2010-2019
Ulied Nisa ta’ Alla tal-Patt
Ottubru 2014


Ulied Nisa ta’ Alla tal-Patt

Meta wlied Alla jiffukaw fuq it-tempju u l-patti sagri tagħhom, Alla jkun jista’ jibgħatilna l-barkiet Tiegħu b’ mod personali u b’ qawwa.

Għeżież ħuti, jiena nilqagħkom b’ imħabba kbira. F’ dan il-mument, tinsabu fejn tinsabu fid-dinja, nittama li qed tħossu l-imħabba li l-Mulej għandu għalikom personalment u l-Ispirtu jagħti xhieda lil qalbkom tal-messaġġ li għadu kif wasslilna dan il-kor mill-isbaħ permezz tal-kant tiegħu. Jiena nżid it-testimonjanza tiegħi ma’ tagħhom: Jiena naf li l-Feddej tiegħi jgħix u li Huwa jħobb lil kull wieħed u waħda minna.

Illejla aħna qed ninġabru flimkien bħala wlied nisa ta’ Alla tal-patt. L-età tagħna, u d-differenzi u l-personalità tagħna m’għandhomx jifirduna, peress li qabel kollox aħna kollha Tiegħu. Aħna għamilna patt li niftakru dejjem f’ Ibnu.

Il-qawwa ta’ dak il-patt individwali ħassejtha ġewwa qalbi tliet ġimgħat ilu waqt li kont qed nattendi servizz tal-magħmudija. Quddiemi kien hemm tmint itfal ħelwin bilqiegħda jistennew kollhom qima għax finalment kien wasal il-jum speċjali tagħhom. Iżda hekk kif ħarist fil-wiċċ jiddi tagħhom, jiena ma rajtx quddiemi sempliċiment grupp ta’ tfal. Minflok jiena rajthom kif naħseb li jarahom il-Mulej—individwalment. Jiena rajt lil Emma u Sophia u Ian u Logan u Aden u William u Sophie u Micah. Kull patt tal-magħmudija isir wieħed wieħed. Ilkoll lebsin l-abjad, kienu jinsabu hemm—lesti u disposti b’ qalbhom kollha, qalb li kienet ilha tħabbat fid-dinja tmien snin, biex jagħmlu l-ewwel patt tagħhom ma’ Alla.

Morru ftit lura fiż-żmien u ġibu quddiem għajnejkom il-jum tal-magħmudija tagħkom. Kemm jekk tiftakru ħafna dettalji kif ukoll jekk ftit li xejn, ippruvaw bħalissa ħossu fikom is-sinifikat tal-patt li intom għamiltu individwalment. Wara li ġejt imsejħa b’ isimek, inti ġejt mgħaddsa fl-ilma u ħriġt minnu bħala bint Alla—bint tal-patt, waħda li tinsab lesta li tissejjaħ bl-isem ta’ Ibnu u li twiegħed li timxi warajh u żżomm il-kmandamenti Tiegħu.

Il-patti li nagħmlu ma’ Alla jgħinuna nsiru nafu minn verament aħna. Huma jorbtuna miegħu b’ mod mill-aktar personali li permezz tagħhom inkunu nistgħu nħossu l-veru valur tagħna quddiemu u l-post tagħna fis-saltna Tiegħu. B’ mod li ma tistgħux nifhmuh għal kollox, Huwa lilna jafna u jħobbna individwalment. Aħsbu ftit dwar dan—ilkoll kemm aħna nokkupaw dan il-post f’ qalbu. Ix-xewqa tiegħu hi li aħna nagħżlu t-triq li twassalna lura għandu d-dar.

Hu kemm hu essenzjali u sinifikanti l-patt tal-magħmudija, huwa biss il-bidu—ix-xatba li ddaħħalna fit-triq lejn il-ħajja eterna. Aktar ’il quddiem fil-vjaġġ tagħna hemm patti tat-tempju x’ nagħmlu u ordinanzi tas-saċerdozju x’ nirċievu. Kif fakkarna l-Presbiteru David A. Bednar, ”Hekk kif nieqfu fl-ilmijiet tal-magħmudija, aħna nħarsu ’l quddiem lejn it-tempju.”1

Aħna nitħejjew biex nirċievu l-ħajja eterna mhux biss meta nagħmlu l-patti iżda wkoll billi nżommu b’ fedeltà dawn il-patti. Din hija t-tama tagħna, l-għan tagħna u l-ferħ tagħna.

Jiena xhud tal-qawwa tal-patti hekk kif rajt b’ għajnejja l-eżempju tal-ġenituri twajba tiegħi, li ħabbew u għexu l-evanġelju. Permezz tal-ħelwa ommi jiena kelli l-privileġġ li nara b’ mod ċar id-deċiżjonijiet ta’ kuljum li kienet tieħu bint tal-patt ta’ Alla. Anke meta kienet għadha tifla żgħira, l-għażliet tagħha kienu jirriflettu l-prioritajiet tagħha u kienu jiddentifikawha bħala dixxiplu veru ta’ Ġesù Kristu. Jiena rajt il-paċi, il-qawwa u l-protezzjoni li kisbet f’ ħajjitha hekk kif hija għamlet u żammet dawn il-patti sagri fil-vjaġġ tagħha. Ħajjitha f’ din id-dinja kienet tirrifletti l-imħabba tagħha għas-Salvatur u x-xewqa tagħha li timxi warajh. O, kemm nixtieq nimxi wara l-eżempju tagħha.

Il-ħajja tal-ġenituri tiegħi flimkien bdiet b’ mod xejn mistenni. Kien l-1936. Huma kienu qed jinnammraw b’ serjetà u kienu qed iħejju biex jiżżewġu meta missieri rċieva ittra bl-istedina li jmur iservi bħala missjunarju full-time ġewwa l-Afrika t’ Isfel. L-ittra kienet tgħid li jekk huwa kien den u lest li jservi, kellu jikkuntattja lill-isqof. Mhux diffiċli tinnutaw li l-proċess kif wieħed jiġi msejjaħ bħala missjunarju kien differenti ħafna f’ dawk iż-żminijiet! Missieri wera l-ittra lill-maħbuba tiegħu, Helen, u huma ħassewhom iddeterminati mingħajr dubju li kellu jservi.

Għal dawk il-ħmistax qabel ma telaq, Ommi u Missieri ltaqgħu kuljum biex jagħmlu piknik f’ Masġar il-Memorja ħdejn iċ-ċentru tal-Belt ta’ Salt Lake. Waqt wieħed minn dawn il-pikniks tagħhom, wara li ħassitha spirata bl-għajnuna tas-sawm u t-talb, Ommi qalet lill-għażiż tagħha Claron li jekk huwa kien għadu jrid, hija kienet lesta tiżżewġu qabel jitlaq. F’ dawk iż-żminijiet bikrin tal-Knisja, kultant l-irġiel kienu jiġu msejħa għas-servizz missjunarju u jħallu warajhom lin-nisa u l-familji tagħhom. U hekk kien fil-każ ta’ ommi u missieri. Bl-approvazzjoni tal-mexxej tas-saċerdozju, huma ddeċidew li jiżżewġu qabel ma huwa jitlaq għall-missjoni tiegħu.

Fit-Tempju ta’ Salt Lake, Ommi rċeviet l-għotja mqaddsa tagħha, u mbagħad huma żżewġu għal din il-ħajja u għall-eternità kollha mill-President David O. McKay. Huma kellhom bidu mill-aktar umli. La kien hemm ritratti, la libsa tat-tieġ sabiħa, la fjuri, u lanqas riċeviment biex jiċċelebraw l-okkażżjoni. Dak li verament kienu qed jiffukaw fuqu kien it-tempju u l-patti tagħhom. Għalihom, il-patti kienu kollox. Wara biss sitt ijiem ta’ żwieġ u bi dmugħ f’ għajnejhom, missieri telaq lejn l-Afrika t’ Isfel.

Iżda ż-żwieġ tagħhom kien ferm aktar mill-imħabba profonda li kellhom għal xulxin. Huma kellhom ukoll imħabba għall-Mulej u xewqa li jservuh. Il-patti sagri tat-tempju li huma għamlu tawhom is-saħħa u l-qawwa li jsostnuhom tul is-sentejn sseparati minn xulxin. Huma kellhom perspettiva eterna tal-għan tal-ħajja u tal-barkiet imwiegħda li jiksbu dawk li huma fidili lejn il-patti tagħhom. Dawk il-barkiet kollha jittraxxendu s-sagrifiċċju u s-separazzjoni li kellhom jesperjenzaw għal perjodu qasir.

Għalkemm ċertament ma kienx mod faċli kif tibda l-ħajja miżżewġa, deher li kien mod ideali kif tista’ tibni l-pedament għal familja eterna. Hekk kif bdew ikollhom it-tfal, konna nafu x’ kienu l-aktar ħwejjeġ importanti għall-ġenituri tiegħi. Kienet l-imħabba tagħhom għall-Mulej u l-impenn sod tagħhom li jżommu l-patti li huma għamlu. Għalkemm il-ġenituri tiegħi t-tnejn għaddew għal ħajja oħra, l-eżempju tajjeb tas-sewwa għadu barka kbira għall-familja tagħna.

L-eżempju ta’ ħajjithom jirrifletti fi kliem Linda K. Burton: ”L-aqwa mod kif issaħħaħ il-familja, kurrenti u futura, huwa billi żżomm il-patti.”2

Iż-żmien ta’ tbatija u prova għalihom kien għadu m’ għaddiex. Tliet snin wara li Missieri wasal lura mill-missjoni tiegħu, faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija, u bħal ħafna oħrajn huwa ġie ingaġġat fil-militar. Huwa għamel erba’ snin oħra ’l bogħod mid-dar hekk kif serva fis-servizzi navali fuq numru ta’ bastimenti tal-gwerra ġewwa l-Paċifiku.

Kien żmien diffiċli għall-ġenituri tiegħi li jerġgħu jisseparaw ruħhom minn xulxin. Iżda għal ommi, dak iż-żmien ta’ solitudni, inkwiet u inċertezza kien ukoll żmien ikkaratterizzat mit-tfesfis tal-Ispirtu li kellimha dwar wegħdiet eterni, faraġ u paċi f’ nofs il-maltemp.

Minkejja l-isfidi tagħha kolllha, ommi għexet ħajja rikka, mimlija hena, ferħ, imħabba u servizz. L-imħabba tagħha lejn is-Salvatur kienet riflessa fil-mod li bih għexet ħajjitha. Hija kellha rabta eċċezzjonali mas-smewwiet u don u kapaċità li tħobb u tbierek lil dawk kollha ta’ madwarha. Il-fidi tagħha f’ Alla u t-tama fil-wegħdiet Tiegħu huma riflessi fil-kliem tal-President Thomas S. Monson dwar it-tempju meta huwa qal, ”L-ebda sagrifiċċju mhu kbir wisq, l-ebda prezz mhu għoli żżejjed, l-ebda taqbida mhi diffiċli wisq biex inkunu nistgħu nirċievu dawk il-barkiet.”3

Fl-istaġuni kollha ta’ ħajjitha, Ommi ġiet imsaħħa u mbierka permezz tal-imħabba tagħha lejn il-Mulej u permezz tal-patti li b’ fedeltà hija wettqet u żammet.

M’hemmx dubju li d-dettalji tal-istorja tagħkom se jkunu differenti minn tagħha. Iżda l-prinċipji minn ħajjitha japplikaw għalina lkoll. Meta wlied Alla jiffukaw fuq it-tempju u l-patti sagri tagħhom, Alla jkun jista’ jibgħatilna l-barkiet Tiegħu b’ mod personali u b’ qawwa. Bħall-eżempju li tagħtni ommi, l-għażla tagħkom li temmnu u żżommu l-patti tħalli warajkom wirt kbir ta’ fidi għal dawk li jiġu warajkom. Għalhekk, għeżież ħuti, aħna kif nistgħu naċċessaw il-qawwa u l-barkiet tal-patti tat-tempju? X’ nistgħu nagħmlu issa biex inħejju għal dawk il-barkiet?

Tul il-vjaġġi tiegħi, tgħallimt li hawn aħwa nisa ta’ kull età, f’ ċirkustanzi differenti, li ħajjithom tipprovdi tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet.

Jiena ltqajt ma’ Mary ftit wara li għalqet tmien snin. Bħal ħafna oħrajn, hija għandha fiha entużjażmu kbir biex twettaq l-istorja tal-familja u diġà kkontribwiet ’il fuq minn 1,000 isem għall-ħidma tat-tempju. Issa Mary tinsab titħejja għall-barka li tidħol fit-tempju meta hija tagħlaq 12.

Brianna għandha 13, u tħobb taħdem fuq l-istorja tal-familja u l-ħidma tat-tempju. Hija aċċettat l-isfida tat-tempju tal-Presbiteru Neil L. Andersen.4 Hija ħejjiet mijiet ta’ ismijiet għall-ħidma tat-tempju u, flimkien magħha, inkludiet lill-familja u lill-ħbieb tagħha biex flimkien iwettqu l-magħmudijiet. F’ din il-ħidma sagra, qalb Brianna mhux biss qiegħda ddur lejn missirijietha ta’ din id-dinja iżda wkoll lejn Missierha tas-Smewwiet.

Għalkemm Anfissa hija żagħżugħa mħabbta ħafna li tinsab tistudja u se tiggradwa mill-iskola, hija xorta waħda ssib il-ħin biex tattendi t-tempju kull ġimgħa. Hija tfittex ir-rivelazzjoni u ssib il-paċi hekk kif hija sservi fid-dar tal-Mulej.

Katya, oħt għażiża mill-Ukraina, għandha mħabba kbira lejn it-tempju. Qabel ma nbena t-tempju ta’ Kjev, hija u oħrajn fil-fergħa tagħha ssagrifikaw 63 siegħa fuq il-karozza tal-linja sabiex jattendu t-tempju darba fis-sena fil-Ġermanja. Dawn il-Qaddisin devoti talbu, studjaw l-iskrittura, kantaw l-innijiet u ddiskutew l-evanġelju waqt il-vjaġġ tagħhom. Katya qaltli, ”Meta finalment wasalna t-tempju, aħna konna ninsabu mħejjija sabiex nirċievu dak li l-Mulej kellu lest għalina.”

Jekk irridu nirċievu l-barkiet kollha li Alla qed joffrilna b’ tant ġenerożità, it-triq li aħna nieħdu fid-dinja għandha twassalna lejn it-tempju. It-tempji huma espressjoni tal-imħabba ta’ Alla. Huwa jistedinna lkoll biex immorru għandu, nitgħallmu minnu u nirċievu l-ordinanzi tas-saċerdozju neċessarji biex nirtu l-ħajja eterna miegħu. Kull patt isir wieħed wieħed. Il-Mulej jimpurtah minn kull bidla kbira fil-qalb. U l-bidla tagħkom tagħmel id-differenza kollha għalikom. Sabiex meta mmorru fid-dar imqaddsa Tiegħu, aħna nistgħu nkunu ”armati bil-qawwa Tiegħu, … ismu … fuqna, … il-glorja Tiegħu … madwarna, u l-anġli Tiegħu jieħdu ħsiebna.”5

Jiena naqsam magħkom ix-xhieda ċerta tiegħi li Missierna tas-Smewwiet jgħix. Huwa permezz ta’ Ibnu l-Għażiż, Ġesù Kristu, li tiġi fis-seħħ kull tama, kull wegħda u kull barka tat-tempju. Jalla jkollna fidi biżżejjed li nafdaw fih u fil-patti Tiegħu, jiena nitlob f’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. David A. Bednar, “Honorably Hold a Name and Standing,” Ensign jew Liahona, Mejju 2009, 98.

  2. Linda K. Burton, “Wanted: Hands and Hearts to Hasten the Work,” Ensign jew Liahona, Mejju 2014, 123.

  3. Thomas S. Monson, “The Holy Temple—a Beacon to the World,” Ensign jew Liahona, Mejju 2011, 92.

  4. Ara templechallenge.lds.org.

  5. Doctrine and Covenants 109:22.