Ġenituri: L-Għalliema tal-Evanġelju Ewlenin ta’ Wliedhom
Fl-aħħar mill-aħħar, id-dar hija l-ambjent ideali li fih jiġi mgħallem l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.
Ben Carson qal hekk dwaru nnifsu, ”Jiena kont l-agħar student fil-klassi tiegħi tal-ħames sena.” Darba waħda, Ben poġġa għal test tal-matematika li kien fih 30 problema. L-istudent ta’ warajh ikkoreġa l-karta tiegħu u reġa’ tahielu. L-għalliema, is-Sinjura Williamson, bdiet issejjaħ lill-istudenti b’isimhom biex jgħidu l-marka finali tagħhom. Finalment, għajtet lil Ben. Huwa gedwed it-tweġiba, għax ħass ruħu imbarazzat. Is-Sinjura Williamson, peress li ħasbet li kien qal ”9,” wieġbet li għal Ben li jġib 9 minn 30 kien avvanz tajjeb ħafna. Imbagħad l-istudent ta’ wara Ben għajjat, ”Mhux disgħa! … Iżda xejn ma ġab … tajjeb.” Ben qal li dak il-ħin xtaq l-art tibilgħu.
Fl-istess ħin, omm Ben, Sonya, kienet qed tħabbat wiċċha mal-problemi tagħha. Kienu 24 aħwa, kienet marret skola biss sa kemm kellha tmien snin, u ma kenitx taf taqra. Iżżewġet ta’ 13-il sena, kienet iddivorzjata, kellha żewġ subien, u kienet qed trabbihom fil-gettos ta’ Detroit. Madankollu, hija kienet tagħmel minn kollox biex tkun kapaċi tfendi għal rasha u kellha fidi soda li Alla kien se jgħin lilha u lil uliedha jekk huma jagħmlu l-parti tagħhom.
Darba waħda seħħet xi ħaġa li wasslet biex titwettaq bidla sħiħa fil-ħajja tagħha u ta’ wliedha. Hija rrealizzat li n-nies ta’ suċċess, li għandhom kienet tmur tnaddaf, kollha kellhom librerija—kollha kienu jaqraw. Wara x-xogħol hija marret id-dar u tfiet it-televiżjoni li Ben u ħuh kienu qed jaraw. Bażikament hija qalet: Tfal, intom qed taraw wisq televiżjoni. Minn issa ’l quddiem, tistgħu taraw tliet programmi fil-ġimgħa. Fil-ħin liberu tagħkom irridkom tmorru fil-librerija—taqraw żewġ kotba fil-ġimgħa u tgħiduli xi tkunu qrajtu.
Uliedha ħadu xokk kbira. Ben qal li qatt qabel ma kien qara ktieb f’ħajtu ħlief meta kien mitlub jagħmel dan mill-iskola. Huwa bdew jipprotestaw, huma bdew igergru, huma bdew jargumentaw, iżda kollu għal xejn. Imbagħad Ben irrifletta, ”Hija fasslet il-liġi. Lili m’għoġbitnix, iżda d-determinazzjoni tagħha li tarana navvanzaw biddlet id-direzzjoni ta’ ħajti.”
U x’bidla seħħet fih. Meta kellu tnax-il sena spiċċa l-ewwel fil-klassi tiegħu. Huwa spiċċa jattendi l-Università ta’ Yale fuq borża ta’ studju, imbagħad fl-iskola medika ta’ Johns Hopkins, fejn. meta kellu 33 sena, beda anki jmexxi d-dipartiment tan-newrokirurġija pedjatrika u sar kirurgu magħruf mad-dinja kollha. Dan kollu kif sar possibbli? Parti kbira grazzi għal omm li, minkejja li kienet nieqsa minn ħafna affarijiet f’ħajjitha, kabbret il-sejħa tagħha bħala ġenitur.1
L-iskrittura titkellem dwar l-irwol tal-ġenituri—li huwa d-dmir tagħhom li jgħallmu lil uliedhom ”id-duttrina tal-indiema, tal-fidi fi Kristu Iben Alla l-ħaj, u tal-magħmudija u d-don tal-Ispirtu s-Santu” (D&C 68:25).
Bħala ġenituri, aħna għandna nkunu l-għalliema tal-evanġelju ewlenin u l-eżempju ewlieni ta’ wliedna—mhux l-isqof, l-Iskola tal-Ħadd, it-Tfajliet jew il-Ġuvintur, iżda l-ġenituri. Bħala l-għalliema ewlenin tagħhom għat-tagħlim tal-evanġelju, aħna nistgħu ngħallmuhom il-qawwa u r-realtà tal-Att tal-Fidwa—tal-identità u d-destin divin tagħhom. Fl-aħħar mill-aħħar, id-dar hija l-ambjent ideali li fih jiġi mgħallem l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.
Xi sena ilu, jiena kont ninsab fuq biċċa xogħol assenjata lili ġewwa Bejrut, il-Libanu. Waqt li kont hemm, sirt naf dwar Sarah, tifla ta’ 12-il sena. Il-ġenituri tagħha u tnejn minn ħutha kienu kkonvertew għall-Knisja fir-Rumanija iżda mbagħad ġew mitlubin sabiex jerġgħu lura f’ pajjiżhom meta Sarah kellha biss 7 snin. Il-Knisja ma kenitx preżenti f’pajjiżhom, ma kien hemm l-ebda unit, l-ebda Skola tal-Ħadd jew programm tat-Tfajliet. Wara ħames snin din il-familja saret taf b’fergħa ġewwa Bejrut u, ftit qabel ma wasalt jiena hemmhekk, huma bagħtu lil binthom ta’ 12-il sena, Sarah, flimkien ma’ ħutha l-kbar, sabiex titgħammed. Waqt li kont hemm, jiena għamilt preżentazzjoni dwar il-pjan tas-salvazzjoni. Sarah spiss bdiet tgħolli jdejha u twieġeb il-mistoqsijiet tiegħi.
Wara l-laqgħa, peress li kont naf li ftit li xejn kellha kuntatt mal-Knisja, jiena mort fuqha u staqsejtha, ”Sarah, kif kont taf it-tweġibiet għal dawk il-mistoqsijiet?” Immedjatament hija wieġbet, ”Ommi għallmitni.” Huma ma kellhomx il-Knisja fil-komunità tagħhom, iżda kellhom l-evanġelju fid-dar tagħhom. Ommha kienet l-għalliema ewlenija tal-evanġelju għaliha.
Kien Enos li qal, ”Il-kliem li spiss smajt lil missieri jtenni dwar il-ħajja eterna u l-ferħ tal-qaddisin, għożżejtu fil-fond ta’ qalbi” (Enos 1:3). M’hemmx dubju min kien l-għalliem tal-evanġelju ewlieni ta’ Enos.
Niftakar lil missieri mixħut quddiem il-fuklar bil-ħatab, jaqra l-iskrittura u kotba oħra tajbin, u jiena kont ninxteħet ħdejh. Niftakar il-biljetti li kien iżomm fil-but tal-qmis b’ kwotazzjonijiet mill-iskrittura u minn Shakespeare u bi kliem ġdid li kien jimmemorizza u jitgħallem. Niftakar il-mistoqsijiet tal-evanġelju u d-diskussjonijiet madwar il-mejda tal-ikel. Niftakar il-ħafna drabi li missieri ħadni nżur lill-anzjani—kif konna nieqfu biex nixtru xi ġelat għal xi anzjan jew xi ikla bit-tiġieġ għal xi anzajn ieħor jew inkella, qabel ma nitilqu, kif kien jieħu b’idejn xi ħadd minnhom b’xi ftit flus f’idu. Niftakar kemm kont inħossni tajjeb u kemm kont nixtieq li nkun bħalu.
Niftakar lil ommi, ta’ xi 90 sena, issajjar fil-kċina tagħha u mbagħad ħierġa minn hemm b’dixx ikel. Jiena staqsejtha fejn kienet sejra. Hija wieġbet, ”Ħeqq, sejra nieħu ftit ikel lill-anzjani.” Għidt bejni u bejn ruħi, ”Ma, inti aktar anzjana minnhom.” M’għandix biżżejjed kliem biex nesprimi l-gratitudni li għandi lejn il-ġenituri tiegħi, li kienu l-għalliema tal-evanġelju ewlenin tiegħi.
Waħda mill-aktar ħwejjeġ sinifikanti li aħna nistgħu nagħmlu bħala ġenituri hi li ngħallmu lil uliedna l-qawwa tat-talb, mhux biss ir-rutina tat-talb. Meta kelli xi 17-il sena, kont qiegħed għarkobbtejja ħdejn is-sodda tiegħi, ngħid it-talb tiegħi ta’ filgħaxija. Mingħajr ma kont naf, kien hemm ommi wieqfa quddiem il-bieb. Meta spiċċajt, hija qaltli, ”Tad, kont qed titlob il-Mulej sabiex isiblek mara tajba biex tiżżewwiġha?”
Issorprendejt ruħi ferm bil-mistoqsija tagħha. Dik kienet l-aħħar ħaġa li kelli f’ moħħi. Kont qed naħseb dwar il-baskitbol u l-iskola. Għalhekk weġibt, ”Le,” li fil-pront irrispondietni, ”Mela, hekk imissek tagħmel, ibni; tkun l-aktar deċiżjoni importanti li qatt tista’ tagħmel.” Dak il-kliem għożżejtu ġewwa qalbi, u għamilt is-sitt snin ta’ wara nitlob lil Alla jgħinni nsib mara tajba. U t-talba Huwa weġibha, u weġibha sew!
Bħala ġenituri, nistgħu ngħallmu lil uliedna sabiex jitolbu għal ħwejjeġ li għandhom konsegwenzi eterni—li jitolbu għall-qawwa li jkunu moralment indaf f’dinja mill-aktar diffiċli, li jkunu ubbidjenti, u li jkollhom il-kuraġġ li jieqfu għal dak li hu sewwa.
M’hemmx dubju li ħafna miż-żgħażagħ tagħna joffru t-talb ta’ filgħaxija tagħhom, iżda forsi ħafna minnhom isibuha aktar diffiċli biex irawwmu d-drawwa li anke filgħodu joffru t-talba personali tagħhom. Bħala ġenituri, bħala l-għalliema tal-evanġelju ewlenin tagħhom, nistgħu din il-ħaġa nirranġawha. Liema ġenitur fiż-żminijiet tal-Ktieb ta’ Mormon kien iħalli lil uliedu jmorru jimmarċjaw fuq quddiem fil-battalja mingħajr korazza, tarka u xabla sabiex jipproteġuhom kontra d-daqqiet tal-għadu, daqqiet forsi anki mortali ? Iżda kemm minna nħallu lil uliedna jimmarċjaw lil hinn mill-bieb ta’ barra kull filgħodu għall-aktar kamp perikoluż tal-battalja, sabiex iħabbtu wiċċhom ma’ Satana u t-tentazzjoni kontinwa tiegħu, mingħajr ma jġorru fuqhom il-korazza, it-tarka u x-xabla spiritwali tagħhom li jistgħu jiksbuhom permezz tal-qawwa tat-talb? Il-Mulej qal, ”Itolbu dejjem, … ħalli tkunu tistgħu tegħlbu lil Satana” (D&C 10:5). Bħala ġenituri, nistgħu ngħinu sabiex inrawwmu f’uliedna d-drawwa u l-qawwa tat-talb ta’ filgħodu.
Nistgħu ngħallmu lil uliedna wkoll sabiex jużaw ħinhom bil-għaqal. Xi kultant, bħal Sonya Carson, irridu niddeċiedu b’imħabba iżda b’mod ferm li nirristrinġu l-ħin li wliedna jqattgħu quddiem it-televiżjoni u xi logħob ieħor elettroniku li ħafna drabi jispiċċaw jikkontrollawlhom ħajjithom. Minflok jista’ jkun li jkun hemm bżonn li ngħinuhom iqattgħu ħinhom fi ħwejjeġ aktar produttivi li huma orjentati fl-evanġelju. Jista’ jkun li għall-ewwel huma jirreżistu u jgergru, iżda bħal Sonya Carson, hemm bżonn li jkollna l-viżjoni u r-rieda li nibqgħu sodi. Xi darba wliedna għad jifhmu u japprezzaw dak li nagħmlu magħhom. Jekk ma nagħmlux hekk aħna, min se jagħmel dan flokna?
Għandna aħna lkoll nistaqsu lilna nfusna: uliedna qegħdin jirċievu l-aqwa sforzi spiritwali, intelletwali u kreattivi tagħna, jew qed jirċievu biss il-ħin u t-talenti li jibqgħalna, wara li nkunu tajna dak kollu li għandna lis-sejħa tagħna tal-Knisja jew lill-karriera professjonali tagħna? Fil-ħajja li ġejja, ma nafx jekk it-titli bħal isqof, jew president tas-Soċjetà tal-Għajnuna se jibqgħu, iżda naf li t-titli ta’ raġel u mara miżżewġa, u ta’ missier u omm, se jibqgħu u se jkunu mgħożża f’dinjiet bla tmiem. Din hija raġuni waħda għaliex huwa daqstant importanti li nonoraw ir-responsabbiltajiet tagħna bħala ġenituri hawn fid-dinja ħalli nkunu nistgħu nitħejjew għal responsabbiltajiet akbar iżda simili fil-ħajja li jmiss.
Bħala ġenituri, nistgħu nipproċedu bl-assigurazzjoni li Alla qatt mhu se jħallina weħidna. Alla qatt ma jagħtina ċerta responsabbiltà mingħajr l-ewwel ma joffrilna ċerta għajnuna divina—jiena nixhed dwar dan. Jalla aħna fl-irwol divin tagħna bħala ġenituri, u fi sħubija ma’ Alla, insiru l-għalliema tal-evanġelju ewlenin u l-eżempju ewlieni ta’ wliedna, jiena nitlob f’isem Ġesù Kristu, amen.