Nilqgħukom għall-Konferenza
Aħna u nisimgħu, jalla qalbna titqanqal u l-fidi tagħna tikber.
Ħuti, hu pjaċir kbir għalija li nilqagħkom għal din il-konferenza kbira dinjija. Aħna miġburin flimkien f’ postijiet diversi madwar id-dinja biex nisimgħu u nitgħallmu kemm mill-aħwa kif ukoll mis-sisters li aħna sostnejna bħala Awtoritjiet Ġenerali u uffiċjali ġenerali tal-Knisja. Huma fittxew l-għajnuna tas-smewwiet biex iħejju l-messaġġi li se jippreżentaw, u ħassewhom ispirati dwar dak li għandhom jgħidu.
Din il-konferenza qed tfakkar id-90 sena anniversarju mill-ewwel xandira bir-radju tal-konferenza ġenerali. Matul il-konferenza ta’ Ottubru tal-1924, is-sezzjonijiet ixxandru fuq ir-radju għall-ewwel darba permezz tal-istazzjoni tal-Knisja KSL. Din il-konferenza qed tfakkar il-65 sena anniversarju mill-ewwel xandira bit-televiżjoni tal-konferenza ġenerali. Waqt il-konferenza ġenerali ta’ Ottubru 1949, is-sezzjonijiet għall-ewwel ġew trasmessi fuq it-televiżjoni madwar l-inħawi ta’ Salt Lake permezz tal-istazzjoni televiżiv KSL.
Aħna nagħrfu l-barkiet tal-midja moderna li tagħti ċ-ċans lil miljuni ta’ membri tal-Knisja li jaraw jew jisimgħu l-konferenza ġenerali. Is-sezzjonijiet ta’ tmiem din il-ġimgħa qed jiġu trasmessi permezz tat-televiżjoni, ir-radju, il-kejbil, it-trasmissjoni bis-satellita, u l-Internet, inkluż l-aċċess fuq il-mowbajl.
Tul l-aħħar sitt xhur minn l-aħħar darba li ltqajna, ġie ddedikat tempju ġdid u ieħor reġa’ ġie ddedikat. F’ Mejju, il-President Dieter F. Uchtdorf iddedika t-Tempju ta’ Fort Lauderdale, Florida. Fil-jum ta’ qabel id-dedikazzjoni, ittellgħet ċelebrazzjoni kulturali miż-żgħażagħ verament mill-isbaħ. L-għada, il-Ħadd 4 ta’ Mejju, it-tempju ġie ddedikat fi tliet sezzjonijiet.
Ħmistax ilu biss kelli l-privileġġ li nerġa’ niddedika t-Tempju ta’ Ogden Utah, li oriġinalment kien ġie ddedikat fl-1972 mill-President Joseph Fielding Smith. Iċ-ċelebrazzjoni kulturali grandjuża ttellgħet il-jum ta’ qabel id-dedikazzjoni mill-ġdid, fejn tant ħadu sehem żgħażagħ li saru żewġ preżentazzjonijiet b’ kast differenti f’ kull waħda. B’ kollox, ħadu sehem mas-16,000 żagħżugħ u żagħżugħa. Is-servizz tad-dedikazzjoni mill-ġdid sar l-għada, fejn ħadu sehem bosta mill-Aħwa, flimkien mal-mexxejja awżiljari u l-president tat-tempju, il-kunsillieri tiegħu u n-nisa tagħhom.
Il-bini tat-tempji tagħna jibqa’ għaddej b’ ritmu mgħaġġel. Ix-xahar id-dieħel se jiġi ddedikat it-Tempju l-ġdid ta’ Phoenix Arizona u s-sena d-dieħla, fl-2015, qed nantiċipaw li se niddedikaw jew se nerġgħu niddedikaw mill-inqas ħames tempji, u possibilment aktar, jiddependi minn kemm jitlestew.
Kif semmejt f’ April, meta t-tempji kollha li ġew imħabbra jitlestew u jiġu ddedikati, aħna jkollna joperaw 170 tempju madwar id-dinja. Peress li aħna qed nikkonċentraw l-isforzi tagħna li nlestu t-tempji li kienu diġà ġew imħabbra qabel, f’ dan il-mument m’aħniex qed inħabbru xi tempji ġodda. Madankollu, fil-futur, hekk kif nidentifikaw il-bżonnijiet u nsibu propjetajiet xierqa, imbagħad inħabbru tempji oħra ġodda.
Il-Knisja qed tkompli tikber. Issa ninsabu aktar minn 15-il miljun membru u n-numru qiegħed dejjem jikber. L-isforzi missjunarji tagħna jinsabu mexjin ’il quddiem mingħajr tfixkil. Għandna ’l fuq minn 88,000 missjunarju li qed iservu bħalissa u jaqsmu l-messaġġ tal-evanġelju madwar id-dinja kollha. Aħna nirriaffermaw li l-ħidma missjunarja hija d-dmir tas-saċerdozju, u nħeġġu lil dawk il-ġuvintur denji u kapaċi sabiex iservu. Aħna wkoll grati ferm għat-tfajliet li wkoll iservu. Huma jagħtu kontribut sinifikanti, għalkemm huma ma jinsabux taħt l-istess mandat li jservu kif inhuma l-ġuvintur.
Issa nistedinkom biex toqogħdu attenti għall-aħwa u s-sisters li sa jipparteċipaw illum u għada fis-sezzjonijiet tal-konferenza tagħna. Dawk kollha li ġew mitlubin jitkellmu iħossu responsabbiltà kbira li jagħmlu dan. Filwaqt li aħna nisimgħu, jalla qalbna titqanqal u l-fidi tagħna tikber, jiena nitlob b’ umiltà f’ isem Ġesù Kristu, amen.