2010-2019
Insibu l-Paċi Dejjiema u Nibnu Familji Eterni
Ottubru 2014


Insibu l-Paċi Dejjiema u Nibnu Familji Eterni

Huwa l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu li jipprovdilna l-pedament li permezz tiegħu nistgħu nsibu paċi dejjiema u nibnu units ta’ familji eterni.

Il-vjaġġ tagħna tul il-ħajja ikun fih perjodi kemm tajbin kif ukoll ħżiena. Kull wieħed minnhom jippreżentalna sfidi differenti. Kif nitgħallmu naġġustaw għall-isfidi li nħabbtu wiċċna magħhom jiddependi fuq il-pedament li fuqu aħna nibnu. L-evanġelju tal-Mulej u s-Salvatur tagħna jipprovdilna pedament sod u b’ saħħtu. Jinbena biċċa biċċa hekk kif aħna niksbu l-għarfien tal-pjan etern tal-Mulej għal uliedu. Is-Salvatur huwa l-Imgħallem Prim. Aħna nimxu warajh.

L-iskrittura tixhed dwaru u tipprovdilna eżempju perfett tas-sewwa kif nistgħu nimxu warajh. Jiena qsamt mal-membri tal-Knisja f’ konferenza oħra li jiena għandi numru ta’ pitazzi li fihom ommi kienet tniżżel il-materjal li kienet tuża biex tħejji l-lezzjonijiet tagħha tas-Soċjetà tal-Għajnuna. In-noti għadhom jgħoddu llum daqskemm kienu jgħoddu dak iż-żmien. Waħda minnhom kienet kwotazzjoni miktuba fl-1908 minn Charles Edward Jefferson dwar il-karattru ta’ Ġesù Kristu. Huwa jgħid:

”Li tkun Kristjan hu li tammira lil Ġesù b’ tant sinċerità u b’ mod tant ferventi li ħajtek tiddedikaha kollha għalih u taspira li tkun bħalu.

“…  Nistgħu nsiru nafuh permezz tal-kliem li huwa qal, permezz tal-għemejjel tiegħu, kif ukoll permezz tas-silenzju tiegħu. Nistgħu nsiru nafuh ukoll mill-impressjoni li huwa ħalla l-ewwel fuq sħabu, it-tieni fuq l-għeddewwa tiegħu u t-tielet fuq in-nies li kienu jgħixu fi żmienu. …

”Wieħed mill-aspetti tal-ħajja fis-seklu għoxrin huwa n-nuqqas ta’ kuntentizza u l-inkwiet. …

“… Id-dinja tixtieq xi ħaġa, li bilkemm taf x’ inhi. Waslu l-flus, … u d-dinja mimlija b’ … invenzjonijiet ta’ ħila u ġenju uman, iżda … xorta waħda għadna bla kwiet, mhux sodisfatti u mħawdin. … Jekk niftħu t-Testment il-Ġdid insibu jilqagħna dan il-kliem, ’Ejjew għandi u jiena nserraħkom, Jiena hu l-ħobż tal-ħajja, Jiena d-dawl tad-dinja, Min jieħdu l-għatx, jiġi għandi u jixrob, Nagħtikom is-sliem tiegħi, Intom tirċievu l-qawwa, Intom se tifirħu’” (The Character of Jesus [1908], 7, 11, 15–16).

Ħafna drabi l-bnedmin jiġu influwenzati minn dawk li jagħżlu li jagħmluha magħhom. Dawk li huma jammiraw u jippruvaw jimitaw ukoll jinfluwenzawhom ferm. Ġesù huwa l-Eżemplar il-kbir. L-uniku mod kif nistgħu nsibu paċi dejjiema hija billi nħarsu lejh u ngħixu.

X’ għandna nagħtu kas meta nistudjaw dwar Ġesù?

”Il-kittieba tat-Testment il-Ġdid … ma taw kas xejn tal-istatura ta’ Ġesù, tal-ilbies li huwa libes jew tad-djar li fihom għex. … Huwa twieled ġo stalla, ħadem f’ ħanut tal-mastrudaxxa, għallem għal tliet snin, imbagħad miet fuq salib. … It-Testment il-Ġdid ġie miktub minn irġiel li kienu ddeterminati li aħna … niffukaw biss fuqu” (The Character of Jesus, 21–22) b’ assigurazzjoni li Huwa verament kien u għadu l-Iben ta’ Alla, is-Salvatur u l-Feddej tad-dinja.

Waħda mill-parabboli tas-Salvatur, nemmen, li tapplika speċjalment għal żmienna.

Tinsab f’ Mattew kapitlu 13, fejn naqraw:

”Iżda xħin in-nies kienu reqdin, ġie l-għadu tiegħu, żara’ s-sikrana qalb il-qamħ u telaq.

”Meta mbagħad il-qamħ nibet u ħareġ is-sbul, tfaċċat ukoll is-sikrana.

”Resqu l-qaddejja fuq sid l-għalqa u qalulu, ’Sinjur, int mhux żerriegħa tajba żrajt fl-għalqa tiegħek? Mela dis-sikrana mnejn ġiet?’

”Iżda hu qalilhom, ’Dil-biċċa għamilhieli xi għadu tiegħi. Tridx immorru niġbruha?’ qalulu l-qaddejja.

”Le, qalilhom, Għax intom u tiġbru s-sikrana għandkom mnejn taqilgħu magħha l-qamħ ukoll.

”Erħulhom jikbru t-tnejn flimkien sal-ħsad; meta mbagħad jasal il-ħsad, ngħid lill-ħassada: ’Iġbru s-sikrana l-ewwel, u orbtuha qatta qatta għall-ħruq, mbagħad qiegħdu l-qamħ fil-maħżen tiegħi.” (versi 25–30).

L-għadu ewlieni tal-umanità sab kemm ried affarijiet biex jifrex is-sikrana ma’ kullimkien. Huwa sab modi kif huma jippenetraw anke fis-santità ta’ darna. Il-modi kollha ħażen tad-dinja tant saru mifruxa ma’ kullimkien li kważi jidher li ma jeżisti l-ebda mod speċjali kif teħles minnhom. Jaslu għandna permezz tal-elettriku u l-internet bl-istess affarijiet li aħna żviluppajna biex jedukawna u jdawluna. Il-qamħ u s-sikrana kibru ferm viċin xulxin. Il-bidwi li qed jieħu ħsieb l-għalqa għandu, bil-qawwa tiegħu kollha, jieħu ħsieb dak li hu tajjeb u jsebbħu u jsaħħu b’ tali mod li s-sikrana ma tibqax attraenti la għall-għajn u lanqas għall-widna. Kemm aħna mberkin bħala membri tal-Knisja tal-Mulej li għandna l-evanġelju prezzjuż tal-Mulej u s-Salvatur tagħna bħala l-pedament li fuqu nistgħu nibnu ħajjitna.

Mill-Ktieb ta’ Mormon f’ 2 Nephi naqraw: ”Għax araw, jiena qed ngħidilkom li jekk intom tidħlu mit-triq u tirċievu l-Ispirtu s-Santu, huwa jurikom dak kollu li għandkom tagħmlu” (2 Nephi 32:5).

M’ għandna qatt inħallu l-ħoss tad-dinja jitfi u jegħleb dak il-leħen sieket u ċkejken.

Aħna ċertament ġejna mwissija dwar l-avvenimenti li se nħabbtu wiċċna magħhom fi żmienna. L-isfida tagħna tkun kif se nitħejjew għall-avvenimenti li l-Mulej aċċertana li għandhom iseħħu.

Ħafna fis-soċjetà nkwetata tagħna jifhmu li d-diżintegrazzjoni tal-familja ġġib biss niket u nuqqas ta’ tama f’ dinja kollha nkwiet. Bħala membri tal-Knisja, għandna r-responsabbiltà li nippreservaw u nipproteġu l-familja bħala l-unit bażika tas-soċjetà u l-eternità. Il-profeti wissewna kemm-il darba dwar il-konsegwenzi inevitabbli u qerrieda tad-deterjorament tal-valuri tal-familja.

Hekk kif id-dinja tkompli tosservana, għandna nkunu ċerti li l-eżempju tagħna jsostni u jissapportja l-pjan li l-Mulej fassal għal uliedu hawn fil-mortalità. L-akbar tagħlim għandu jiġi mgħallem permezz ta’ eżempju tajjeb. Djarna għandhom ikunu postijiet qaddisa sabiex ikunu jistgħu jieqfu kontra l-pressjoni tad-dinja. Ftakru li l-akbar fost il-barkiet kollha tal-Mulej niksbuhom u jingħataw lilna permezz ta’ familji twajba.

Aħna għandna nkomplu nevalwaw bir-reqqa kif qed naġixxu bħala ġenituri. L-aktar tagħlim effettiv li tifel żgħir qatt jista’ jirċievi jasal għandu minn missirijiet u ommijiet twajba li jimpurtahom minnu. Ejjew l-ewwel nagħtu ħarsa lejn l-irwol tal-omm. Isimgħu din il-kwotazzjoni mill-President Gordon B. Hinckley:

”In-nisa li jagħmlu mid-dar post li fih tgħammar il-familja jagħtu kontribut ferm akbar lis-soċjetà minn dawk li jikkmandaw armati kbar jew imexxu koporazzjonijiet mill-aktar impressjonanti. Minn qatt jista’ jiddeċiedi prezz għall-influwenza li omm għandha fuq uliedha, li nanna għandha fuq il-ġenerazzjonijiet ta’ warajha jew liz-zijiet u l-aħwa għandhom fuq il-familja estiża?

”Aħna ma nistgħux nibdew inkejlu jew nikkalkulaw l-influwenza ta’ nisa li, bil-modi tagħhom, jibnu ħajja tal-familja stabbli u jrawmu fit-tajjeb dejjiemi lill-ġenerazzjonijiet tal-futur. Id-deċiżjonijiet li jieħdu n-nisa ta’ din il-ġenerazzjoni jħallu warajhom konsegwenzi eterni. Ippermettuli nissuġġerixxi li l-ommijiet tal-lum m’ għandhomx opportunità akbar u sfida aktar serja milli jagħmlu dak kollu li jistgħu biex isaħħu l-familja tagħhom” (Standing for Something: 10 Neglected Virtues That Will Heal Our Hearts and Homes [2000], 152).

Issa ejjew nagħtu ħarsa lejn l-irwol li l-missier għandu f’ ħajjitna:

Il-missirijiet jagħtu l-barkiet u jwettqu ordinanzi sagri għal uliedhom. Dawn isiru l-mumenti l-aktar importanti tal-ħajja spiritwali tagħhom.

Il-missirijiet personalment jinvolvu ruħhom fit-tmexxija tat-talb tal-familja, tal-qari kuljum mill-iskrittura u tal-lejla d-dar mal-familja ta’ kull ġimgħa.

Il-missirijiet jibnu t-tradizzjonijiet tal-familja billi jinvolvu ruħhom billi jgħinu fl-ippjanar ta’ xi vaganza jew ħarġa għall-familja li tinvolvi lill-membri kollha tal-familja. Il-memorji ta’ dan iż-żmien speċjali flimkien żgur li wliedhom qatt ma jinsewh.

Il-missirijiet iqattgħu ħin partikolari ma’ kull wieħed u waħda minn uliedhom u jgħallmuhom il-prinċipji tal-evanġelju.

Il-missirijiet jgħallmu lil uliedhom il-valur tax-xogħol u jgħinuhom jistabbilixxu għanijiet denji f’ ħajjithom.

Il-missirijiet jagħtuhom eżempju ta’ servizz fidil tal-evanġelju.

Jekk jogħġobkom, l-aħwa, ftakru fis-sejħa sagra tagħkom bħala missier f’ Iżrael—l-aktar sejħa importanti tagħkom f’ din il-ħajja u fl-eternità—sejħa li minnha qatt m’intom se tinħallu.

Bosta snin ilu waqt il-konferenzi tal-wited, konna nuru film qasir bit-tema tal-messaġġ li konna nkunu se nippreżentaw. Matul iż-żmien tas-sena, matul il-vjaġġi tagħna madwar il-Knisja fi żjarat assenjati lilna waqt il-konferenza tal-wited, aħna konna nsiru familjari mal-kontenut tal-film. Konna kważi nispiċċaw nikkwotawh bl-amment. Il-messaġġ baqa’ f’ moħħi wara dawn is-snin kollha. Il-kummentarju tal-film kien għamlu l-President Harold B. Lee u kien jirrakkonta dwar xi ħaġa li kienet seħħet fid-dar ta’ bintu. Kien jgħid xi ħaġa hekk:

Lejla waħda l-omm tal-familja kienet qed tipprova b’ mod frenetiku ttemm timla xi frott fil-fliexken. Finalment it-tfal kienu lesti biex jorqdu u kienu daħlu fis-sodda. Issa kien wasal il-ħin li ġġib il-frott. Hekk kif hija bdiet tqaxxar u tneħħi l-għadam tal-frott, żewġ subien tfaċċaw fil-kċina u qalulha li huma kienu jinsabu lesti għat-talb ta’ filgħaxija.

Peress li ma reditx lil min itellifha, l-omm qalet malajr lil uliedha, ”Għalfejn ma tgħidux it-talba weħidkom illejla, u ommkom tibqa’ taħdem fuq il-frott?”

L-ikbar wieħed fost iż-żewġ aħwa waqaf b’ mod sod u staqsa, ”Liema hi l-aktar importanti, it-talb jew il-frott?” (Ara Teachings of Presidents of the Church: Harold B. Lee [2000], 143–44.)

Xi kultant aħna nisbu lilna nfusna f’ sitwazzjonijiet fejn ikollna l-opportunità li ngħallmu lil uliedna lezzjoni li jista’ jkollha effett dejjiemi fuq il-ħajja bikrija tagħhom. Bla dubju, it-talb huwa aktar importanti mill-frott. Ġenitur li jirnexxi m’għandu qatt ikun mħabbat wisq biex isib il-mument fil-ħajja ta’ wliedu fejn ikun jista’ jgħallimhom xi lezzjoni importanti.

Hija l-konvinzjoni ferma tiegħi li qatt ma kien hawn żmien kemm ili ngħix jiena fejn daqs illum ulied Missierna tas-Smewwiet għandhom daqstant il-bżonn tal-id li tiggwidahom tal-ġenituri fidili u devoti tagħhom. Aħna għandna wirt kbir u nobbli ta’ ġenituri li ssagrifikaw kważi kull ma’ kellhom biex isibu post fejn setgħu jrabbu lill-familji tagħhom b’ fidi u kuraġġ ħalli l-ġenerazzjoni ta’ wara jista’ jkollha opportunitajiet akbar milli kellhom huma. Għandna niskopru ġewwa fina l-istess spirtu ta’ determinazzjoni u negħlbu l-isfidi li nħabbtu wiċċna magħhom bl-istess spirtu ta’ sagrifiċċju. Għandna nrawmu fil-ġenerazzjonijiet futuri l-bżonn akbar li huma jiddependu fuq it-tagħlim tal-Mulej u s-Salvatur tagħna.

”U issa, uliedi, ftakru, ftakru li intom għandkom tibnu l-pedament tagħkom fuq il-blata tal-Feddej tagħna, li hu Kristu, l-Iben t’ Alla; ħalli meta x-xitan jibgħat l-irwiefen qawwija tiegħu, iva, meta jixħtilkom il-lanez tiegħu, iva, meta l-forza tas-silġ u tat-tempesta tiegħu tinżel fuqkom, dan kollu ma jkollu l-ebda qawwa biex lilkom jitfagħkom ’l isfel sal-abbiss tal-miżerja u l-inkwiet bla tmiem, minħabba l-blata li intom tinsabu mibnijin fuqha, li hija pedament fiż-żgur, pedament li jekk il-bnedmin jibnu fuqu ma jfallu qatt” (Helaman 5:12).

Huwa l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu li jipprovdilna l-pedament li permezz tiegħu nistgħu nsibu paċi dejjiema u nibnu units ta’ familji eterni. Ta’ dan jiena nixhed f’ isem il-Mulej u s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, amen.