista tar-referenzi kollha għas-suġġett ”Ġesù Kristu.” Huwa waħda mill-akbar ġabra komprensiva ta’ referenza ta’ skrittura fuq is-suġġett tas-Salvatur li qatt ġiet miġbura flimkien fl-istorja tad-dinja—testimonjanza mit-Testment il-Qadim u t-Testment il-Ġdid, mill-Ktieb ta’ Mormon, mid-Duttrina u Patti u mill-Ġawhra ta’ Valur Kbir.

”Tagħżel kif tagħżel li tuża dawn ir-referenzi,” għedtlu jien, ”min-naħa għall-oħra, minn fuq għal isfel, ktieb wara ktieb, suġġett wara suġġett—inti se ssib li huwa xhieda konsistenti u armonjuża tad-divinità tal-missjoni tal-Mulej Ġesù Kristu—it-twelid Tiegħu, il-ħajja Tiegħu, it-tagħlim Tiegħu, il-Kruċifissjoni Tiegħu, ir-Reżurezzjoni Tiegħu u l-Att tal- Fidwa Tiegħu.”

Wara li qsamt mal-kappillan uħud mit-tagħlim tas-Salvatur, l-atmosfera nbidlet, u huwa ħadni dawra mal-faċilità, inkluż skavi riċenti li żvelaw pitturi fuq il-ħajt li kienu jmorru lura għal żmien ir-Rumani.

Fost ir-referenzi li hemm imniżżlin fil-Gwida tas-Suġġetti hemm din mill-Ktieb ta’ Mormon: Testment Ieħor ta’ Ġesù Kristu: ”Aħna nippridkaw dwar Kristu, u aħna nipprofetizzaw dwar Kristu, u aħna niktbu skont il-profeziji tagħna, sabiex uliedna jkunu jafu lejn liema sors għandhom iduru għall-maħfra ta’ dnubiethom.” (2 Nephi 25:26).

Fi kliemu stess, is-Salvatur iddikjara, ”Jiena hu t-triq, il-verità u l-ħajja: ħadd ma jmur għand il-missier jekk mhux permezz tiegħi” (Ġwanni 14:6).

U mill-Ktieb ta’ Mormon, Huwa jiddikjara: ”Araw, jiena dak li ġejt imħejji mill-bidu tad-dinja biex nifdi lill-poplu tiegħi. Araw, jiena Ġesù Kristu. … Fija l-umanità jkollha l-ħajja, u ħajja eterna, sewwasew dawk li jemmnu f’ ismi; u huma jsiru wliedi” (Ether 3:14).

Hemm ħafna u ħafna referenzi oħra fil-paġni tax-xogħlijiet stabbiliti li jxandru l-irwol divin ta’ Ġesù Kristu bħala l-Feddej ta’ dawk kollha li qatt twieldu jew li qatt iridu jitwieldu f’ din il-ħajja mortali.

Permezz tal- Att tal- Fidwa ta’ Ġesù Kristu aħna lkoll mifdija mill-Waqgħa tal-bniedem, li seħħet meta Adam u Eva kielu mill-frotta pprojbita fil-Ġnien tal-Għeden, kif iddikjarat fl-1 Korintin: ”Għax bħalma l-bnedmin kollha jmutu f’ Adam, hekk ilkoll jiksbu l-ħajja fi Kristu.” (1 Korintin 15:22).

Il-Ktieb ta Mormon jgħallem, ”Għax jaqbel li tiġi fis-seħħ l-att tal-fidwa …, milli l-umanità kollha inevitabilment tinqered; iva, ilkoll webbisna qalbna; iva, ilkoll waqajna u ntlifna u jeħtieġ ninqerdu li kieku ma kienx għall-Att tal-Fidwa … sagrifiċċju infinit u etern” (Alma 34:9–10).

Jista’ jkun li aħna ma ngħixux ħajja perfetta, u jista’ jkun li jkollna nħallsu xi penali għall-iżbalji tagħna, iżda qabel ġejna fid-dinja, aħna qbilna li se nkunu suġġett għal-liġijiet Tiegħu u li se naċċettaw il-kastig talli niksru dawk il-liġijiet.

”Il-bnedmin kollha dinbu u ċċaħħdu mill-glorja ta’ Alla;

”Għalhekk issa huma jkunu ġġustifikati bil-grazzja tiegħu li jagħtihom minn rajh permezz tal-fidwa li hemm fi Kristu Ġesù” (Rumani 3:23–24).

Is-Salvatur wettaq l-Att tal-Fidwa, li jipprovdilna mod kif nistgħu nerġgħu nindafu. Ġesù Kristu huwa l-Kristu mqajjem mill-imwiet. Aħna nqimuh u nagħrfuh għall-uġigħ li Huwa sofra għalina b’ mod kollettiv u għall-uġigħ li għadda minnu għal kull wieħed u waħda minna individwalment, kemm fil-Ġnien tal-Ġetsemani kif ukoll fuq is-salib. Huwa ssaporta dan kollu b’ umiltà kbira u b’ għarfien etern tal-irwol u l-għan divin Tiegħu.

Dawk li jindmu u jiċħdu d-dnub isibu li d-driegħ kollu ħniena Tiegħu għadu qed jistenna biex jgħinhom. Dawk li jisimgħu u jagħtu kas ta’ kliemu u kliem il-qaddejja magħżulin Tiegħu jsibu l-paċi u l-għarfien anke f’ nofs l-uġigħ ta’ qalb u n-niket. Ir-riżultat tas-sagrifiċċju Tiegħu hu li jeħlisna mill-effett tad-dnub, u lkoll kemm aħna titħassrilna l-ħtija u nħossu t-tama.

Li kieku ma wettaqx l-Att tal-Fidwa, ma kien ikun hemm l-ebda fidwa. Kienet tkun dinja mill-aktar diffiċli li ngħixu fiha jekk qatt ma kien ikollna ċ-ċans li niġu maħfura mid-dnubiet tagħna, jekk qatt ma konna niġu mogħtija ċ-ċans li nippurifikaw ruħna u nkomplu għaddejjin b’ ħajjitna.

Il-ħniena u l-grazzja ta’ Ġesù Kristu mhumiex limitati biss għal dawk li jikkommettu d-dnubiet, kemm meta jagħmlu xi ħaġa ħażina, kemm meta ma jagħmlux xi ħaġa li hija sewwa, iżda jikkomprendu wkoll il-wegħda tal-paċi dejjiema lil dawk li jaċċettaw u jimxu warajh u wara t-tagħlim Tiegħu. Il-ħniena Tiegħu hija l-fejjieq setgħan, anke għal dawk l-innoċenti miġruħa.

M’ilux jiena rċevejt ittra minn waħda mara li qaltli li kienet għaddiet minn sofferenza kbira f’ ħajjitha. Att terribli, li ma qaltlix x’ kien iżda għamlet referenza għalih, kien twettaq kontrieha. Hija ammettiet li ġo fiha kienet qed tħoss imrar kbir. Fir-rabja tagħha, hija għajtet għajta ġewwa fiha, ”Xi ħadd irid iħallas għal dan il-att terribli.” F’ dak il-mument ta’ niket enormi u mistoqsijiet, hija kitbet li f’ qalbha ħasset it-tweġiba immedjata: ”Xi ħadd diġà ħallas.”

Jekk aħna mhux konxji dwar x’ jista’ jagħmel għalina s-sagrifiċċju tas-Salvatur, aħna nafu ngħixu ħajjitna b’ dispjaċir li għamilna xi ħaġa li ma kenitx ġusta jew li offendejna lil ħaddieħor. Il-ħtija li tiġi wara l-iżball nistgħu neħilsu minnha. Jekk infittxu li nagħrfu l-Att tal-Fidwa Tiegħu, aħna ninħakmu minn qima kbira lejn il-Mulej Ġesù Kristu, lejn il-ministeru Tiegħu fid-dinja u lejn il-missjoni divina Tiegħu bħala s-Salvatur tagħna.

Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem ġiet irrestawrata biex twassal madwar id-dinja l-għarfien tal-ħajja u t-tagħlim tas-Salvatur. Din il-konferenza kbira qed tiġi mxandra permezz tas-satellita f’ 94 lingwa differenti f’ 102 pajjiż iżda hija wkoll disponibbli fuq l-internet f’ kull pajjiż fejn il-Knisja hi preżenti. Aħna għandna ’l fuq minn 3,000 wited. Il-forza ta’ missjunarji full-time tagħna taqbeż it-88,000 u n-numru totali ta’ membri tal-Knisja qabeż il-15-il miljun. Dawn in-numri jservu bħala evidenza li l-”ġebla li nqatgħet mill-muntanja mingħajr idejn” qed tkompli titgerbeb u eventwalment se timla ”d-dinja kollha” (D&C 65:2).

Iżda ssir kemm issir kbira l-organizzazzjoni tal-Knisja jew jingħaqdu kemm jingħqadu miljuni ta’ membri magħna, jew jidħlu kemm jidħlu f’ kontinenti u pajjiżi differenti l-missjunarji tagħna jew jitkellmu kemm jitkellmu lingwi differenti, is-suċċess veru tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu jitkejjel permezz tal-qawwa spiritwali tal-membri individwali tagħha. Neħtieġu l-qawwa tal-konvinzjoni li tinsab fil-qalb ta’ kull dixxiplu leali ta’ Kristu.

Testimonjanza tat-tama tal-fidwa hija xi ħaġa li ma tistax tkejjilha jew tikkalkula l-valur tagħha. Ġesù Kristu huwa s-sors ta’ din it-tama.

Aħna nfittxu li nsaħħu t-testimonjanzi kemm taż-żgħar kif ukoll tax-xjuħ, tal-miżżewġin kif ukoll ta’ dawk li huma waħedhom. Irridu ngħallmu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu lill-irġiel, lin-nisa u lit-tfal u lil dawk ta’ kull razza u ġens, lill-għonja kif ukoll lill-foqra. Neħtieġu kemm lill-membri ġodda kif ukoll lil dawk fostna li huma dixxendenti tal-pijunieri. Neħtieġu nfittxu lil dawk li tbiegħdu minna u nassistuhom sabiex jerġgħu lura fostna. Neħtieġu l-għerf u d-dehen u l-qawwa spiritwali ta’ kulħadd. Kull membru ta’ din il-Knisja bħala individwu huwa element kritiku għall-Knisja kollettiva.

”Bħalma l-ġisem hu wieħed u fih ħafna membri, u l-membri kollha tal-ġisem, għad li huma ħafna, jagħmlu ġisem wieħed, hekk ukoll Kristu.

”lkoll tgħammidna fi Spirtu wieħed biex nagħmlu ġisem wieħed, …

”Issa l-ġisem m’huwiex membru wieħed, imma magħmul minn ħafna membri.” (1 Korintin 12:12–14).

Kull membru jservi bħala testimonjanza tal-ħajja u t-tagħlim ta’ Ġesù Kristu. Aħna ninsabu fi gwerra mal-forzi tal-avversarju, u hemm bżonn ta’ kull wieħed u waħda minna jekk irridu noħorġu b’ suċċess fil-ħidma li s-Salvatur għandu għalina.

Nistħajjilkom tgħidu, ”X’nista’ nagħmel? Jiena biss persuna waħda.”

Ċertament li kien hemm mumenti meta Joseph Smith ħassu verament waħdu. Huwa wettaq ħwejjeġ kbar, iżda beda bħala tfajjel ta’ 14-il sena li kellu mistoqsija: ”Ma’ liema Knisja għandi ningħaqad?” (ara Joseph Smith–History 1:10). Il-fidi u t-testimonjanza li kellu Joseph tas-Salvatur kibret hekk kif teħtieġ li tikber tagħna, ”linja wara linja, preċett wara preċett, ftit minn hawn u ftit minn hemm” (2 Nephi 28:30; ara wkoll D&C 128:21). Joseph niżel għarkobbtejh biex jitlob, u kemm seħħew ħwejjeġ meraviljużi b’ riżultat ta’ dik it-talba u l-Ewwel Viżjoni.

Bħala wieħed mit-Tnax-il Appostlu, jiena naqsam ix-xhieda tiegħi tal-Mulej Ġesù Kristu. Huwa jgħix. Huwa l-Feddej tagħna u s-Salvatur tagħna. ”Permezz tal-Att tal- Fidwa ta’ Kristu, l-umanità kollha tista’ ssalva” (L-Artikli tal- Fidi 1:3). Huwa jippresedi fuq din il-Knisja. Huwa mhux stranġier għall-qaddejja Tiegħu. Hekk kif aħna nimxu lejn il-futur b’ kunfidenza kwieta, l-Ispirtu Tiegħu se jkun magħna. M’hemmx tmiem għall-qawwa Tiegħu li jbierek u jidderieġi l-ħajja ta’ dawk li jfittxu l-verità u s-sewwa. Jiena nagħti x-xhieda tiegħi dwaru, f’ isem Ġesù Kristu, amen.