2010-2019
Il-Ministeri Personali Tagħna
Ottubru 2014


Il-Ministeri Personali Tagħna

L-imħabba ta’ Ġesù Kristu għandha tkun il-gwida tagħna jekk irridu nsiru konxji tal-bżonnijiet ta’ dawk li b’ xi mod nistgħu ngħinuhom.

Fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem, aħna ningħataw l-opportunità u l-barka personali li nservu. Fiż-żmien kollu li ili membru, jiena qdejt f’ bosta sejħiet diversi. Kif kien jgħid Brother Udine Falabella, missier il-Presbiteru Enrique R. Falabella, ”Dak illi jservi f’ xi ħaġa huwa tajjeb għal xi ħaġa; dak li ma jservi f’ xejn, m’huwa tajjeb għal xejn.” Dan huwa kliem li għandna nżommu f’ moħħna u f’ qalbna.

Hekk kif fis-servizz tiegħi jiena dejjem fittixt li nkunu gwidat, jiena sibt il-faraġ kull meta ftakart li s-Salvatur jiffoka fuq l-individwi u l-familja. L-imħabba Tiegħu u l-attenzjoni ħelwa Tiegħu għall-individwu għallmuni li Huwa jagħraf il-valur kbir ta’ wlied Missierna tas-Smewwiet kollha u li hija ħaġa essenzjali għalina li naraw li kull individwu jiġi mgħejun u msaħħaħ permezz tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.

Fl-iskrittura naqraw:

”Ftakru li l-valur tal-erwieħ huwa wieħed kbir f’ għajnejn Alla. ...

”U jekk għandu jkun li intom tgħaddu ħajjitkom kollha ... u tressqu, imqar ruħ waħda lejja, kemm sa jkun kbir il-ferħ tagħkom miegħu fis-saltna ta’ Missieri!”1

Kull ruħ hija ta’ valur kbir għal Alla, għaliex aħna wliedu u għandna l-potenzjal li nsiru bħalu.2

L-imħabba ta’ Ġesù Kristu għandha tkun il-gwida tagħna jekk irridu nsiru konxji tal-bżonnijiet ta’ dawk li b’ xi mod nistgħu ngħinuhom. It-tagħlim tal-Mulej tagħna, Ġesù Kristu, jurina t-triq. U hekk jibda l-ministeru personali tagħna: niskopru l-bżonnijiet, imbagħad nagħmlu xi ħaġa dwarhom. Kif qalet Sister Linda K. Burton, il-president ġenerali tas-Soċjetà tal-Għajnuna, ”L-ewwel osserva, imbagħad servi.”3

Il-President Thomas S. Monson huwa eżempju kbir ta’ dan il-prinċipju. F’ Jannar tal-2005, huwa kien qed jippresedi waqt konferenza għat-tmexxija tas-saċerdozju ġewwa Puerto Rico meta huwa wera bil-fatt kif is-Salvatur u l-qaddejja Tiegħu jagħtu servizz permezz tal-ministeru personali tagħhom. Fi tmiem dik il-laqgħa mill-isbaħ, il-President Monson beda jieħu b’ idejn il-mexxej tas-saċerdozju kollha li attendew. F’ daqqa waħda, huwa nnota li wieħed minnhom kien qed josserva kollox mill-bogħod, fejn kien jinsab waħdu.

Il-President Monson mexa lil hemm mill-grupp, lejn dan ħuna u beda jkellmu. Emozzjonat, José R. Zayas qallu li kien verament miraklu li huwa mar fuqu u kienet ukoll tweġiba għat-talb li kienu offrew huwa u martu, Yolanda, qabel dik il-laqgħa. Huwa qal lill-President Monson li bintu kienet marida ħafna u li fuqu kellu ittra mingħand martu li xtaqet twassal lill-President Monson. Brother Zayas kien qal lil martu li kienet se tkun ħaġa impossibbli peress li l-President Monson kien se jkun imħabbat ħafna. Il-President Monson sema’ l-istorja tiegħu u talbu jagħtih l-ittra, li huwa qara bil-kwiet. Imbagħad poġġieha fil-but tal-libsa li kellu fuqu u qal lil Brother Zayas li huwa kien sa jieħu ħsieb it-talba tagħhom.

B’ dan il-mod, il-Mulej Ġesù Kristu ħa ħsieb dik il-familja, permezz tal-qaddejja Tiegħu. Jiena nemmen li l-kliem tas-Salvatur fil-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb japplika għalina: ”Morru, u agħmlu l-istess.”4

Fil-21 ta’ Settembru, 1998, l-Uragan Georges laqat il-Puerto Rico, u kkawża ħsara mill-aktar kbira. Sister Martinez, il-ħamest itfal tagħna u jiena rnexxielna ngħaddu b’ wiċċ il-ġid minn dik il-maltempata kbira u l-irwiefen forza ta’ uragan billi bqajna ġewwa fid-dar. Madankollu, għamilna ħmistax mingħajr ilma fil-vit u bla elettriku.

Meta spiċċalna l-ilma, kien diffiċli ħafna nakkwistaw ftit ieħor. Ma ninsa qatt lil dawn l-aħwa li għenuna billi pprovdewlna dak il-likwidu tant prezzjuż, u lanqas ma nista’ ninsa s-servizz kollu mħabba li wrew l-aħwa nisa.

German Colón ġie d-dar tagħna b’ kontenitur kbir tal-plastik mimli ilma li huwa ġarr fil-vann tiegħu. Huwa qalilna li kien qed jagħmel dan peress li, fi kliemu, ”Naf li għandkom tfal żgħar li jeħtieġu l-ilma.” Ftit jiem wara, l-aħwa Noel Muñoz u Herminio Gómez għabbew tliet tankijiet kbar bl-ilma fuq van miftuħ. Huma ġew id-dar tagħna bla mistenni u mlew kull flixkun tal-ilma li kien hemm bl-ilma tax-xorb, u stiednu wkoll lill-ġirien tagħna biex jimlew il-fliexken tagħhom.

Talbna instema’ permezz tal-ministeru personali tagħhom. Il-wiċċ ta’ dawk it-tliet aħwa kien jirrifletti l-imħabba li Ġesù Kristu għandu għalina, u s-servizz tagħhom—fi kliem ieħor, il-ministeru personali tagħhom—wassal f’ ħajjitna ferm aktar milli sempliċiment l-ilma tax-xorb. Huwa essenzjali li kull iben u bint Alla jkunu jafu li n-nies huma interessati fil-ġid tagħhom u jimpurtahom minnhom.

Jiena nixhed magħkom li Missierna tas-Smewwiet u l-Mulej tagħna, Ġesù Kristu, jafuna individwalment u personalment. Għal dik ir-raġuni, Huma jipprovdulna dak li neħtieġu sabiex aħna jkollna l-opportunità li nilħqu l-potenzjal divin tagħna. Matul it-triq, Huma jpoġġu nies f’ ħajjitna li jgħinuna. Imbagħad, hekk kif aħna nsiru strumenti f’ idejhom, aħna nkunu kapaċi nservu u ngħinu lil dawk li Huma juruna permezz tar-rivelazzjoni.

B’ dan il-mod, il-Mulej Ġesù Kristu jista’ jilħaq lil ulied kollha ta’ Missierna tas-Smewwiet. Ir-Ragħaj it-Tajjeb jiġbor flimkien lin-nagħaġ Tiegħu. Huwa jagħmel dan, waħda waħda, hekk kif huma jagħmlu użu tajjeb mill-għażla morali ħielsa tagħhom—wara li jisimgħu leħen il-qaddejja Tiegħu u jirċievu l-għajnuna tagħhom. Imbagħad huma jagħrfu leħnu u jimxu warajh. Dan it-tip ta’ ministeru personali huwa ħaġa integrali biex aħna nżommu l-patti tagħna tal-magħmudija.

Bl-istess mod, li nkunu eżempju tajjeb ta’ dixxiplu ta’ Ġesù Kristu hija l-aqwa ittra ta’ introduzzjoni li nistgħu nippreżentaw lil dawk li magħhom nistgħu naqsmu l-evanġelju Tiegħu. Hekk kif niftħu ħalqna u naqsmu ma’ ħaddieħor l-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu, aħna nsiru ”ir-rgħajja qaddejja Tiegħu, imqabbdin sabiex insostnu lin-nagħaġ Tiegħu u l-ħrief tal-merħla Tiegħu”5; aħna nsiru ”id-dgħajfin u s-sempliċi”6”sajjieda tal-bnedmin.”7

Is-servizz u l-ministeru personali tagħna mhumiex limitati biss għall-erwieħ ħajjin f’ din id-dinja. Nistgħu ukoll naħdmu għall-mejtin—għal dawk li jgħixu fid-dinja tal-ispirtu u li, tul il-ħajja mortali tagħhom, ma kellhomx l-opportunità li jirċievu l-ordinanzi tas-salvazzjoni tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Nistgħu wkoll inżommu djarju u fih niktbu l-istorja tal-familja tagħna sabiex indawru qlub il-ħajjin lejn il-ħajjin—kif ukoll qlub il-ħajjin lejn l-antenati tagħhom. L-għan ta’ din il-ħidma hu li norbtu flimkien lill-familja tagħna, ġenerazzjoni wara ġenerazzjoni, f’ rabta eterna. Hekk kif nagħmlu dan, aħna nsiru ”salvaturi ... fuq il-muntanja Sijon.”8

Għandna l-opportunità speċjali li nkunu strumenti f’ idejh. Nistgħu nsiru dan fiż-żwiġijiet tagħna, fil-familji tagħna, mal-ħbieb tagħna u ma’ għajrna. Dan huwa l-ministeru personali tagħna bħala dixxipli vera ta’ Ġesù Kristu.

”U quddiemu jinġabru l-ġnus kollha, u hu jifridhom minn xulxin, bħalma r-ragħaj jifred in-nagħaġ mill-mogħoż:

”U n-nagħaġ iqegħedhom fuq il-lemin tiegħu u l-mogħoż fuq ix-xellug.

”Mbagħad is-Sultan jgħid lil dawk ta’ fuq il-lemin tiegħu, Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja:

”Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni: Kont bil-għatx u sqejtuni: Kont barrani u lqajtuni:

”Għeri u libbistuni: Kont marid u ġejtu tarawni: Kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni.

”Mbagħad iweġbuh il-ġusti, Mulej, jgħidulu, meta rajniek bil-ġuħ u tmajniek, jew bil-għatx u sqejniek ?

”Meta rajniek barrani u lqajniek, jew għeri u libbisniek?

”Meta rajniek marid jew fil-ħabs u ġejna nżuruk?

”U s-Sultan iweġibhom u jgħid, Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.” 9

Li aħna nagħmlu dan hija t-talba tiegħi f’ isem Ġesù Kristu, amen.