2010-2019
Ejjew u Taraw
Ottubru 2014


Ejjew u Taraw

Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu dejjem kienet u dejjem se tkun knisja missjunarja.

Il-messaġġ tiegħi hu indirizzat speċifikament lil dawk l-individwi li mhumiex membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem. Jiena se nindirizza mistoqsija fundamentali li ħafna minnkom jaf għandkom: ”Għalfejn il-Qaddisin tal-Aħħar Jiem għandhom daqstant ħerqa biex lili jgħiduli dwar dak li huma jemmnu fih u biex jistidnuni sabiex nitgħallem dwar il-Knisja tagħhom?”

Jiena nitlob sabiex l-Ispirtu tal-Mulej jgħinni nikkomunika b’ mod effettiv, u jgħin lilkom tifhmu b’ mod ċar ir-risposta tiegħi għal din il-mistoqsija importanti.

Kummissjoni Divina

Id-dixxipli devoti ta’ Ġesù Kristu minn dejjem kienu u dejjem se jkunu missjunarji qalbiena. Missjunarju huwa dixxiplu ta’ Kristu li jixhed dwaru bħala l-Feddej u jiddikjara l-veritajiet tal-evanġelju Tiegħu.

Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu dejjem kienet u dejjem se tkun knisja missjunarja. Il-membri individwali tal-Knisja tas-Salvatur aċċettaw l-obbligu solenni li jassistu fil-ħidma biex titwettaq il-kummissjoni divina mogħtija mill-Mulej lill-Appostli Tiegħu, kif hemm miktub fit-Testment il-Ġdid:

”Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu:

”Billi tgħallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien: U ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien. Amen” (Mattew 28:19–20).

Il-Qaddisin tal-Aħħar Jiem jieħdu b’ serjetà kbira din ir-responsabbiltà li jgħallmu lin-nies kollha u lill-ġnus kollha dwar il-Mulej Ġesù Kristu u l-evanġelju rrestawrat Tiegħu. Aħna nemmnu li l-istess Knisja mwaqqfa mis-Salvatur fi żmien antik twaqqfet mill-ġdid fid-dinja f’ dawn l-aħħar jiem. Id-duttrina, il-prinċipji, l-awtorità saċerdotali, l-ordinanzi u l-patt tal-evanġelju Tiegħu jinsabu llum fil-Knisja Tiegħu.

Meta aħna nistednukom sabiex tattendu l-knisja magħna jew biex titgħallmu mal-missjunarji full-time, aħna ma nkunux qed nippruvaw inbigħulkom xi prodott. Bħala membri tal-Knisja, aħna ma nirċevux xi premju jew xi vawċer f’ xi kuntest tas-smewwiet. Aħna mhux qed infittxu sempliċiment li nkabbru l-ammont ta’ membri tal-Knisja. U l-aktar importanti, mhux qed nippruvaw li nisfurzawkom sabiex temmnu kif nemmnu aħna. Aħna qed nistednukom sabiex tisimgħu l-veritajiet irrestawrati tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu ħalli intom tkunu tistgħu tistudjaw, tixtarru, titolbu u ssiru tafu għalikom infuskom jekk dawn il-ħwejjeġ li aħna qed naqsmu magħkom humiex vera.

Xi wħud minnkom tafu twieġbu, ”Iżda jiena diġà nemmen f’ Ġesù u nimxi wara t-tagħlim Tiegħu,” jew ”Jiena mhux ċert jekk Alla jeżistix.” L-istedina tagħna għalikom mhux xi attentat biex indgħajfu t-tradizzjoni reliġjuża jew l-esperjenza tagħkom. Ġibu magħkom dak kollu li tafu li huwa veru, tajjeb u ta’ min ifaħħru—u għarblu il-messaġġ tagħna. Kif Ġesù sejjaħ lil tnejn mid-dixxipli Tiegħu ”ejjew u taraw” (Ġwanni 1:39), bl-istess mod aħna nistednukom sabiex tiġu u taraw jekk l-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu jkabbarx u jtejjibx dak li diġà temmnu li huwa veru.

Verament, aħna nħossu responsabbiltà solenni li nwasslu dan il-messaġ lil kull ġens, razza, lingwa u poplu. U dan huwa preċiżament dak li qed nagħmlu bi grupp organizzat llum ta’ aktar minn 88,000 missjunarji full-time li jinsabu jaħdmu f’ 150 stat sovran madwar id-dinja. Dawn l-irġiel u nisa meraviljużi jgħinu lill-membri tal-Knisja tagħna jwettqu r-responsabbiltà individwali li ġiet mogħtija lilhom b’ mod divin li jiddikjaraw l-evanġelju etern ta’ Ġesù Kristu (ara D&C 68:1).

Aktar Minn Dmir Spiritwali

Iżda l-ħerqa tagħna li niddikjaraw dan il-messaġġ mhijiex sempliċiment riżultat ta’ sens ta’ dover spiritwali. Pjuttost, ix-xewqa tagħna li naqsmu l-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu magħkom hija riflessjoni ta’ kemm huma importanti għalina dawn il-veritajiet. Jiena nemmen li l-aħjar mod kif nista’ niddeskrivi għalfejn aħna daqshekk ħerqana li naqsmu t-twemmin tagħna magħkom hu billi naqsam magħkom l-esperjenza li jiena u l-mara tiegħi kellna flimkien ma’ tnejn minn uliedna.

Lejla waħda jiena u Susan konna ninsabu weqfin ħdejn tieqa tad-dar tagħna nħarsu lejn uliedna li kienu għadhom żgħar jilagħbu barra. Waqt l-avventura li kienu għaddejin fiha, iż-żgħir fost iż-żewġ subien tagħna weġġa’ ħafif f’ aċċident żgħir. Mill-ewwel indunajna li ma kienx weġġa’ serjament, u ddeċidejna li ma mmorux ngħinuh b’ mod immedjat. Ridna nosservaw u naraw kemm kienu swew id-diskussjonijiet tagħna fil-familja dwar it-tjubija ma’ xulxin. Dak li ġara wara kien mill-aktar interessanti u istruttiv.

It-tifel il-kbir farraġ lil ħuh u bir-reqqa kollha għenu jidħol lura d-dar. Jiena u Susan morna flimkien ħdejn il-kċina ħalli nkunu nistgħu naraw x’ kien se jiġri, u konna lesti biex nintervjenu mill-ewwel li kieku t-tifel kien jidher li kien weġġa’ aktar milli ħsibna jew li kien se jkun f’ xi periklu.

Ħuh il-kbir ġibed siġġu lejn is-sink tal-kċina. Huwa tela’ fuq is-siġġu, għen lil ħuh sabiex ipoġġi bilqiegħda, fetaħ il-vit tal-ilma u beda jitfa’ ammont kbir ta’ sapun tal-platti fuq id-driegħ ftit misluħ ta’ ħuh iż-żgħir. Huwa għamel dak li seta’ biex inaddaf bil-mod il-ħmieġ li kien hemm. Ir-reazzjoni ta’ ħuh iż-żgħir lejn din il-proċedura kapaċi niddiskriviha biss billi nuża l-lingwa kif inhi miktuba fl-iskrittura mqaddsa: ”U huma jkollhom għalfejn inewħu, jibku, jixhru u jheżżu snienhom” (Mosiah 16:2). U jkolli ngħid li verament newwaħ dak it-tifel ċkejken!

Wara li spiċċa jogħrok, huwa mesaħlu driegħu b’ xugaman. Eventwalment, ma baqax jgħajjat. It-tifel il-kbir mbagħad tela’ fuq il-bank tal-kċina, fetaħ l-armarju u hemm sab stoċċ ġdid ingwent. Għalkemm il-grif lil kellu ħuh ma tantx kien kbir jew estensiv, it-tifel il-kbir applikalu fuq driegħu kważi l-ingwent kollu li kien fih l-istoċċ. Huwa ma reġax għajjat, hekk kif deher ċar li huwa pprefera ferm aktar l-effett friskanti tal-ingwent milli l-effett li ħalla fuqu s-sapun li jnaddaf il-platti.

Ħuh il-kbir reġa’ mar lura ħdejn l-armarju fejn kien sab l-ingwent u hemm ra kaxxa ġdida mimlija faxex isteralizzati. Imbagħad huwa fetaħ il-kaxxa u dawwar il-faxex ma’ driegħ ħuh—minn mal-polz sal-minkeb. Meta ma kienx baqa’ aktar emerġenza, u bil-bżieżaq tas-sapun, bl-ingwent u l-karti tal-pakketti jiġru ma’ kull rokna tal-kċina, iż-żewġ subien żgħar niżlu minn fuq is-siġġu bi tbissima kbira fuqhom u wiċċhom għad-dawl.

Dak li seħħ wara huwa l-aktar importanti. Ħuh li kien għadu kif ġie mdewwi ġabar il-faxex li kien għad baqa’ u l-istoċċ tal-ingwent kważi vojt, u reġà ħareġ barra. Huwa malajr beda jfittex lil sħabu u beda jpoġġi l-ingwent u l-faxex fuq dirgħajhom. Jiena u Susan it-tnejn li aħna stagħġibna bis-sinċerità, bl-entużjażmu u bir-rapidità tar-rispons tiegħu.

Għalfejn dak it-tifel ċkejken għamel dak li għamel? Jekk jogħġobkom innutaw li huwa immedjatament u mingħajr ma qagħad jaħsibha ried illi lil sħabu jagħtihom dik l-istess ħaġa li għenitu meta huwa weġġa’. Dak it-tifel żgħir ħadd ma kellu għalfejn jitolbu bil-ħerqa, jimbuttah jew iniggżu biex jagħmel xi ħaġa. Ix-xewqa tiegħu li jaqsam dan mal-oħrajn kienet il-konsegwenza naturali ta’ esperjenza personali li tant kienet ta’ għajnuna u ta’ benefiċċju għalih.

Ħafna minna bħala adulti nġibu ruħna preċiżament bl-istess mod meta aħna nsibu xi mod ta’ trattament jew medikazzjoni li jnaqqsulna l-uġigħ li tant konna ilna nsofru minnu, jew meta nirċievu xi kunsill li jagħtina ċ-ċans li niffaċċjaw l-isfidi tagħna b’ kuraġġ u l-perplessità bil-paċenzja. Żgur mhijiex xi ħaġa rari li aħna naqsmu ma’ ħaddieħor ħwejjeġ li jfissru ħafna jew li kienu ta’ għajnuna kbira għalina.

Dan l-istess mudell huwa speċjalment evidenti fi ħwejjeġ ta’ importanza u konsegwenza spiritwali kbira. Per eżempju, rakkont li hemm fil-volum ta’ skrittura magħrufa bħala l-Ktieb ta’ Mormon jenfasizza ħolma li rċieva profeta-mexxej tal-qedem li jismu Leħi. Il-ħaġa ewlenija fil-ħolma ta’ Leħi hija s-siġra tal-ħajja—li hija rappreżentazzjoni tal-”imħabba ta’ Alla” li hija ”l-aktar ħaġa mixtieqa fost kull ħaġa oħra” u ”l-aktar li twassal ferħ lir-ruħ” (1 Nephi 11:22–23; ara wkoll 1 Nephi 8:12, 15).

Leħi spejga:

”U ġara li jiena mort u kilt mill-frott tagħha; u sibt li kien l-aktar ħelu, fost il-frott kollu li kont doqt qabel. Iva, u rajt li l-frott tagħha kien abjad, li jiżboq kull bjudija li qatt rajt qabel.

U hekk kif kilt mill-frott tagħha, ruħi mtliet b’ ferħ mill-aktar kbir; għalhekk, nibtet xewqa kbira fija li l-familja tiegħi wkoll jieklu minnha ” (1 Nephi 8:11–12; enfażi miżjuda).

L-akbar manifestazzjoni tal-imħabba ta’ Alla għal uliedu huwa l-ministeru mortali, is-sagrifiċċju tal-Att tal-Fidwa u l-Qawmien mill-Imwiet tal-Mulej Ġesù Kristu. Il-frott fuq is-siġra jista’ jiġi kkunsidrat bħala simbolu għall-barkiet tal-Att tal-Fidwa tas-Salvatur.

Wara li kiel mill-frott tas-siġra u ħass esperjenza ta’ ferħ kbir, ir-rispons immedjat ta’ Leħi kien ix-xewqa akbar tiegħu li jaqsam dan mal-familja tiegħu u jservihom. B’hekk, filwaqt li huwa dar lejn Kristu, huwa dar ukoll lejn l-oħrajn fl-imħabba u servizz.

Episodju importanti ieħor fil-Ktieb ta’ Mormon jiddeskrivi dak li ġara minn raġel jismu Enos wara li t-talba ferventi li huwa offra b’ tant ħerqa ġiet mismugħa u mwieġba minn Alla.

Huwa qal:

”U ruħi xxenqet; u jiena nżilt għarkubtejja quddiem il-Ħallieq tiegħi, u tlabtu b’ ħerqa u qawwa għal ruħi; u matul il-jum sħiħ lilu tlabtu; iva, u meta wasal il-lejl xorta waħda semmajt leħni tant li laħaq is-smewwiet.

”U jiena smajt leħen jgħidli: Enos, dnubietek maħfura, u inti sa tkun imbierek.

”U jiena, Enos, kont naf li Alla ma jigdibx; għalhekk, il-ħtija tiegħi ħallietni.

”U jiena għidt: Mulej, kif jista’ jkun dan?

”U huwa qalli: Minħabba l-fidi tiegħek fi Kristu, li lilu inti la qatt smajtu jew rajtu qabel. … Għalhekk, mur, il-fidi tiegħek fejqitek.

”Issa, ġara li meta jiena smajt dan il-kliem bdejt inħoss xewqa kbira fija għal ġid ta’ ħuti, in-Nefiti; għalhekk, jiena ftaħt qalbi kollha ma’ Alla għalihom” (Enos 1:4–9; enfażi miżjuda).

Hekk kif Enos dar lejn il-Mulej ”b’ sinċerità kbira f’ qalbu” (2 Nephi 31:13), kibret ferm ġewwa fih ix-xewqa li l-familja tiegħu, il-ħbieb tiegħu u dawk li jiltaqa’ magħhom jitbierku wkoll.

Il-lezzjoni dejjiema li aħna tgħallimna minn dawn iż-żewġ episodji hija l-importanza li nesperjenzaw fil-ħajja personali tagħna l-barkiet tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu bħala prerekwiżit għas-servizz mill-qalb u onest li jmur lil hinn milli sempliċiment ”inwettqu xi għemil mingħajr wisq imħabba.” L-istess bħal Leħi, Enos u t-tifel ċkejken tagħna fl-istorja li rrakkontajtilkom, aħna bħala membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem ħassejna d-diqa ta’ qalb li hija assoċjata mal-inċertezza spiritwali u d-dnub. Aħna wkoll esperjenzajna it-tindif, il-paċi tal-kuxjenza, il-fejqan u t-tiġdid spiritwali u l-gwida li nistgħu niksbuhom biss billi nitgħallmu u ngħixu l-prinċipji tal-evanġelju tas-Salvatur.

L-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu jipprovdilna l-purifikant neċessarju li nissaffu u nitnaddfu, l-ingwent li jtaffi l-uġigħ u jneħħi l-ħtija, u l-protezzjoni li tagħtina ċ-ċans li nkunu fidili l-ħin kollu kemm fil-bnazzi kif ukoll fil-maltemp.

Il-Verità Assoluta Teżisti

Lilkom il-membri tal-familja u l-ħbieb li m’intomx membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem, ippruvajt nispjega ċerti raġunijiet fundamentali għalfejn aħna missjunarji.

Teżisti verità assoluta f’ dinja li aktar ma tmur aktar qed tiddisprezza u twarrab l-assolut. F’ jum li għad irid jasal, ”kull irkobba tmil” u ”kull ilsien jistqarr li Ġesù Kristu hu l-Mulej, għall-glorja ta’ Alla l-Missier” (Filippin 2:10–11). Ġesù l-Kristu assolutament huwa l-Uniku Iben Imnissel tal-Missier Etern. Bħala membri tal-Knisja Tiegħu, aħna nixhdu li huwa jgħix u li l-Knisja Tiegħu ġiet irrestawrata fil-milja kollha tagħha f’ dawn l-aħħar jiem.

L-istedina li qed nagħmlulkom sabiex titgħallmu dwar il-messaġġ tagħna u tittestjawh huma riżultat tal-effett pożittiv li l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu ħalla f’ ħajjitna. Xi kultant nistgħu niskomodawkom jew niġu fuqkom bla ma tistennew jew saħansitra nkunu xi ftit persistenti fl-attentati tagħna. Ix-xewqa sempliċi tagħna hi li naqsmu magħkom il-veritajiet li huma l-aktar prezzjużi għalina.

Bħala wieħed mill-Appostli tal-Mulej, u bl-enerġija kollha ta’ ruħi, jiena nagħti xhieda tad-divinità u r-realtà Tiegħu. U nistedinkom billi ngħidilkom ”ejjew u araw” (Ġwanni 1:39), fl-isem sagru tal-Mulej Ġesù Kristu, amen.