2010-2019
Dawn il-Ħwejjeġ Sirt Nafhom Għalija Nnifsi
Ottubru 2014


Dawn il-Ħwejjeġ Sirt Nafhom Għalija Nnifsi

Li nsiru nafu għalina nfusna li l-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu huwa veru tista’ tkun waħda mill-aktar esperjenzi kbar u ta’ ferħ f’ ħajjitna.

Għeżież ħuti, aħna nispiraw ruħna kontinwament mill-eżempju personali u s-servizz saċerdotali tal-President Thomas S. Monson. Riċentiment, numru ta’ djakni ġew mistoqsijin, ”X’tammiraw l-aktar fi President Monson?” Wieħed djaknu semma kif il-President Monson, meta kien għadu tifel, ta l-ġugarelli tiegħu lil ħbieb li kienu fil-bżonn. Ieħor semma kif il-President Monson ħa ħsieb il-ħafna romol li kien hemm fil-qasam tiegħu. U t-tielet wieħed innota li huwa kien ġie msejjaħ bħala Appostlu ta’ età żgħira u bierek bosta nies madwar id-dinja. Imbagħad wieħed żagħżugħ qal, ”L-aktar ħaġa li nammira dwar il-President Monson hija t-testimonjanza tassew b’saħħitha tiegħu.”

Verament, aħna lkoll ħassejna x-xhieda speċjali tal-profeta tagħna dwar is-Salvatur Ġesù Kristu u l-impenn tiegħu li dejjem jimxi wara s-suġġerimenti tal-Ispirtu. Ma’ kull esperjenza li huwa jaqsam magħna, il-President Monson jistedinna sabiex ngħixu l-evanġelju b’mod aktar sħiħ u nfittxu u nsaħħu t-testimonjanzi personali tagħna. Ftakru huwa x’qal minn quddiem dan il-pulptu, f’ konferenza ta’ ftit snin ilu: ”Sabiex aħna nkunu b’ saħħitna u nkunu nistgħu nikkumbattu l-forzi li qed jippruvaw jiġbduna fid-direzzjoni l-ħażina … , għandna niddependu fuq it-testimonjanza tagħna stess. Kemm jekk għandkom 12-il sena jew 112—jew x’ imkien bejniethom—tistgħu tkunu tafu għalikom stess li l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu huwa veru.”1

Għalkemm il-messaġġ tiegħi llejla huwa indirizzat lejn dawk li huma aktar viċin it-12-il sena milli l-112, il-prinċipji li se naqsam magħkom għandhom japplikaw għal kulħadd. B’rispons għad-dikjarazzjoni tal-President Monson, jiena nistaqsi: Aħna lkoll nafu għalina nfusna li l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu huwa veru? Nistgħu ngħidu b’kunfidenza li t-testimonjanzi tagħna jiddependu veru minn dak li nafu għalina nfusna? Biex nerġa’ nikkwota għal darb’oħra lill-President Monson: ”Nerġa’ ntenni li testimonjanza b’saħħitha tas-Salvatur tagħna u tal-evanġelju Tiegħu … tipproteġikom mid-dnub u l-ħażen ta’ madwarkom. … Jekk għad m’għandkomx testimonjanza dwar dawn il-ħwejjeġ, agħmlu dak kollu neċessarju biex tiksbuha. Huwa essenzjali li intom ikollkom testimonjanza li hija verament tagħkom, għax it-testimonjanza ta’ ħaddieħor tista’ tgħinkom biss sa ċertu punt.” 2

Dawn il-Ħwejjeġ Sirt Nafhom Għalija Nnifsi

Li nsiru nafu għalina nfusna li l-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu huwa veru tista’ tkun waħda mill-aktar esperjenzi kbar u ta’ ferħ f’ ħajjitna. Jista’ jkollna nibdew billi niddependu fuq it-testimonjanza ta’ ħaddieħor— billi ngħidu, l-istess kif għamlu l-gwerriera żgħażagħ, ”Aħna ma niddubitawx għax ommna kienet taf.”3 Dan huwa post tajjeb minn fejn nitilqu, iżda hemm bżonn li nkomplu nibnu minn hemm. Biex inkunu sodi fil-ħajja tagħna fl-evanġelju, xejn mhu aktar importanti milli nirċievu u nsaħħu t-testimonjanza tagħna. Għandna nkunu kapaċi niddikjaraw, kif għamel Alma, ”Jiena naf dawn il-ħwejjeġ għalija nnifsi.”

”U kif taħsbu li jiena naf dan b’ċertezza?” Alma kompla. ”Araw, jiena ngħidilkom li ġew żvelati lili permezz tal-Ispirtu Qaddis ta’ Alla. Araw, jiena somt u tlabt bosta jiem sabiex inkun naf dawn il-ħwejjeġ għalija nnifsi. U issa naf għalija nnifsi li huma vera.”4

Nixtieq Nara b’ Għajnejja l-Ħwejjeġ li Ra Missieri

Bħal Alma, Nefi wkoll sar jaf il-verità għalih innifsu. Wara li sema’ lil missieru jitkellem dwar il-ħafna esperjenzi spiritwali tiegħu, Nefi ried ikun jaf dak li kien jaf missieru. Din kienet ferm aktar milli sempliċiment kurżità—kienet xi ħaġa li hu kien bħallikieku bil-ġuħ u bil-għatx għaliha. Avolja huwa kien għadu ”żgħir ħafna,” huwa kellu ”xewqa kbira li jkun jaf il-misteri ta’ Alla.”5 Huwa xxennaq biex ”jara, jisma’ u jkun jaf dawn il-ħwejjeġ, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.”6

Hekk kif Nefi ”poġġa bilqiegħda jixtarr dan f’qalbu,” huwa ttieħed ”fl-Ispirtu … ġo muntanja għolja ferm,” fejn ġie mistoqsi, ”Inti x’tixtieq?” It-tweġiba tiegħu kienet waħda sempliċi: ”Nixtieq li nara l-ħwejjeġ li ra missieri.”7 Minħabba l-qalb kollha fidi u l-isforzi diliġenti tiegħu, Nefi tbierek b’esperjenza meraviljuża. Huwa rċieva xhieda tat-twelid, tal-ħajja u l-Kruċifissjoni tas-Salvatur Ġesù Kristu li kellhom iseħħu fil-futur; huwa ra l-miġja tal-Ktieb ta’ Mormon u r-Restawrazzjoni tal-evanġelju fl-aħħar jiem—kollha riżultat tax-xewqa sinċiera tiegħu li jkun jaf għalih innifsu.8

Dawn l-esperjenzi personali mal-Mulej ħejjew lil Nefi biex ikun jista’ jħabbat wiċċu mal-avversità u l-isfidi li dalwaqt kellu jiffaċċja. Huma għenuh jibqa’ b’saħħtu anke meta membri oħra fil-familja tiegħu bdew isibuha diffiċli. Huwa seta’ jagħmel dan peress li huwa kien tgħallem għalih innifsu u hu sar jaf għalih innifsu. Huwa ġie mbierek bit-testimonjanza tiegħu stess.

Għandu Jitlob lil Alla

L-istess bħal Nefi, il-Profeta Joseph Smith ukoll kien ”verament żgħir” meta ”f’moħħu beda jirrifletti serjament” dwar veritajiet spiritwali. Għal Joseph, kien żmien ta’ ”skumdità kbira,” għaliex kien imdawwar b’ messaġġi konfliġġenti u konfużi dwar ir-reliġjon. Huwa ried ikun jaf liema Knisja kienet vera.9 Ispirat b’dan il-kliem mill-Bibbja: ”Jekk xi ħadd minnkom jonqsu l-għerf, għandu jitlob lil Alla,”10 huwa aġixxa għalih innifsu biex ikun jaf il-verità. F’għodwa mill-isbaħ fir-rebbiegħa tal-1820 huwa mar f’masġar kollu siġar u niżel għarkubbtejh jitlob. Minħabba l-fidi tiegħu u peress li Alla kellu ħidma speċjali għalih xi jwettaq, Joseph irċieva viżjoni glorjuża ta’ Alla l-Missier u Ibnu, Ġesù Kristu, u sar jaf għalih innifsu x’ kellu jagħmel.

Taraw fl-esperjenza ta’ Joseph mudell li intom tistgħu tapplikaw biex tiksbu jew issaħħu t-testimonjanza tagħkom? Joseph ħalla l-iskrittura tinfidlu qalbu. Huwa xtarr dwarha b’mod profond u applikaha għas-sitwazzjoni tiegħu. Imbagħad huwa aġixxa skont dak li sar jaf. Ir-riżultat kien wieħed glorjuż, l-Ewwel Viżjoni—u dak kollu li ġie warajha. Din il-Knisja, b’mod letterali ġiet mwaqqfa fuq il-prinċipju li kulħadd—inkluż tifel bidwi ta’ 14-il sena—jista’ ”jitlob lil Alla” u jirċievi tweġiba għal talbu.

Għalhekk x’ Inhi Testimonjanza?

Ħafna drabi nisimgħu membri tal-Knisja jgħidu li t-testimonjanza tagħhom tal-evanġelju hija l-aktar ħaġa prezzjuża li huma għandhom. Hija don sagru minn Alla li nirċevuh bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Hija ċ-ċertezza kalma u ferma li aħna nirċievu meta aħna nistudjaw, nitolbu u ngħixu l-evanġelju. Hija s-sentiment tal-Ispirtu s-Santu li jagħti xhieda lil ruħna li dak li qed nitgħallmu u nagħmlu hu veru.

Xi nies jiddefinixxu testimonjanza bħallikieku kienet swiċċ tad-dawl—jew mixgħula jew mitfija; jew għandek testimonjanza jew m’għandekx. Fil-verità, testimonjanza aktar tixbah siġra li tgħaddi minn diversi stadji ta’ tkabbir u żvilupp. Xi wħud mill-aktar siġar twal fid-dinja jinsabu fil-Park Nazzjonali ta’ Redwood fil-punent tal-Istati Uniti. Meta tieqfu taħt dawn is-siġar enormi tal-Kalifornja, tistagħġbu kif kull waħda minnhom kibret daqshekk minn daqsxejn ta’ żerriegħa daqs naqra. L-istess bit-testimonjanza tagħna. Għalkemm li taf tibda permezz ta’ daqsxejn ta’ esperjenza spiritwali, hija tikber u tiżviluppa maż-żmien permezz ta’ nutriment kostanti u mumenti spiritwali frekwenti.

Għalhekk mhux sorpriża li meta l-profeta Alma spjega kif tiżviluppa testimonjanza, huma tkellem dwar żerriegħa li tikber u ssir siġra. ”Jekk tagħtu ċans,” huwa qal, ”li żerriegħa tinżera’ f’qalbkom, araw, jekk tkun żerriegħa vera, jew żerriegħa tajba, jekk ma titilfuhiex permezz tan-nuqqas ta’ twemmin tagħkom, … hija tibda tikber ġewwa fikom; u meta tħossu din is-sensazzjoni ta’ xi ħaġa tikber, tibdew tgħidu lilkom infuskom—bilfors li din żerriegħa tajba, jew li l-kelma hija tajba, għaliex bdiet tkabbar ruħi; iva, bdiet iddawwal l-għarfien tiegħi, iva, bdejt intogħma delizzjuża.”11

Ħafna drabi hekk tibda testimonjanza: permezz ta’ sentiment sagru, li jimlikom bid-dawl u l-assigurazzjoni li l-kelma ta’ Alla hija vera. Madankollu, huma kemm huma sbieħ dawn is-sentimenti, huma biss il-bidu. Il-ħidma tagħkom li tkabbru t-testimonjanza tagħkom għadha ma ntemmitx—daqs kemm ikun għadu ma ntemmx il-proċess li tkabbar siġra tal-Kalifornja meta l-ewwel rimja ġdida u ċkejkna tfeġġ fl-art. Jekk aħna ninjoraw jew ma nagħtux kas dawn is-suġġerimenti li nirċievu fil-bidu, jekk ma niħdux ħsiebhom billi kontinwament nistudjaw l-iskrittura u nitolbu u nfittxu li jkollna aktar esperjenzi mal-Ispirtu, is-sentimenti tagħna jibdew jgħibu u t-testimonjanza tagħna tibda tonqos.

Kif poġġieha Alma: ”Jekk ma tagħtux kas tas-siġra, u ma taħsbux biex tieħdu ħsiebha, araw hija ma trabbi l-ebda għeruq; u meta tiġi s-sħana tax-xemx u taħraqha, peress li ma jkollha l-ebda għeruq hija tidbiel, u intom taqilgħuha u tarmuha.”12

F’bosta każijiet, it-testimonjanza tagħna tikber bl-istess mod li tikber siġra: gradwalment, kważi bilkemm tinduna biha, b’riżultat talli nieħdu ħsiebha regolarment u minħabba l-isforzi diliġenti tagħna. ”Iżda jekk tieħdu ħsieb tal-kelma,” wiegħed Alma, ”iva, tieħdu ħsieb is-siġra hekk kif hija tibda tikber, permezz tal-fidi tagħkom bid-diliġenza kollha, u bil-paċenzja, tistennew bil-ħerqa l-frott tagħha, hija tinbet; u araw hija ssir siġra li tibqa’ dejjem tikber għall-ħajja ta’ dejjem.”13

Issa Huwa ż-Żmien; Illum hija l-Ġurnata

It-testimonjanza tiegħi bdiet hekk kif jiena studjajt u xtarrejt it-tagħlim li jinsab fil-Ktieb ta’ Mormon. Hekk kif inżilt għarkobbtejja biex nitlob lil Alla b’ umiltà, l-Ispirtu s-Santu xehed mar-ruħ tiegħi li dak li kont qed naqra kien veru. Din ix-xhieda bikrija tiegħi wasslet għat-testimonjanza tiegħi ta’ bosta veritajiet oħra tal-evanġelju, għax, kif għallem il-President Monson: ”Meta nsiru nafu li l-Ktieb ta’ Mormon huwa veru, imbagħad insiru nafu li Joseph Smith kien fil-fatt profeta u li huwa ra lil Alla l-Missier Etern u lil Ibnu, Ġesù Kristu. Imbagħad insiru nafu wkoll li l-evanġelju ġie rrestawrat f’dawn l-aħħar jiem permezz ta’ Joseph Smith—inkluż ir-restawrazzjoni tas-Saċerdozju kemm Aroniku kif ukoll Melkisedeku.”14 Minn dak inhar ’l hawn jiena kelli diversi esperjenzi sagri mal-Ispirtu s-Santu li komplew jaffermaw miegħi li Ġesù Kristu huwa s-Salvatur tad-dinja u li l-evanġelju rrestawrat Tiegħu huwa veru. Flimkien ma’ Alma, jiena nista’ ngħid b’ ċertezza li naf dawn il-ħwejjeġ għalija nnifsi.

Għeżież tiegħi żgħażagħ, issa ż-żmien u llum il-ġurnata sabiex nitgħallmu jew inkomplu naffermaw għalina nfusna li l-evanġelju huwa veru. Ilkoll kemm aħna għandna ħidma importanti xi nwettqu. Biex inwettqu din il-ħdima, u biex inkunu protetti mill-influwenzi tad-dinja li jidhru li qed ikunu dejjem preżenti, aħna għandna jkollna l-fidi ta’ Alma, ta’ Nefi u taż-żagħżugħ Joseph Smith biex niksbu u niżviluppaw it-testimonjanza tagħna.

Bħal dak id-djaknu żagħżugħ li tkellimt dwaru qabel, jiena nammira lill-President Monson għat-testimonjanza tiegħu. Qisha siġra enormi tal-Kalifornja, madankollu anke it-testimonjanza tal-President Monson kellha bżonn tieħu ż-żmien biex tikber u tiżviluppa. Nistgħu nsiru nafu għalina nfusna, kif jaf il-President Monson, li Ġesù Kristu huwa s-Salvatur tagħna u l-Feddej tad-dinja, li Joseph Smith huwa l-profeta tar-Restawrazzjoni, inkluż ir-restawrazzjoni tas-saċerdozju ta’ Alla. Aħna nħaddnu dak is-saċerdozju mqaddes. Jalla nitgħallmu dawn il-ħwejjeġ u nsiru nafuhom għalina nfusna hija t-talba tiegħi fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen