2010-2019
Il-Mulej Għandu Pjan Għalina!
Ottubru 2014


Il-Mulej Għandu Pjan Għalina!

Jekk inkomplu ngħixu kif qed ngħixu, aħna se niksbu l-barkiet kollha mwegħdin lilna?

Xi privileġġ li nagħmel parti minn dan il-mument storiku meta l-kelliema waqt il-konferenza ġenerali għandhom l-għażla li jitkellmu bil-lingwa nattiva tagħhom. L-aħħar darba li jiena tkellimt minn fuq dan il-pulptu, kont inkwetat minħabba l-aċċent tiegħi bl-Ingliż. Issa, qed ninkwieta għax nibża’ li se nitkellem ngħaġġel wisq bil-Portugiż. Ma nixtieqx nitkellem ngħaġġel aktar mis-sottotitoli.

Ilkoll kemm aħna esperjenzajna jew għad irridu nesperjenzaw mumenti f’ħajjitna li fihom inkunu rridu nagħmlu ċerti deċiżjonijiet importanti. Għandi nieħu din il-karriera jew l-oħra? Għandi naqdi missjoni? Din hi l-persuna ġusta li għandi niżżewweġ?

Dawn huma sitwazzjonijiet f’żoni differenti f’ ħajjitna fejn daqsxejn ta’ bidla żgħira fid-direzzjoni tagħna jista’ jkollha konsegwenzi futuri mill-aktar sinifikanti. Fi kliem il-President Dieter F. Uchtdorf: ”Tul is-snin li ili nservi lill-Mulej …, sibt li d-differenza bejn l-hena u l-miżerja fl-individwi, fiż-żwiġijiet u fil-familji ħafna drabi tkun riżultat ta’ kalkolu ħażin bi ftit gradi biss” (“A Matter of a Few Degrees,” Ensign jew Liahona, Mejju 2008, 58).

Kif nistgħu nevitaw dawn l-iżbalji żgħar meta nkunu qed nikkalkulaw?

Jiena se nsemmi esperjenza personali biex infisser aħjar il-messaġġ tiegħi.

Fl-aħħar tas-snin tmenin, il-familja żgħira tagħna kienet tikkonsisti minn marti, Mônica, tnejn mill-erba’ tfal tagħna, u minni. Konna ngħixu ġewwa São Paulo, il-Brażil, kont qed naħdem ma’ kumpanija tajba, kont għadni kif temmejt l-istudji tiegħi fl-università, u kont għadni kemm ġejt eżonerat minn isqof tal-qasam ta’ fejn konna ngħixu. Il-ħajja kienet waħda tajba, u kollox kien jidher li kien kif suppost kellu jkun—sakemm darba waħda ġie jżurna wieħed ħabib antik tagħna.

Fi tmiem iż-żjara tiegħu, huwa għamel kumment u staqsa mistoqsija li wasslitni biex naħsibha b’mod differenti. Huwa qalli, ”Carlos, kollox jidher li sejjer tajjeb għalik, għall-familja tiegħek, fil-karriera tiegħek u fis-servizz tiegħek fil-Knisja, iżda—” u mbagħad staqsieni l-mistoqsija, ”jekk tkompli tgħix kif qed tgħix, taħseb li għad jitwettqu l-barkiet imwegħda lilek fil-barka patrijarkali tiegħek?”

Qatt ma kont ħsibt dwar il-barka patrijarkali tiegħi b’ dan il-mod. Minn żmien għall-ieħor kont naqraha iżda qatt bl-intenzjoni li nħares lejn il-barkiet imwiegħda lili fil-futur u biex nevalwa kif kont qed ngħix fil-preżent.

Wara ż-żjara tiegħu, jiena bdejt naħseb dwar il-barka patrijarkali, u għidt, ”Jekk inkomplu ngħixu bil-mod li qed ngħixu, jistgħu qatt jitwettqu l-barkiet imwiegħda lilna?” Wara li xtarrejt xi ftit, ħassejt li kelli nagħmel xi tibdil neċessarju, partikolarment fejn jidħol l-istudju u l-professjoni tiegħi.

Ma kenitx deċiżjoni bejn x’kien tajjeb u x’ kien ħażin iżda bejn x’kien tajjeb u x’kien aħjar, kif għallimna l-Presbiteru Dallin H. Oaks meta qal: ”Hekk kif nikkunsidraw għażliet differenti, għandna niftakru li mhux biżżejjed li xi ħaġa hija tajba. Għażliet oħra huma aħjar, u anzi oħrajn huma l-aqwa” (“Good, Better, Best,” Ensign jew Liahona, Nov. 2007, 104–5).

Kif nistgħu niżguraw li aħna qed nieħdu l-aqwa deċiżjoni?

Dawn li ġejjin huma xi prinċipji li jiena tgħallimt.

Prinċipju Numru Wieħed: Irridu Nikkunsidraw l-Għażliet Tagħna bl-Għan Finali f’Moħħna

Li nieħdu ċerti deċiżjonijiet li jħallu impatt fuq ħajjitna u fuq il-maħbubin tagħna mingħajr ma nħarsu lejn l-effet sħiħ tal-konsegwenzi tagħhom jista’ jkun ta’ riskju. Madankollu, jekk aħna nipproġettaw x’jistgħu jkunu l-konsegwenzi ta’ dawn id-deċiżjonijiet fil-futur, inkunu nistgħu naraw b’ċarezza akbar l-aħjar triq li għandna nieħdu fil-preżent.

Li nifhmu min aħna, x’qed nagħmlu hawn, u x’jistenna minna l-Mulej f’din il-ħajja jgħin biex ikollna l-viżjoni aktar wiesgħa li tant neħtieġu.

Nistgħu nsibu eżempji fl-iskrittura li jgħinuna nifhmu li viżjoni aktar wiesgħa tgħinna biex ikollna anqas dubju dwar liema triq għandna nieħdu.

Mosè tkellem mal-Mulej wiċċ imb’wiċċ, tgħallem dwar il-pjan tas-salvazzjoni, u b’hekk seta’ jifhem aħjar l-irwol tiegħu bħala l-profeta tal-ġabra ta’ Iżrael.

”U Alla kellem lil Mosè, u qallu: Ara, jiena l-Mulej Alla li Jista’ Kollox. …

”… U jien se nurik l-opri ta’ jdejja. …

”U għandi xogħol x’nagħtik, Mosè, ibni” (Moses 1:3–4, 6).

B’dan l-għarfien, Mosè kien kapaċi jissaporti snin sħaħ ta’ tribulazzjoni fid-deżert u jmexxi lill-Iżrael lura lejn daru.

Leħi, il-profeta l-kbir tal-Ktieb ta’ Mormon, ħolom ħolma, u fil-viżjonijiet tiegħu huwa sar jaf dwar il-missjoni tiegħu li jmexxi lill-familja tiegħu sal-art imwiegħda.

”U ġara li l-Mulej ikkmanda lil missieri, sewwasew f’ ħolma, li huwa kellu jaqbad il-familja tiegħu u jitlaq magħhom fid-deżert.

”… U ħalla daru, u l-art li kien wiret, u d-deheb tiegħu, u l-fidda tiegħu u l-ħwejjeġ prezzjużi tiegħu” (1 Nephi 2:2, 4).

Leħi baqa’ fidil għal din il-viżjoni minkejja d-diffikultajiet tal-ivvjaġġar u li kellu jħalli warajh ħajja komda f’Ġerusalemm.

Il-Profeta Joseph Smith huwa eżempju kbir ieħor. Permezz ta’ bosta rivelazzjonijiet, sa mill-Ewwel Viżjoni, huwa kien kapaċi jtemm il-missjoni tiegħu li jirrestawra kollox (ara Joseph Smith—History 1:1–26).

U xi ngħidu dwarna? X’jistenna minn kull wieħed minna l-Mulej?

M’għandniex bżonn naraw anġlu biex niksbu l-għarfien. Għandna l-iskrittura, it-tempju, il-profeti ħajjin, il-barkiet patrijarkali tagħna, il-mexxejja spirati, u, fuq kollox, id-dritt li nirċievu r-rivelazzjoni personali sabiex tiggwidana fid-deċiżjonijiet tagħna.

Prinċipju Numru Tnejn: Irridu Nkunu Preparati għall-Isfidi li se Nħabbtu Wiċċna Magħhom

L-aqwa toroq fil-ħajja rari jkunu l-aktar faċli. Ħafna drabi, huwa eżattament l-oppost. Nistgħu nħarsu lejn l-eżempji tal-profeti li għadni kif semmejt.

Mosè, Leħi u Joseph Smith ma kellhomx vjaġġ faċli minkejja l-fatt li d-deċiżjonijiet tagħhom kienu korretti.

Aħna lesti nħallsu prezz għad-deċiżjonijiet tagħna? Aħna lesti nwarrbu l-ħajja komda tagħna biex naslu f’post aħjar?

Biex nerġa’ lura għall-esperjenza tiegħi bil-barka patrijarkali, jiena dak iż-żmien spiċċajt f’konklużjoni li kelli nkompli nistudja u napplika għal borża ta’ studju minn università Amerikana. Kieku kont ningħażel, kien ikolli nitlaq mill-impjieg tiegħi, inbigħ kull ma kellna u niġi ngħix fl-Istati Uniti bħala student fuq borża ta’ studju għal sentejn.

L-ewwel sfidi li kelli negħleb kienu testijiet li kelli nagħmel bħal TOEFL u GMAT. Domt tliet snin nipprepara, fejn kelli ħafna ”le” u xi ftit ”forsi” qabel ġejt aċċettat f’università. Għadni niftakar it-telefonata li rċevejt fl-aħħar tat-tielet sena tiegħi mill-bniedem responsabbli mill-boroż ta’ studju.

Huwa qalli, ”Carlos, għandi għalik aħbar tajba u oħra ħażina. L-aħbar tajba hi li inti fost it-tliet finalisti għal dis-sena.” Dak iż-żmien kien hemm post għal wieħed biss. ”L-aħbar ħażina hi li wieħed mill-kandidati l-oħra hu iben xi ħadd importanti, l-ieħor hu iben xi ħadd importanti wkoll, imbagħad hemm int.”

U jiena fil-pront irrispondejtu, ”U jiena … jien iben Alla.”

Fortunatament, ma tawx kas min kien iben min, u kont jiena li ġejt aċċettat dik is-sena, fl-1992.

Aħna wlied Alla s-Setgħan. Huwa Missierna, Huwa jħobbna u Huwa għandu pjan għalina. Aħna ma ninsabux hawn f’din il-ħajja sempliċiment biex naħlu l-ħin tagħna, nixjieħu u mmutu. Alla jridna nikbru u niksbu l-potenzjal tagħna.

Fi kliem il-President Thomas S. Monson: ”Ilkoll kemm intom, miżżewġin jew le, hi x’inhi l-età tagħkom, għandkom l-opportunità li titgħallmu u tikbru. Espandu l-għarfien tagħkom, kemm dak intelletwali kif ukoll spiritwali, għall-istatura sħiħa tal-potenzjal divin tagħkom”(“The Mighty Strength of the Relief Society,” Ensign, Nov. 1997, 95).

Prinċipju Numru Tlieta: Għandna Bżonn Naqsmu Din il-Viżjoni ma’ Dawk li Nħobbu

Leħi pprova mhux ħażin jgħin lil Laman u Lemwel jifhmu l-importanza tal-isfida li kellhom quddiemhom. Il-fatt li huma ma kellhomx l-istess viżjoni ta’ missierhom wassalhom biex joqogħdu jgergru waqt il-vjaġġ tagħhom. Nefi, mill-banda l-oħra, mar għand il-Mulej biex jara x’kien ra missieru.

”U ġara li wara li jien, Nefi, smajt il-kliem kollu li qal missieri, dwar il-ħwejjeġ li huwa ra permezz ta’ viżjoni, … jiena … kelli x-xewqa kbira wkoll li nara, u nisma’ u nsir naf dawn il-ħwejjeġ, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu” (1 Nephi 10:17).

Permezz ta’ din il-viżjoni, Nefi mhux biss kien kapaċi jegħleb l-isfidi tal-vjaġġ iżda jmexxi wkoll il-familja tiegħu meta kien jeħtieġ jagħmel dan.

Hemm ċans kbir li meta aħna niddeċiedu li nieħdu ċerta triq, jiġu effettwati wkoll il-maħbubin tagħna, u xi wħud jaqsmu magħna wkoll ir-riżultati ta’ din l-għażla. Idealment, huma għandhom ikunu kapaċi jaraw dak li naraw aħna u jaqsmu l-istess konvinzjonijiet tagħna. Dan mhux dejjem possibbli, iżda meta dan iseħħ, il-vjaġġ ikun ferm aktar faċli.

Fl-esperjenza personali li semmejt qabel, jiena bla dubju kelli bżonn is-sapport tal-mara tiegħi. It-tfal kienu għadhom żgħar u ma tantx setgħu jiddeċiedu, iżda s-sapport ta’ marti kien essenzjali. Niftakar li, għal-ewwel, Mônica u jien kellna bżonn niddiskutu bir-reqqa l-bidla fil-pjanijiet sakemm hija ħassitha komda u riedet ukoll tidħol għal dan l-impenn. Din il-viżjoni li qasmet miegħi mhux biss wasslitha biex tissapportja l-bidla iżda wkoll li ssir parti essenzjali fis-suċċess tagħha.

Jiena naf li l-Mulej għandu pjan għalina f’din il-ħajja. Huwa jafna. Huwa jaf x’inhu l-aħjar għalina. Mhux għax kollox sejjer tajjeb ifisser li m’għandniex minn żmien għall-ieħor nikkonsidraw jekk jistax ikun hemm xi ħaġa aħjar. Jekk inkomplu ngħixu kif qed ngħixu, se niksbu l-barkiet kollha mwegħdin lilna?

Alla jgħix. Huwa Missierna. Is-Salvatur Ġesù Kristu jgħix, u jiena naf li permezz tas-sagrifiċċju tat-tpattija Tiegħu aħna nistgħu nsibu l-qawwa li negħlbu l-isfidi tal-ħajja ta’ kuljum. F’isem Ġesù Kristu, amen.