Is-Sagrament u l-Att tal-Fidwa
L-ordinanza tas-sagrament jeħtieġu li, għal kull wieħed u waħda minna, isiru aktar qaddisa u sagri.
Fil-lejla ta’ qabel il-Ġetsemani u l-Kalvarju, Ġesù ġabar lill-Appostli Tiegħu għall-aħħar darba biex immorru jqimu flimkien. Il-post kien il-kamra ta’ fuq ta’ dar ta’ dixxiplu ġo Ġerusalemm, u kien żmien il-Għid.1
Kienu poġġew biex jieklu l-ikla tal-Għid, li kienet tikkonsisti fil-ħaruf tas-sagrifiċċju, inbid u ħobż bla ħmira, emblemi tal-ħelsien ta’ Iżrael mill-iskjavitù u l-mewt fi żmien passat2 u tal-fidwa li kienu għad iridu jiksbu fil-futur.3 Hekk kif kienu waslu fi tmiem l-ikla, Ġesù ħa l-ħobż, bierku u qasmu,4 u tah lill-Appostli Tiegħu, u qal, ”Ħudu, kulu.”5 ”Dan hu ġismi li jingħata għalikom; agħmlu dan b’tifkira tiegħi.”6 Bl-istess mod, Huwa ħa l-kalċi mimli nbid, offra barka fuqu u għaddieh lil dawk ta’ madwaru, u qal: ”Dan il-kalċi huwa l-Patt il-Ġdid b’demmi,”7 ”li jixxerred … għall-maħfra tad-dnubiet.”8 ” Agħmlu dan b’tifkira tiegħi.”9
B’ dan il-mod sempliċi iżda profond, Ġesù waqqaf ordinanza ġdida għall-poplu tal-patt ta’ Alla. Mhux aktar kien se jixxerred id-demm tal-annimal jew jittiekel il-laħam tal-annimal bi tħejjija għas-sagrifiċċju tal-fidwa ta’ Kristu li kienu għadhom qed jistennewh jiġi.10 Minflok, l-emblemi tal-ġisem miksur u d-demm imxerred tal-Kristu li kien diġà ġie kienu se jibdew jittieħdu u jittieklu b’ tifkira tas-sagrifiċċju tal-fidwa Tiegħu.11 Il-parteċipazzjoni f’ din l-ordinanza ġdida jkun ifisser għalina lkoll li aħna naċċettaw b’ mod solenni lil Ġesù bħala l-Kristu mwiegħed u minn jeddna nimxu b’ qalbna kollha warajh u nżommu l-kmandamenti Tiegħu. Lil dawk kollha li jgħixu ħajjithom skont ir-rieda tiegħu, il-mewt spiritwali ”tibqa’ għaddejja” minn ħdejhom, u l-ħajja eterna tkun tagħhom żgur.
Fis-sigħat u l-jiem ta’ wara, Ġesù mar fil-Ġetsemani, ittieħed fuq il-Kalvarju u b’ mod trijonfanti ħareġ mill-qabar ta’ Ġużeppi minn Arimatija. Wara li telaq minn fosthom, id-dixxipli fidili ta’ Ġesù f’ Ġerusalemm u fil-madwar inġabru flimkien fl-ewwel jum tal-ġimgħa biex ”jaqsmu l-ħobż,”12 u huma baqgħu ”iżommu sħiħ.”13 Bla dubju, huma għamlu dan mhux biss biex ifakkru lill-Mulej li issa ma kienx għadu magħhom iżda wkoll biex juru l-gratitudni u l-fidi tagħhom għall-Fidwa meraviljuża Tiegħu għalihom.
B’ mod mill-aktar sinifikanti, meta Ġesù żar lid-dixxipli Tiegħu fil-Kontinent Amerikan, Huwa wkoll waqqaf fosthom is-sagrament.14 Waqt li għamel dan, Huwa qal: ”Dan intom għandkom dejjem taraw li tagħmlu,”15 u ”għandu jkun testimonjanza lejn il-Missier li dejjem se tiftakru fija.”16 Għal darb’oħra, fil-bidu tar-Restawrazzjoni, il-Mulej waqqaf l-ordinanza tas-sagrament, fejn tana struzzjonijiet simili għal dawk li ta lid-dixxipli tiegħu tal-antik.17
L-ordinanza tas-sagrament bdiet tissejjaħ ”waħda mill-aktar ordinanzi qaddisa u sagri fil-Knisja.”18 Għandha ssir għalina aktar qaddisa u sagra. Ġesù Kristu Nnifsu waqqaf l-ordinanza biex ifakkarna dwar dak li Huwa għamel biex jifdina u jgħallimna kif nistgħu ngawdu mill-Fidwa Tiegħu u b’ hekk ngħixu m’ Alla għal darb’oħra.
Bil-ħobż imqatta’ u miksur, aħna nkunu qed infissru li lesti niftakru l-ġisem fiżiku ta’ Ġesù Kristu—ġisem li sofra uġigħ, sofferenza u tentazzjoni ta’ kull tip,19 ġisem li ġarr tagħbija ta’ diqa ta’ qalb tant kbira li kienet suffiċjenti biex huwa ċarċar demmu mill-pori kollha ta’ ġismu,20 ġismu ttertaq kollu u qalbu nqasmet fuq is-salib.21 Aħna ntennu t-twemmin tagħna li waqt li dak l-istess ġisem tpoġġa sabiex jistrieħ meta miet, reġa’ qam għal darb’oħra mill-qabar, fejn qatt iżjed ma kien sa jesperjenza mard, dgħjufija jew mewt.22 U meta nieklu mill-ħobż, aħna nkunu qed nagħrfu li, bħall-ġisem mortali ta’ Kristu, ġisimna jinħall mill-irbit tal-mewt, u jqum b’ mod rebbieħ mill-qabar, u jerġa’ jiġi rrestawrat għall-ispirtu etern tagħna.23
Permezz ta’ tazza ċkejkna ilma, aħna nkunu qed infissru li aħna lesti niftakru fid-demm li Ġesù xerred u fis-sofferenza spiritwali li Huwa sofra għall-umanità. Aħna nfakkru l-agonija li waslitu sabiex jogħroq l-għaraq tad-demm fil-Ġetsemani.24 Aħna nfakkru t-tbenġil u s-swat li sofra minn idejn dawk li kien f’ idejhom.25 Aħna nfakkru d-demm li ġie mċarċar minn idejh, saqajh u ġenbu meta kien fuq il-Kalvarju.26 U aħna nfakkru ir-riflessjoni personali Tiegħu fuq is-sofferenza Tiegħu: ”Kemm kien kbir l-uġigħ ma tafux, kemm kienet tifni t-tbatija ma tafux, kemm kienet diffiċli ġġerraħha ma tafux.”27 Meta aħna nixorbu mill-ilma, aħna nkunu qed nagħrfu li demmu u s-sofferenza Tiegħu pattew għal dnubietna u li Huwa jaħfrilna dnubietna hekk kif aħna nħaddnu u naċċettaw il-prinċipji u l-ordinanzi tal-evanġelju Tiegħu.
B’hekk, permezz tal-ħobż u l-ilma, aħna nkunu qed niftakru fil-Fidwa ta’ Kristu li tifdina mill-mewt u d-dnub. Is-sekwenza li l-ewwel il-ħobż imbagħad l-ilma hija importanti. Meta nieklu mill-ħobż, aħna nkunu qed infakkru l-qawmien mill-imwiet inevitabbli tagħna, li jikkonsisti aktar minn sempliċiment ir-restawrazzjoni tal-ġisem u l-ispirtu. Bil-qawwa tar-Reżurezzjoni, aħna lkoll se niġu rrestawrati għall-preżenza ta’ Alla.28 Dik ir-realtà tpoġġi quddiemna l-mistoqsija fundamentali ta’ ħajjitna. Il-mistoqsija fundamentali li aħna lkoll niffaċċjaw mhjiex jekk aħna hux se ngħixu iżda ma’ min aħna se ngħixu wara li mmutu. Filwaqt li kull wieħed u waħda minna se nerġgħu lura fil-preżenza ta’ Alla, mhux kollha kemm aħna se nibqgħu miegħu.
Tul il-mortalità, kull wieħed u waħda minna nitħammġu bid-dnub u t-trasgressjoni.29 Aħna sa nkunu akkumulajna ħsibijiet, kliem u għemejjel li mhumiex eżattament virtużi.30 F’ kelma waħda, aħna mhux se nkunu nodfa. U x’se tkun il-konsegwenza jekk aħna ma nkunux nodfa fil-preżenza ta’ Alla, Ġesù għamilha ċara kemm jista’ jkun: ”L-ebda ħaġa mhux nadifa ma tgħammar … fil-preżenza tiegħu.”31 Dik ir-realtà dehret lil Alma ż-Żgħir b’ mod mill-aktar ċar, li, meta ġie kkonfrontat minn anġlu qaddis, ħassu tant ittorturat, imdejjaq u tturmentat minħabba li ma kienx nadif li huwa xtaq li jsir ”estint kemm fir-ruħ kif ukoll fil-ġisem, li ma jmurx jittieħed ħalli jieqaf fil-preżenza ta’ … Alla.”32
Meta nixorbu mill-ilma tas-sagrament, aħna mgħallmin kif nistgħu nindafu mid-dnub u t-trasgressjoni u b’hekk nieqfu fil-preżenza ta’ Alla. Permezz tad-demm innoċenti Tiegħu li Huwa ċarċar, Ġesù Kristu ssodisfa d-domanda tal-ġustizzja għal kull dnub u trasgressjoni. Imbagħad Huwa offra li lilna jnaddafna jekk aħna jkollna fidi fih biżżejjed li nindmu; naċċettaw l-ordinanzi u l-patti kollha tas-salvazzjoni, billi nibdew bil-magħmudija; u nirċievu l-Ispirtu s-Santu. Wara li nirċievu l-Ispirtu s-Santu, aħna nindafu u nippurifikaw ruħna. Din id-duttrina Ġesù għamilha ċara ħafna:
”L-ebda ħaġa mhux nadifa ma tista’ tidħol fis-saltna ta’ Alla; … xejn ma jista’ jidħol fil-mistrieħ tiegħu ħlief dawk li ħaslu l-ilbies tagħhom f’ demmi. …
”Issa Dan huwa l-kmandament: Indmu, intom kollha minn truf id-dinja, u ejjew għandi u tgħammdu f’ ismi, ħalli titqaddsu permezz tal-għotja tal-Ispirtu s-Santu, sabiex intom tieqfu mingħajr tebgħa quddiemi fl-aħħar jum.”33
Din hi d-duttrina ta’ Kristu.34 Meta aħna nirċievu din id-duttrina u ngħixu ħajjitna skont it-tagħlim tagħha, aħna nkunu fil-verità nħsilna permezz ta’ demm Kristu u tnaddafna.35
Permezz tat-talb sagramentali, aħna nesprimu li qed naċċettaw din id-duttrina ta’ Kristu u l-impenn tagħna li ngħixu skont it-tagħlim tagħha. Fil-petizzjoni tagħna lil Alla, il-Missier Etern tagħna, aħna niddikjaraw li ”dejjem niftakru” f’ Ibnu l-prezzjuż. L-ewwel, aħna nixhdu ir-”rieda” tagħna li niftakru. Imbagħad nixhdu li aħna ”tassew” niftakru. Meta nagħmlu dan, aħna nkunu qed nagħmlu impenn solenni li neżerċitaw il-fidi f’ Ġesù Kristu u fil-Fidwa Tiegħu għalina mill-mewt u d-dnub.
Aħna niddikjaraw ukoll li aħna se ”nżommu l-kmandamenti tiegħu.” Dan ifisser impenn solenni li nindmu. Jekk fil-jiem ta’ qabel, ħsibijietna, kliemna u għemilna ma kenux kif għandhom ikunu, aħna nirrikommettu ruħna li ngħixu ħajjitna kif iridna Hu fil-jiem ta’ wara.
Imbagħad, aħna niddikjaraw li aħna ”lesti li nieħdu fuqna l-isem ta’ Ibnu.”36 Dan huwa impenn solenni li nissottomettu ruħna lejn l-awtorità Tiegħu u nagħmlu l-ħidma Tiegħu, li tinkludi li nirċievu għalina nfusna kull ordinanza u patt tas-salvazzjoni.37
Meta aħna nikkommettu ruħna lejn dawn il-prinċipji, aħna niġu mwiegħda fit-talb sagramentali li aħna jkollna ”l-Ispirtu tiegħu magħna.”38 Li nerġgħu nirċievu mill-ġdid l-Ispirtu hija waħda mill-ogħla barkiet li nistgħu nirċievu peress li l-Ispirtu huwa aġent li jnaddafna u jippurifikana mid-dnub u t-trasgressjoni.39
Ħuti, l-aktar ġrajja importanti f’ din il-ħajja u fl-eternità hija l-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu. Dak li wettaq l-Att tal-Fidwa tana l-ordinanza tas-sagrament biex jgħinna mhux biss niftakru fih iżda wkoll niksbu l-barkiet ta’ dan il-att suprem ta’ grazzja. Il-parteċipazzjoni regolari u ħerqana f’ din l-ordinanza sagra tgħinna nkomplu ngħożżu u ngħixu d-duttrina ta’ Kristu wara l-magħmudija u b’ hekk inwettqu u ntemmu l-proċess tas-santifikazzjoni. Verament, l-ordinanza tas-sagrament tgħinna b’ mod fidil nibqgħu sodi sat-tmiem u nirċievu l-milja tal-Missier bl-istess mod li rċeviha Ġesù, grazzja wara grazzja.40
Jiena nagħti x-xhieda tiegħi tal-qawwa ta’ Ġesù Kristu li tifdina mill-mewt u mid-dnub u tal-qawwa tal-ordinanzi tas-saċerdozju Tiegħu, inkluż is-sagrament, li jħejjuna sabiex ”naraw wiċċ Alla, sewwasew il-Missier u ngħixu.”41 Jalla aħna nirċievu s-sagrament il-ġimgħa d-dieħla, u kull ġimgħa oħra wara, b’ xewqa akbar u għan aktar ferventi, jiena nitlob f’ isem il-Mulej Ġesù Kristu, amen