2010-2019
Ngħixu l-Evanġelju bil-Ferħ
Ottubru 2014


Ngħixu l-Evanġelju bil-Ferħ

Afdaw fil-qawwa li ssalva ta’ Ġesù Kristu; żommu l-liġijiet u l-kmandamenti Tiegħu. Fi kliem ieħor—għixu l-evanġelju bil-ferħ.

Għeżież ħuti, għeżież ħbieb tiegħi u dixxipli imberkin ta’ Ġesù Kristu, jiena ninsab onorat li għandi din l-opportunità li nkun hawn magħkom hekk kif nagħtu bidu għal konferenza ġenerali oħra tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem. Fil-ġimgħa li ġejja l-Ewwel Presidenza u t-Tnax-il Appostlu jiltaqgħu mal-Awtoritjiet Ġenerali kollha u l-mexxejja awżiljari ġenerali, u s-sezzjonijiet l-oħra li baqa’ mill-konferenza ġenerali se jkomplu s-Sibt u l-Ħadd li ġej. Jiena grat ħafna għall-President Thomas S. Monson, il-profeta ta’ Alla għal żmienna, talli talabni sabiex nirrappreżenta l-Ewwel Presidenza jien u nkellem lill-aħwa nisa tal-Knisja.

Hekk kif bdejt nikkontempla x’ għandi ngħid, ħsibijieti marru fuq in-nisa li ffurmaw ħajti u għenuni tul l-isfidi tal-mortalità. Jiena grat għal nannti li għexieren ta’ snin ilu ddeċidiet li tieħu l-familja tagħha għal-laqgħa sagramentali tal-Mormoni. Jiena grat għal Ewig, xebba anzjana Ġermaniża, li isimha bl-Ingliż ifisser ”Sister Eterna.” Hija kienet dik li stiednet b’ kuraġġ lin-nanna tiegħi. Jiena vermanet grat għal ommi, li rabbiet erbat itfal fiż-żmien diffiċli tat-Tieni Gwerra Dinjija. Insemmi wkoll lit-tifla tiegħi, lit-tfal tat-tfal u l-ġenerazzjonijiet futuri ta’ nisa fidili li xi darba għad jimxu wara l-passi tan-nisa ta’ qabilhom.

U, bla dubju, jiena eternament grat għal marti, Harriet, li saħħritni meta kont għadni żagħżugħ, ġarret l-akbar tagħbija tal-familja żgħira tagħna bħala omm, tieqaf miegħi bħala marti, u tħobb u tgħożż lil uliedna, lil ulied uliedna u lil uliedhom. Hija kienet dik li dejjem żammet lill-familja tagħna flimkien, kemm fil-bnazzi kif ukoll fil-maltemp. Hija twassal il-ferħ f’ ħajjet dawk kollha li jafuha.

Finalment, jiena grat għalikom ilkoll, il-miljuni ta’ aħwa nisa fidili minn madwar id-dinja kollha, ta’ kull età, li tagħmlu tant biex tibnu s-saltna ta’ Alla. Jiena grat għalikom għal modi bla għadd li bihom tispiraw, issostnu u tbierku lil dawk ta’ madwarkom.

Ulied Nisa t’ Alla

Jiena kuntent ħafna li ninsab fost tant nisa wlied Alla. Meta aħna nkantaw l-għanja ”Jien Iben Alla,” il-lirika verament tippenetra qalbna. Li nixtarru din il-verità—li aħna wlied ġenituri tas-smewwiet1—timliena b’ sens ta’ oriġini, skop u destin.

Huwa tajjeb li tiftakru li intom dejjem ulied Alla. Dan l-għarfien isostnikom tul iż-żminijiet l-aktar diffiċli f’ ħajjitkom u jispirakom sabiex twettqu ħwejjeġ meraviljużi. Madankollu, huwa importanti tiftakru li tkun bint ġenituri eterni mhuwiex xi unur li intom ksibtu bil-ħila tagħkom jew xi ħaġa li qatt se titilfuha. Intom se tibqgħu għal dejjem ulied Alla. Missierkom tas-Smewwiet għandu aspirazzjoni għolja għalikom, iżda l-oriġini divina tagħkom waħidha ma tiggarantilkomx li se jkollkom wirt etern. Alla bagħatkom hawn sabiex iħejjikom għal futur akbar milli qatt tistgħu timmaġinaw.

Il-barkiet imwiegħda ta’ Alla lill-fidili huma glorjużi u li jispirawna. Fosthom hemm ”tronijiet, renji, prinċipalitajiet u qawwiet, dominji, postijiet fil-għoli u fil-baxx.”2 U jeħtieġ ferm aktar minn sempliċiment ċertifikat tat-twelid spiritwali jew ”Karta tas-Sħubija bħala Bint Alla” biex tikkwalifikaw għal dawn il-barkiet inkomprensibbli.

Iżda kif nistgħu niksbuhom?

Is-Salvatur wieġeb din il-mistoqsija fi żmienna:

”Jekk intom ma tobdux il-liġi tiegħi, ma tistgħux tiksbu din il-glorja.

”Għaliex stretta x-xatba u dejqa t-triq li twassal għall-eżaltazzjoni. 

“… Irċievu intom, għalhekk, il-liġi tiegħi.”3

Għal din ir-raġuni, aħna ngħidu li nimxu fit-triq tagħna bħala dixxipli.

Aħna nitkellmu li għandna nobdu l-kmandamenti ta’ Alla.

Aħna nitkellmu li għandna ngħixu b’ ferħ l-evanġelju b’ qalbna kollha, bil-qawwa tagħna kollha, b’ moħħna kollu u b’ ruħna kollha.

Alla Jaf xi Ħaġa li Aħna ma Nafux

Madankollu għal xi wħud minna, li nobdu l-kmandamenti ta’ Alla mhux dejjem inħossuha bħala xi ħaġa ta’ ferħ. Ejja ngħidu l-affarijiet kif inhuma: jista’ jkun li hemm minnhom li jidhru aktar diffiċli jew ma jolqtuniex daqshekk—kmandamenti li niffaċċjawhom bl-entużjażmu ta’ tifel bilqiegħda quddiem platt ħaxix li għalkemm tajjeb għas-saħħa iżda ma jistax għalih. Nheżżu waħda snienna u nisfurzaw lilna nfusna biex nobdu ħalli nkunu nistgħu ngħaddu għal attivitajiet li nieħdu aktar gost bihom.

Forsi tul mumenti bħal dawn, nistgħu nistaqsu lilna nfusna, ”Għandna verament għalfejn nobdu l-kmandamenti kollha ta’ Alla?”

Ir-risposta tiegħi għal din il-mistoqsija hija waħda sempliċi:

Naħseb li Alla jaf xi ħaġa li aħna ma nafuhiex—xi ħaġa li s’ issa għadha diffiċli għalina li nifhmuha! Missierna fis-Smewwiet huwa esseri etern li l-esperjenza, l-għerf u l-intelliġenza Tiegħu huma b’ mod infinit akbar minn tagħna.4 Mhux hekk biss, iżda Huwa wkoll għandu fih imħabba u kompassjoni eterna, u jiffoka fuq għan wieħed imbierek: li jġib fis-seħħ l-immortalità u l-ħajja eterna.5

Fi kliem ieħor, Huwa mhux biss jaf x’inhu l-aħjar għalikom; Huwa jinsab ukoll anzjuż għaliex iridkom tagħżlu dak li hu l-aħjar għalikom.

Jekk intom temmnu dan ġewwa qalbkom—jekk verament temmnu li l-missjoni kbira ta’ Missierna tas-Smewwiet hi li jeżalta u jigglorifika lil uliedu u li Huwa jaf l-aktar kif għandu jagħmel dan—ma jagħmilx sens li tħaddnu u timxu wara l-kmandamenti Tiegħu, anke dawk li jidhru diffiċli? M’għandniex aħna ngħożżu l-fanali li Huwa ta sabiex jiggwidana tul id-dalma u l-isfidi tal-mortalità? Huma juruna triqitna lura lejn darna fis-smewwiet! Jekk intom tagħżlu t-triq ta’ Missierna tas-Smewwiet, intom tkunu qed tibnu pedament divin għall-progress personali tagħkom bħala wlied Alla li jberikkom tul ħajjitkom.

Parti mill-isfida tagħna hi, naħseb, li aħna nimmaġinaw li Alla għandu l-barkiet kollha Tiegħu moħbija fi sħaba kbira fis-sema, u li qed jirrifjuta li jagħtihomna sakemm aħna ma nkunux lesti li nobdu xi ħtiġijiet stretti u paternalistiċi li huwa fassal. Iżda l-kmandamenti mhumiex hekk żgur. Fil-verità, Missierna tas-Smewwiet il-ħin kollu jitfa’ barkietu fuqna. Hija l-biża’ tagħna, id-dubju u d-dnub li, bħal umbrella, jżommu dawn il-barkiet milli jaslu sa ħdejna.

Il-kmandamenti Tiegħu huma l-istruzzjonijiet kollha mħabba u l-għajnuna divina għalina sabiex aħna nagħlqu l-umbrella tagħna ħalli nkunu nistgħu nirċievu xita ta’ barkiet mis-smewwiet.

Neħtieġu naċċettaw li l-kmandamenti ta’ Alla mhumiex sempliċiment lista twila ta’ ideat tajbin. Mhumiex xi teknika tal-ħajja minn fuq xi blogg fl-internet jew xi kwotazzjonijiet li jimmotivawna minn xi bord fuq Pinterest. Huma kunsill divin, ibbażat fuq veritajiet eterni, mogħtija lilna biex iwassluna ”sliem f’ din id-dinja u ħajja eterna fid-dinja li jmiss.”6

Għalhekk għandna għażla. Fuq naħa, hemm l-għażla tad-dinja bit-teoriji dejjem jinbidlu u l-mottivi mhux ta’ min jafdahom. Min-naħa l-oħra, hemm il-kelma ta’ Alla għall-uliedu—l-għerf etern Tiegħu, il-wegħdiet ċerti Tiegħu u l-istruzzjonijiet kollha mħabba Tiegħu biex nerġgħu lura fil-preżenza Tiegħu fil-glorja, fl-imħabba u l-maestà.

L-għażla f’ idejkom!

Il-Ħallieq tal-ibħra, tar-ramel u tal-kwiekeb bla għadd qiegħed jipprova jersaq lejkom illum stess! Huwa qed joffrilkom ir-riċetta grandjuża għal ħajja eterna mimlija paċi u hena!

Biex tikkwalifikaw għal dawn il-barkiet glorjużi, intom għandkom tibqgħu umli, teżerċitaw il-fidi, tieħdu fuqkom isem Kristu, tfittxuh kemm fil-kelma kif ukoll fl-għemil u b’ mod riżolut ”tieqfu bħala xhieda ta’ Alla l-ħin kollu, f’ kollox u kullimkien.”7

L- Għalfejn tal-Ubbidjenza

La darba tifhmu n-natura vera ta’ Alla u l-kmandamenti Tiegħu, intom tifhmu wkoll aħjar lilkom infuskom u l-għan divin tal-eżistenza tagħkom. Ma’ dan, il-motivazzjoni tagħkom li tobdu l-kmandamenti tinbidel, u ssir ix-xewqa ta’ qalbkom li tgħixu l-evanġelju b’ ferħ.

Per eżempju, dawk li jqisu l-attendenza tagħhom għal-laqgħat tal-Knisja bħala mod personali kif huma jkabbru l-imħabba tagħhom lejn Alla, isibu l-paċi, jelevaw lil ħaddieħor, ifittxu l-Ispirtu u jġeddu l-impenn tagħhom li jimxu wara Ġesù Kristu se jsibu esperjenza ferm aktar rikka minn dawk li sempliċiment jattendu ta’ bilfors. Ħuti, huwa verament importanti li aħna nattendu l-laqgħat tagħna tal-Ħadd, iżda jiena kważi ċert li Missierna tas-Smewwiet aktar jimpurtah mill-fidi u l-indiema tagħna milli min-numru ta’ kemm jattendu nies.

Dan li ġej huwa eżempju:

Omm ’single’ ta’ żewġ ulied ċkejknin, riċentiment qabadha l-ġidri r-riħ. Ovvjament, ma damux ma laqqtuha t-tfal ukoll. Il-biċċa xogħol li kellha biex tieħu ħsieb tagħha nnifisha u ta’ wliedha ċkejknin kienet enormi għal din l-omm żagħżugħa. U, b’ riżultat ta’ dan, id-dar li normalment kienet tkun nadifa tazza bdiet issir mimlija mbarazz u mitluqa. Is-sink kien spiċċa mimli platti u l-ħwejjeġ għall-ħasil kienu jinsabu jiġru ma’ kullimkien.

Waqt li hija kienet qed titqabad mat-tfal jibku—u xtaqet tibki hija stess—semgħet xi ħadd iħabbat il-bieb. Kienu l-għalliema taż-żjajjar tagħha. Huma setgħu jaraw il-miżerja ta’ din l-omm żagħżugħa. Huma setgħu jaraw id-dar tagħha, u l-kċina tagħha. Huma setgħu jisimgħu l-biki ta’ wliedha.

Issa, jekk dawk l-aħwa kienu jikkonċernaw ruħhom biss li jwettqu ż-żjajjar tax-xahar assenjati lilhom, forsi kienu jagħtu lil din l-omm xi platt galettini, jgħidulha li kienu mmissjawha fis-Soċjetà tal-Għajnuna l-ġimgħa ta’ qabel, u jgħidulha xi ħaġa bħal, ”Għidilna jekk inkunu nistgħu ngħinuk f’ xi ħaġa!” Huma setgħu telqu minn hemm ferħana, grati li kienu wettqu 100 fil-mija taż-żjajjar tagħhom għal dak ix-xahar.

Fortunatament, dawn l-aħwa kienu dixxipli vera ta’ Kristu. Huma nnutaw il-bżonnijiet ta’ din l-oħt u wżaw il-bosta talenti tagħhom u l-esperjenza li huma kellhom. Huma żbarazzaw l-imbarazz, ġabu l-ordni lura fid-dar u ċemplu ħabiba tagħhom sabiex tmur tixtrilha xi affarijiet tal-ikel li tant kienet teħtieġ. Meta finalment huma spiċċaw li kellhom jagħmlu u qalu saħħa lil xulxin, huma ħallew warajhom lil dik l-omm żagħżugħa bid-dmugħ f’ għajnejha—dmugħ ta’ gratitudni u mħabba.

Minn dak il-mument ’il quddiem, l-opinjoni li dik l-omm żagħżugħa kellha dwar l-għalliema taż-żjajjar inbidlet waħda sew. ”Jiena naf,” qalet hi, ”li jiena mhux sempliċiment xi ħaġa li ħaddieħor hemm bżonn jagħmilha biex ikun għamilha.

Iva, l-għalliema taż-żjajjar għandhom ikunu fidili fiż-żjajjar tagħhom ta’ kull xahar, iżda mingħajr ma jimmissjaw l-aktar ħaġa importanti li hemm wara dan il-kmandament: li nħobbu ’l Alla u lil għajrna.

Meta aħna nippruvaw nobdu l-kmandamenti ta’ Alla bħala xi ħaġa li rridu nagħmlu biex neħilsuha, inkunu qed nimmissjaw xi jfisser li tkun verament dixxiplu. Nimmissjaw kemm aħna nistgħu nikbru jekk ngħixu b’ ferħ il-kmandamenti ta’ Missierna fis-Smewwiet.

Li nimxu fit-triq tagħna bħala dixxipli m’għandhiex tkun esperjenza qarsa. Hija ”l-aktar ħelwa fost kull ħaġa ħelwa.”8 Mhijiex xi piż li jtaqqalna. Li nkunu dixxipli jgħolli l-ispirtu tagħna u jimla ruħna bl-imħabba. Jispirana permezz tal-fidi, it-tama u l-karità. Jimla l-ispirtu tagħna bid-dawl fiż-żminijiet ta’ dalma u bis-serenità fi żminijiet ta’ niket.

Jagħtina qawwa divina u ferħ dejjiem.

Ngħixu l-Evanġelju bil-Ferħ

Għeżież ħuti fl-evanġelju, kemm jekk għandkom 8 snin jew inkella 108, hemm ħaġa li nispera li verament tifhmuha u tafuha:

Intom maħbubin.

Intom għeżież għall-ġenituri tagħkom tas-smewwiet.

Il-Ħallieq infinit u etern tad-dawl u l-ħajja jafkom! Huwa jaf min intom.

Iva, Alla jħobbkom sewwasew illum u dejjem.

Huwa mhux qed jistenna biex iħobbkom sakemm intom tegħlbu d-dgħjufijiet u l-vizzji ħżiena tagħkom. Huwa jħobbkom illum b’ għarfien sħiħ ta’ dak kollu li tinsabu tħabbtu wiċċkom miegħu. Huwa konxju li intom idduru lejh fit-talb sinċier u mimli tama tagħkom. Huwa jaf bil-mumenti meta intom bqajtu sodi fid-dawl inemnem u emmintu—anke f’ nofs dalma dejjem tikber. Huwa jaf is-sofferenza tagħkom. Huwa jaf dwar ir-rimors tagħkom minħabba l-mumenti meta żbaljajtu jew ma rnexxilkomx. U xorta waħda għadu jħobbkom.

U Alla jaf dwar is-suċċessi tagħkom; għalkemm jafu jidhru żgħar għalik, Huwa jagħraf u jgħożż kull wieħed minnhom. Huwa jħobbkom talli ppruvajtu tgħinu lill-oħrajn. Huwa jħobbkom talli ppruvajtu tgħinuhom iġorru t-tagħbija tqila tagħhom—anke meta kontu qegħdin tippruvaw iġġorru tagħkom.

Huwa jaf kollox dwarkom. Huwa jarakom b’ mod ċar—Huwa jafkom kif verament intom. U Huwa jħobbkom—illum u dejjem!

Taħsbu li jimpurtah Missierna tas-Smewwiet jekk l-irtokk tagħkom, l-ilbies tagħkom, xagħarkom u d-dwiefer tagħkom humiex perfetti? Taħsbu l-valur tagħkom għalih jinbidel skont kemm għandkom segwaċi fuq Instagram jew Pinterest? Taħsbu jridkom tinkwetaw jew tħossukom imdejqin jekk xi ħadd ma jibqax ħabib tagħkom jew ma jibqax isegwikom fuq Facebook jew Twitter? Taħsbu li s-sbuħija minn barra, il-qies tal-libsa tagħkom jew il-popolarità jagħmlu xi l-iċken differenza fil-valur li jara fikom Dak li ħoloq l-univers?

Huwa jħobbkom mhux biss għal dak li intom illum iżda wkoll għall-persuna ta’ glorja u dawl li intom għandkom il-potenzjal u x-xewqa fikom li ssiru.

Aktar milli qatt tistgħu timmaġinaw, Huwa jridkom tiksbu d-destin tagħkom—li terġgħu lura fid-dar tagħkom fis-smewwiet b’ unur.

Jiena nixhed li l-mod kif tistgħu twettqu dan huwa billi tqiegħdu x-xewqat egoistiċi u l-ambizzjonijiet xejn denji tagħkom fuq l-artal tas-sagrifiċċju u s-servizz. Ħuti, afdaw fil-qawwa li ssalva ta’ Ġesù Kristu; żommu l-liġijiet u l-kmandamenti Tiegħu. Fi kliem ieħor—għixu l-evanġelju bil-ferħ.

Hija t-talba tiegħi li intom tesperjenzaw doża akbar tal-imħabba ta’ Alla f’ ħajjitkom; li intom issibu l-fidi, id-determinazzjoni u l-impenn li titgħallmu l-kmandamenti ta’ Alla, tgħożżuhom f’ qalbkom u tgħixu l-evanġelju bil-ferħ.

Inwegħidkom li kif tagħmlu dan, intom tiskopru l-aħjar li hemm ġewwa fikom—tiskopru lilkom infuskom. Tiskopru xi jfisser verament li tkunu wlied Alla l-etern, il-Mulej tas-sewwa kollha. Ta’ dan jiena nixhed u nagħtikom il-barka tiegħi bħala Appostlu tal-Mulej, f’ isem Ġesù Kristu, amen.