Araw li l-Ewwel Prijorità Tagħkom tkun li Teżerċitaw il-Fidi
Minkejja l-isfidi negattivi li jkollna fil-ħajja, għandna niddedikaw ħin sabiex neżerċitaw il-fidi tagħna.
Meta Adam u Eva kienu fil-Ġnien tal-Għeden, dak kollu li kienu jeħtieġu biex isostnu lilhom infushom kuljum kien mogħti lilhom b’ abbundanza. Ma kellhom l-ebda diffikultà, sfida jew uġigħ. Peress li huma qatt ma esperjenzaw żminijiet diffiċli, huma ma kinux jafu li setgħu jkunu ferħanin. Huma qatt ma ħassew inkwiet f’ ħajjithom, għalhekk qatt ma setgħu jħossu l-paċi.
Eventwalment, Adam u Eva ttrasgredixxew il-kmand li ma jiklux mill-frotta tas-siġra ta’ tagħrif it-tajjeb u l-ħażin. Billi għamlu dan huma ma baqgħux aktar fi stat ta’ innoċenza. Huma bdew jesperjenzaw prinċipji ta’ oppożizzjoni. Huma bdew iħabbtu wiċċhom mal-mard li beda jdgħajjef saħħithom. Huma bdew iħossu n-niket kif ukoll il-ferħ.
Peress li Adam u Eva kielu mill-frotta pprojbita, fid-dinja ġie introdott l-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin. L-għażla tagħhom għamlitha possibbli li kull wieħed u waħda minna niġu hawn f’ din id-dinja biex niġu ppruvati u ttestjati.1 Aħna mberkin bl-għażla ħielsa, li hi l-abbiltà tagħna li niddeċiedu u li nsiru responsabbli għad-deċiżjonijiet tagħna. Il-Waqgħa għamlitha possibbli li f’ ħajjitna nħossu kemm il-ferħ kif ukoll in-niket. Aħna kapaċi nifhmu l-paċi peress li nħossu l-inkwiet.2
Missierna fis-Smewwiet kien jaf li konna sa ngħaddu minn dan. Hija kollha parti mill-pjan ta’ ferħ perfett Tiegħu. Huwa ħejja mod permezz tal-ħajja tal-Iben perfettament ubbidjenti Tiegħu, Ġesù Kristu, is-Salvatur tagħna, kif l-Att tal-Fidwa Tiegħu jegħleb kull diffikultà li aħna nistgħu nesperjenzaw fil-mortalità.
Aħna ninsabu ngħixu fi żminijiet diffiċli. M’hemmx għalfejn insemmi s-sorsi kollha tal-ħażen fid-dinja. Mhux importanti li niddeskrivu l-isfidi kollha possibbli u l-uġigħ il-qalb li huma parti mill-mortalità. Ilkoll kemm aħna intimament konxji mit-taqbida tagħna mat-tentazzjoni, l-uġigħ u n-niket.
Aħna ġejna mgħallmin fid-dinja primortali li l-għan tagħna li ġejna hawn huwa biex niġu ppruvati u ttestjati.3 Aħna konna nafu li konna se nħabbtu wiċċna mal-ħażen tal-avversarju. Xi kultant nafu nħossuna aktar konxji tal-ħwejjeġ negattivi tal-mortalità milli ta’ dawk pożittivi. Il-profeta Leħi għallem, ”Għax hemm il-bżonn, li jkun hemm oppożizzjoni f’ kollox.” 4 Minkejja l-isfidi negattivi kollha li nħabbtu wiċċna magħhom fil-ħajja, għandna niddedikaw ħin biex b’ mod attiv neżerċitaw il-fidi tagħna. Dawn l-eżerċizzji jistiednu f’ ħajjitna l-qawwa pożittiva mimlija fidi tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu.
Missierna fis-Smewwiet tana ċerti għodod biex jgħinuna nersqu lejn Kristu u neżerċitaw il-fidi fl-Att tal-Fidwa Tiegħu. Meta dawn l-għodod isiru għalina bħal drawwa fundamentali, jipprovdulna l-aktar mod faċli kif aħna nistgħu nsibu l-paċi minkejja l-isfidi tagħna fil-mortalità. Illum jiena għażilt li niddiskuti erbgħa minn dawn l-għodod. Hekk kif nitkellem, ikkunsidraw li tevalwaw l-użu personali tagħkom ta’ kull waħda minnhom; imbagħad fittxu l-gwida tal-Mulej biex tiddeċiedu kif tistgħu tagħmlu użu aħjar minn kull waħda minnhom.
Talb
L-ewwel għodda hija t-talb. Agħżlu li titkellmu ta’ spiss ma’ Missierkom tas-Smewwiet. Iddedikaw ħin kuljum biex taqsmu Miegħu l-ħsibijiet u s-sentimenti tagħkom. Għidulu dak kollu li jkollkom fuq moħħkom. Huwa interessat fl-aktar aspetti importanti kif ukoll dawk l-aktar ordinarji ta’ ħajjitkom. Aqsmu Miegħu kull tip ta’ sentimenti u esperjenzi li jkollkom.
Peress li Huwa jirrispetta l-għażla ħielsa tagħkom, Missierna tas-Smewwiet qatt mhu se jisfurzakom biex titolbu. Iżda hekk kif teżerċitaw dik l-għażla ħielsa u lilu tinkluduh f’ kull aspett tal-ħajja tagħkom ta’ kuljum, qalbkom tibda timtela bil-paċi, paċi ferrieħa. Din il-paċi titfa’ dawl etern fuq it-taqbid li jkollkom. Tgħinkom timmaniġġjaw dawk l-isfidi minn perspettiva eterna.
Intom il-ġenituri, għinu biex tissalvagwardjaw lil uliedkom billi tarmawhom kemm filgħodu kif ukoll filgħaxija bil-qawwa tat-talb tal-familja. Uliedkom jinsabu bbumbardjati kuljum bil-ħażen tax-xewqat tal-ġisem, tar-regħba, tas-suppervja, u ta’ għadd kbir ta’ mġieba oħra ħażina. Ipproteġu lil uliedkom mill-influwenzi tad-dinja fil-ħajja ta’ kuljum billi tiffortifikawkom bil-barkiet qawwija li jiksbu permezz tat-talb tal-familja. It-talb tal-familja għandu jkun priorità mhux negozjabbli fil-ħajja tagħkom ta’ kuljum.
Studju tal-Iskrittura
It-tieni għodda hi li tistudjaw il-kelma ta’ Alla fl-iskrittura u fil-kliem tal-profeti ħajjin. Aħna nitkellmu ma’ Alla permezz tat-talb. Ħafna drabi huwa jikkomunika lura magħna permezz tal-kelma miktuba Tiegħu. Biex tkunu tafu kif jinstema’ u jinħass il-leħen ta’ Dak li Hu Divin, aqraw kliemu, studjaw l-iskrittura u xtarru dwarha.5 Agħmluha parti integrali mill-ħajja ta’ kuljum. Jekk tridu li wliedkom jagħrfu, jifhmu u jaġixxu skont is-suġġerimenti tal-Ispirtu, għandkom tistudjaw l-iskrittura magħhom.
Tisimgħux mill-gidba ta’ Satana li m’ għandkomx ħin biex tistudjaw l-iskrittura. Agħżlu li tiddedikaw ħin biex tistudjawha. Li tiffesteġġjaw fuq il-kelma ta’ Alla kuljum huwa aktar importanti mill-irqad, mill-iskola, mix-xogħol, mill-programmi tat-televiżjoni, mil-logħob tal-kompjuter jew mill-midja soċjali. Jista’ jkun li jkollkom bżonn tirriorganizzaw il-prijoritajiet tagħkom biex tħallu ħin għall-istudju tal-kelma ta’ Alla. Jekk hu hekk, mela agħmlu dan!
Hemm bosta wegħdiet profetiċi li jekk tistudjaw l-iskrittura kuljum intom tiksbu għadd ta’ barkiet.6
Jiena se nżid it-testimonjanza tiegħi ma’ din il-wegħda: hekk kif tiddedikaw ħin kuljum, kemm weħidkom kif ukoll mal-familja, biex fih tistudjaw il-kelma ta’ Alla, issaltan il-paċi f’ ħajjitkom. Din il-paċi ma tistgħux tiksbuha mid-dinja materjali. Tiksbuha minn ġewwa darkom, minn ġol-familja tagħkom, minn ġewwa qalbkom. Tkun don tal-Ispirtu. Tarmi bħal raġġi minn ġo fikom biex tinfluwenza lil dawk ta’ madwarkom. Intom tkunu qed tagħmlu xi ħaġa mill-aktar sinifikanti biex tkomplu żżidu mal-paċi kumulattiva fid-dinja.
Mhux qed niddikjara li f’ ħajjitkom mhux se jibqa’ jkollkom sfidi. Ftakru li meta Adam u Eva kienu fil-ġnien, huma kienu ħielsa minn kull sfida, madankollu huma ma kinux kapaċi jesperjenzaw il-hena, il-ferħ u l-paċi.7 L-isfidi huma parti importanti mill-mortalità. Permezz tal-istudju konsistenti ta’ kuljum tal-iskrittura, intom issibu l-paċi qalb l-inkwiet li jkun hemm madwarkom u tiksbu l-qawwa li tirreżistu t-tentazzjoni. Intom tiżviluppaw fidi soda fil-grazzja ta’ Alla u ssiru tafu li permezz tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu kollox ikun sew fil-ħin li jiddeċiedi Alla.
Lejla d-Dar mal-Familja
Filwaqt li tkunu qed taħdmu biex issaħħu l-familja tagħkom u tikkultivaw il-paċi, ftakru f’ din it-tielet għodda: lejla d-dar mal-familja kull ġimgħa. Oqogħdu attenti li l-lejla d-dar mal-familja tagħkom ma tkunx sempliċiment xi ħaġa ta’ malajr wara ġurnata impenjattiva fuq ix-xogħol. Iddeċiedu li nhar ta’ Tnejn filgħaxija l-familja tagħkom tkun miġbura flimkien id-dar għal-lejla. Tħallux l-impenji tax-xogħol, tal-isports, attivitajiet ekstrakurrikulari, xogħol tad-dar jew xi ħaġa oħra jsiru aktar importanti mill-ħin li intom tqattgħu flimkien d-dar mal-familja tagħkom.
L-istruttura tal-lejla tagħkom mhijiex daqstant importanti daqs il-ħin li intom tinvestu. L-evanġelju għandu jiġi mgħallem kemm b’ mod formali kif ukoll informali. Araw li din tkun esperjenza sinifikanti għal kull membru tal-familja. Il-lejla d-dar mal-familja hija ħin prezzjuż li fih taqsmu t-testimonjanza tagħkom f’ ambjent sigur; li titgħallmu titjiebu fit-tagħlim, fl-ippjanar u f’ ċerti ħiliet ta’ organizzazzjoni; biex issaħħu l-għaqda fil-familja; biex tiżviluppaw ċerti tradizzjonijiet fil-familja; biex titkellmu flimkien, u aktar importanti, biex tqattgħu ħin mill-isbaħ flimkien!
Fil-konferenza ta’ April li għadda, Sister Linda S. Reeves iddikjarat b’ mod ċar: ”Jiena se nixhed dwar il-barkiet tal-istudju tal-iskrittura u tat-talb kuljum u tal-lejla d-dar mal-familja kull ġimgħa. Dawn huma fil-fatt id-drawwiet li jistgħu jgħinu biex ibiegħdu minna ċerta pressjoni li jista’ jkollna, jagħtu direzzjoni lil ħajjitna u jipproteġu aktar lil djarna.”8 Sister Reeves hija mara mill-aktar għaqlija. Jiena nisħaq magħkom b’ qawwa sabiex tiksbu testimonjanza ta’ dawn it-tliet drawwiet kruċjali.
Attendenza fit-Tempju
Ir-raba’ għodda hi li tmorru ġewwa t-tempju. Aħna lkoll nafu li m’hawnx post ieħor fid-dinja li hu aktar trankwill mit-tempji ta’ Alla. Jekk intom m’ għandkomx rakkomandazzjoni tat-tempju, araw li tikkwalifikaw biex ikollkom waħda. Meta jkollkom rakkomandazzjoni, użawha ta’ spiss.9 Skedaw ħin regolari biex tmorru fit-tempju. Tħallu lil ħadd u lil xejn ma jżommkom milli tmorru hemm.
Waqt li intom tkunu fit-tempju, isimgħu sew il-kliem tal-ordinanzi, xtarru dwaru, itolbu dwaru u fittxu biex tifhmu t-tifsira tiegħu. It-tempju huwa wieħed mill-aħjar postijiet fejn tistgħu tifhmu l-qawwa tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu. Fittxu l-Mulej hemmhekk. Ftakru li tistgħu tiksbu ferm aktar barkiet jekk intom tipprovdu l-ismijiet tal-istess familja tagħkom fit-tempju.
Dawn l-erba’ għodod huma drawwiet fundamentali sabiex tassiguraw ħajjitkom fil-qawwa tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu. Ftakru li s-Salvatur tagħna huwa l-Prinċep tal-Paċi. Il-paċi f’ din il-ħajja mortali tasal għandna permezz tas-sagrifiċċju tat-tpattija Tiegħu. Meta aħna, b’ mod konsistenti, nitolbu filgħodu u filgħaxija, nistudjaw l-iskrittura kuljum, intellgħu lejla d-dar mal-familja ta’ kull ġimgħa u nattendu t-tempju regolarment, aħna nkunu qegħdin nirrispondu b’ mod attiv għall-istedina Tiegħu ”Ejjew għandi.” Aktar ma niżviluppaw dawn id-drawwiet, aktar Satana jsir anzjuż sabiex jagħmlilna l-ħsara iżda anqas ikun kapaċi jagħmilha. Jekk aħna nużaw dawn l-għodod, aħna neżerċitaw l-għażla ħielsa tagħna li naċċettaw id-doni sħaħ tal-Att tal-Fidwa Tiegħu.
Jiena mhux qed ngħid li l-inkwiet kollu f’ ħajjitkom se jisparixxi jekk intom tagħmlu dawn il-ħwejjeġ. Aħna ġejna f’ din il-ħajja mortali preċiżament biex nikbru permezz ta’ dawn l-isfidi u l-provi. L-isfidi jgħinuna nsiru aktar bħal Missierna fis-Smewwiet u l-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu jagħmilha possibbli li aħna nikkumbattu dawn l-isfidi.10 Jiena nixhed li hekk kif immorru għandu b’ mod attiv, aħna nkunu kapaċi niffaċċjaw kull tentazzjoni, kull uġigħ il-qalb u kull sfida, f’ isem Ġesù Kristu, amen.