Agħżlu bil-Għaqal
”Warrab il-ħażin, u agħżel it-tajjeb” (Isaija 7:15).
Għeżież ħuti, ix-xewqa tiegħi llejla hi li naqsam magħkom xi kunsilli dwar ċerti deċiżjonijiet u għażliet.
Meta kont avukat żagħżugħ fid-Distrett tal-Bajja ta’ San Francisco, il-grupp tagħna kien għamel xi xogħol legali għall-kumpanija li kienet ipproduċiet il-programmi speċjali tat-Televiżjoni dwar Charlie Brown, li kienu jintwerew fi żmien ta’ festi.1 Jiena sirt ammiratur ta’ Charles Schulz u l-karattru li ħoloq hu—Peanuts, flimkien ma’ Charlie Brown, Lucy, Snoopy u karattri meraviljużi oħra.
Wieħed mill-istejjer tal-komiks favoriti tiegħi kien jinvolvi lil Lucy. Kif niftakar jiena, it-tim tal-bejsbol ta’ Charlie Brown kien qed jilgħab logħba importanti—Lucy kienet qed tilgħab fin-naħa tal-lemin, u ballun għadda għoli minn fuq rasha. Kull bejs kienet meħudha, u kienet l-aħħar azzjoni tal-logħba. Jekk Lucy kienet taqbad il-ballun, it-tim tagħha kien jirbaħ. Jekk Lucy twaqqa’ l-ballun, jirbaħ it-tim l-ieħor.
Bħal ma jiġri biss f’xi storja tal-komiks, it-tim kollu dar ma’ Lucy hekk kif il-ballun kien nieżel mill-għoli. Lucy qalet lilha nfisha, ”Jekk naqbad il-ballun inkun erojina; jekk le, inkun ħmara.”
Il-ballun niżel, u waqt li sħabha tat-tim kellhom għajnejhom kollha fuqha, Lucy waqqgħet il-ballun minn idejha. Charlie Brown rema l-ingwanta tiegħu mal-art bi stmerrija. Imbagħad Lucy ħarset lejn sħabha tat-tim, poġġiet idejha fuq ġenbejha, u qalet, ”Kif tippretenduni naqbad il-ballun meta ninsab inkwetata dwar il-politika barranija ta’ pajjiżna?”
Dan kien wieħed mill-ħafna blalen li waqqgħet Lucy tul is-snin, u hija dejjem kien ikollha xi skuża ġdida.2 Għalkemm dejjem kienu jġibulek tbissima, l-iskużi ta’ Lucy kienu irrazzjonali għall-aħħar; kienu raġunijiet mhux minnhom għall-falliment tagħha li taqbad il-ballun.
Tul il-ministeru tal-President Thomas S. Monson, huwa spiss għallem li d-deċiżjonijiet jiddeterminaw destin.3 F’dak l-istess spirtu l-kunsill tiegħi llejla hu li nelevaw ruħna ’l fuq minn kull razzjonaliżmu li jżommna milli nieħdu deċiżjonijiet ġusti, speċjalment fejn jidħol is-servizz tagħna lejn Ġesù Kristu. F’Isaija aħna mgħallmin: ”warrbu l-ħażin, u agħżlu t-tajjeb.”4
Jiena nemmen li hu importanti ħafna fi żmienna, meta Satana jinsab jinfurja qlub il-bnedmin b’diversi modi ġodda u sottili, li l-għażliet u d-deċiżjonijiet tagħna jittieħdu bir-reqqa, b’ mod konsistenti mal-għanijiet u l-oġġettivi li fuqhom nistqarru li ngħixu. Neħtieġu impenn assolut lejn il-kmandament u fedeltà stretta lejn il-patti sagri. Meta aħna nħallu ċertu razzjonaliżmu jżommna milli nwettqu l-għotja mqaddsa tat-tempju, milli nservu missjoni denja u milli niżżewġu fit-tempju, dan ikun qiegħed jagħmlilna ħafna ħsara. Hija ħaġa ta’ qsim il-qalb meta aħna niddikjaraw li nemmnu f’dawn l-għanijiet u madankollu ma nagħtux kas il-kondotta tagħna ta’ kuljum li hija tant meħtieġa biex niksbuhom.5
Xi żgħażagħ jiddikjaraw li l-għan tagħhom hu li jiżżewġu fit-tempju iżda mbagħad ma jinnamrawx ma’ individwi li huma denji li jidħlu t-tempju. Biex inkun għidt kollox, xi wħud lanqas biss jinnamraw ma’ ħadd! Intom il-ġuvintur li għadkom single, aktar ma ddumu single wara li tkunu għalaqtu l-età xierqa u timmaturaw, aktar tħossukom komdi tibqgħu hekk. Iżda fil-fatt għandkom tħossukom aktar skomdi jekk intomtibqgħuhekk! Jekk jogħġobkom araw li tkunu ”okkupati b’ ħerqa kbira”6 f’attivitajiet spiritwali u soċjali li huma kompatibbli mal-għan tagħkom li tiżżewġu fit-tempju.
Xi wħud jipposponu ż-żwieġ sakemm itemmu l-istudji tagħhom u jiksbu impjieg. Għalkemm din hi xi ħaġa aċċettata ħafna fid-dinja, dan it-tip ta’ raġunar mhuwiex turija ta’ fidi, ma jaqbilx mal-kunsill tal-profeti moderni u mhux kompatibbli mad-duttrina ġusta.
M’ilux iltqajt ma’ tfajjel żagħżugħ u twajjeb. L-għanijiet tiegħu kienu li jmur iservi missjoni, jikseb ċerta edukazzjoni, jiżżewweġ fit-tempju u jkollu familja ferħana u fidila. Jiena kont kuntent ħafna bl-għanijiet tiegħu. Iżda aktar ma bdejt nitkellem miegħu, aktar beda jsir evidenti li l-kondotta tiegħu u l-għażliet li kien qed jieħu ma kinux konsistenti mal-għanijiet tiegħu. Ħassejt li huwa ġenwinament ried imur iservi missjoni u kien qed jevita milli jwettaq xi trasgressjoni serja li kienet iżżommu milli jmur missjoni, iżda l-kondotta tiegħu ta’ kuljum ma kenitx qed tħejjih għall-isfidi fiżiċi, emozzjonali, soċjali, intelletwali u spiritwali li se jħabbat wiċċu magħhom.7 Huwa kien għadu ma tgħallimx kif jaħdem iebes. Huwa ma kienx qed jieħu l-istudju u s-seminarju bis-serjetà. Huwa kien jattendi l-knisja, iżda kien għadu ma qarax il-Ktieb ta’ Mormon. Huwa kien qed jonfoq ammont kbir ta’ flus fuq logħob tal-kompjuter u l-medja soċjali. Huwa kien qisu qed jaħseb li kien biżżejjed għalih li sempliċiment ikun preżenti fil-missjoni. Intom il-ġuvintur, jekk jogħġobkom araw li jkollkom kondotta denja u tħejjew bis-serjetà biex tkunu rappreżentanti tal-Mulej u s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu.
Ninkwieta mhux biss dwar id-deċiżjonijiet kbar li jistgħu jibdlulna d-direzzjoni ta’ ħajjitna iżda wkoll dawk li jidhru anqas importanti—id-deċiżjonijiet li jidhru ordinarji li nieħdu fid-dinja tagħna ta’ kuljum fejn inqattgħu l-aktar ħin tagħna. Fihom irridu nenfasizzaw il-moderazzjoni, il-bilanċ u speċjalment l-għerf. Huwa importanti li nelevaw ruħna ’l fuq minn kull razzjonaliżmu u nagħmlu l-aħjar għażliet tagħna.
Eżempju mill-isbaħ tal-bżonn għall-moderazzjoni, il-bilanċ u l-għerf huwa l-użu tal-Internet. Jista’ jintuża biex inwettqu ħidma missjunarja, biex nassistu fir-responsabbiltajiet tas-saċerdozju, biex insibu l-antenati prezzjużi tagħna għall-ordinanzi sagri tat-tempju, u għal ħafna affarijiet oħra. Il-potenzjal għat-tajjeb huwa wieħed enormi. Nafu wkoll li jista’ jittrasmetti ħafna ħażen, inkluż il-pornografija, il-krudeltà diġitali, 8 u konverżazzjonijiet anonimi. Jista’ wkoll iwassal għall-bluha. Kif għallem b’ċerta qawwa Brother Randall L. Ridd fl-aħħar konferenza ġenerali, meta kien qed jitkellem dwar l-Internet, ”Tistgħu tinqabdu b’ammont kbir ta’ affarijiet mhux importanti li jaħlulkom ħinkom u jnaqqsulkom il-potenzjal tagħkom.”9
Id-distrazzjoni u l-oppożizzjoni għas-sewwa mhumiex biss fuq l-Internet; jinsabu kullimkien. Ma jaffettwawx biss liż-żgħażagħ iżda lilna lkoll. Ninsabu ngħixu f’dinja li tinsab letteralment f’konfużjoni.10 Ninsabu mdawrin b’għadd kbir ta’ affarijiet li suppost ”jagħtuk gost” u b’nies li jgħixu ħajja immorali u disfunzjonali. Dawn jiġu ppreżentati lilna bħala kondotta normali f’ ħafna mill-midja.
Il-Presbiteru David A. Bednar riċentiment widdeb lill-membri sabiex ikunu realistiċi fl-użu tagħhom tal-midja.11 Raġel magħruf sewwa għall-ħsibijiet tiegħu, Arthur C. Brooks, enfasizza dan il-punt. Huwa osserva li meta nużaw il-midja soċjali, aħna għandna t-tendenza li nuru d-dettalji sbieħ biss ta’ ħajjitna u mhux il-mumenti diffiċli li jkollna fl-iskola jew fil-post tax-xogħol. Nuru stampa mhux ċara ta’ ħajjitna—xi kultant b’ mod falz jew li jagħmilna nidhru aktar importanti milli fil-fatt aħna. Aħna naqsmu ma’ ħaddieħor din il-ħajja, u mbagħad nikkonsumaw ”kważi esklussivament … ’ħbieb’ tal-ħajja falza tagħna fuq il-midja soċjali.” Brooks sostna, ”Mhux bilfors li ma tħossokx tajjeb meta tqatta’ parti minn ħinek tippretendi li inti aktar kuntent milli fil-fatt int, u l-parti l-oħra ta’ ħinek toqgħod tara kemm in-nies l-oħra jidhru aktar ferħanin minnek?”12
Xi kultant bħallikieku ninsabu negħrqu fi bluha frivola, f’storbju bla sens u f’tilwim kontinwu. Meta nbaxxu l-volum u neżaminaw is-sustanza, ftit ikun hemm li jista’ jgħinna fit-tiftixa eterna tagħna lejn għanijiet ġusti. Wieħed missier wieġeb b’għaqal għal kemm-il darba wliedu talbuh sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw f’dawn id-distrazzjonijiet. Huwa sempliċiment staqsiehom, ”Allura dan taħsbu li se jagħmilkom persuna aħjar?”
Meta aħna nippruvaw niġġustifikaw dawn l-għażliet ħżiena, kbar jew żgħar, li huma inkonsistenti mal-evanġelju rrestawrat, aħna nitilfu l-barkiet u l-protezzjoni li neħtieġu u ħafna drabi nispiċċaw naqgħu fin-nasba tad-dnub jew sempliċiment nitilfu t-triq tagħna.
Jiena partikolarment ninkwieta minħabba l-bluha13 u li niġu ossessjonati b’”kull ħaġa ġdida.” Fil-Knisja aħna nħeġġu u ninkuraġġixxu l-verità u l-għarfien ta’ kull ħaġa. Iżda meta l-kultura, l-għarfien u d-drawwiet soċjali jiġu sseparati mill-pjan ta’ ferħ ta’ Alla u l-irwol essenzjali ta’ Ġesù Kristu, ikun hemm diżintegrazzjoni inevitabbli fis-soċjetà.14 Fi żmienna, minkejja t-tkabbir bla preċedent f’diversi oqsma, speċjalment fix-xjenza u l-komunikazzjoni, il-valuri bażiċi essenzjali ttieklu u ħafna qed iħossuhom anqas ferħanin u kuntenti bihom infushom.
Meta l-Appostlu Pawlu ġie mistieden sabiex jitkellem fuq l-Arjopagu ġewwa Ateni, huwa sab ftit mill-istess pretenzjoni intelletwali u nuqqas tal-veru għerf li jeżistu llum.15 Fl-Atti naqraw dan ir-rakkont: ”Issa l-Atenin kollha u l-barranin li kienu joqogħdu hemm ma kienu jedhew b’xejn ħlief b’li jgħidu jew jisimgħu xi ħaġa ġdida.”16 L-enfażi ta’ Pawlu kien il-Qawmien mill-Imwiet ta’ Ġesù Kristu. Meta l-folla rrealizzat in-natura reliġjuża tal-messaġġ tiegħu, xi wħud għaddewh biż-żmien; oħrajn essenzjalment keċċewh ’l hemm, billi qalulu, ”Nerġgħu nisimgħuk fuq dan darb’oħra.”17 Pawlu telaq minn Ateni mingħajr ebda suċċess. Dwar din iż-żjara Dean Frederic Farrar kiteb: ”F’Ateni huwa ma waqqaf l-ebda knisja, huwa ma kiteb l-ebda ittra, u f’Ateni, għalkemm spiss għadda minn dawk l-inħawi, qatt ma rifes iżjed.”18
Nemmen li l-messaġġ ispirat tal-Presbiteru Dallin H. Oaks li jiddistingwi bejn ”tajjeb, aħjar, aqwa” jipprovdilna mod effettiv kif nevalwaw l-għażliet u l-prioritajiet tagħna.19 Bosta għażliet mhumiex min-natura tagħhom ħżiena, iżda jekk huma jassorbu l-ħin kollu tagħna u jżommuna milli nagħmlu l-aqwa għażliet, imbagħad isiru xi ħaġa insidjuża.
Anke attivitajiet li jkunu tajbin jeħtieġu evalwazzjoni sabiex naraw jekk dawn qegħdinx ikunu ta’ distrazzjoni għal għanijiet aqwa. Meta kont għadni żagħżugħ jiena kelli diskussjoni mill-aktar interessanti ma’ missieri. Huwa ma kienx jaħseb li kien hawn biżżejjed żgħażagħ li kienu ffukati jew qegħdin iħejju għall-għanijiet futuri importanti—bħax-xogħol u l-ħidma għall-familji tagħhom.
Fil-quċċata tal-prioritajiet li kien jirrakkomanda missieri kien hemm l-istudju bis-serjetà u l-esperjenza bi tħejjija għax-xogħol. Huwa kien japprezza li ċerti attivitajiet ekstrakurrikulari bħad-dibattitu fil-klassi u t-tmexxija tal-istudenti fl-iskola setgħu kellhom konnessjoni diretta ma’ wħud mill-għanijiet importanti tiegħi. Iżda kien ferm aktar inċert dwar l-ammont ta’ ħin li jiena kont inqatta’ nipparteċipa fil-futbol, fil-baskitbol, fil-bejsbol u fl-atletika. Huwa kien jagħraf li l-atletika tgħin biex tibni s-saħħa, l-istamina u biex wieħed jitgħallem jaħdem f’tim ta’ nies, iżda kien isostni li aktarx kien ikun aħajr li kieku kelli nikkonċentra fuq sports wieħed u f’inqas ħin. Fl-opinjoni tiegħu, l-isports kienet ħaġa tajba iżda mhux l-aqwa ħaġa għalija. Huwa kien tal-idea li r-raġuni vera ta’ ċertu sports kienet li wieħed jipprova jsir xi ċelebrità lokali jew jikseb ċerta fama minflok jipprova jaħdem fuq għanijiet aktar importanti għall-futur.
Biex inkompli ma’ din l-istorja, waħda mir-raġunijiet li jiena nħobb ir-rakkont ta’ Lucy tilgħab il-bejsbol hi li, fl-oppinjoni ta’ missieri, jien missni kont qed nistudja l-politika barranija u mhux ninkwieta jekk kontx se naqbad il-ballun. Nixtieq nagħmliha ċara li ommi kienet tħobb l-isports. Biex ma tiġix tarani nilgħab f’xi waħda mil-logħbiet riedet tkun qegħda l-isptar.
Jiena ddeċidejt li nisma’ mill-parir li tani missieri u ma nilgħabx aktar sports fl-università. Imbagħad il-kowċ tal-futbol tal-iskola sekondarja tagħna infurmani li l-kowċ tal-futbol ta’ Stanford ried jistieden lili u lil Merlin Olsen għall-ikel. Dawk minnkom iżgħar fl-età jaf qatt ma smajtu b’Merlin. Huwa kien wieħed mill-aqwa plejers tal-futbol difensivi fl-Amerka li kien jilgħab mal-Iskola Sekondarja ta’ Logan fejn jiena kont nilgħab bħala kwoterbek u sejfti u fejn kont naqbad il-blalen li kienu jkunu fl-arja u nitlaq niġri bihom lejn il-lasta. Fil-kulleġġ Merlin kien jiġi mħajjar biex jilgħab mal-aqwa timijiet tal-futbol fil-pajjiż. Fl-università huwa rebaħ it-Tazza Outland bħala l-aqwa plejer mal-linja fin-nazzjon. Ultimament Merlin kien biss it-tielet persuna li qatt ġie magħżul biex jilgħab fil-Kampjonat Nazzjonali tal-Futbol u b’mod inkredibbli huwa lagħab f’14-il Prow Bawl konsekuttivi. Huwa ġie introdott fil-Pro Football Hall of Fame fl-1982.20
L-ikla mal-kowċ ta’ Stanford kienet fir-restorant Bluebird f’ Logan, Utah. Wara li ħadna b’id xulxin, lanqas darba ma’ ħares waħda f’ għajnejja. Huwa tkellem direttament ma’ Merlin u lili injorani kompletament. Wara li spiċċajna nieklu, għall-ewwel darba dar lejja, iżda ma setax jiftakar ismi. Imbagħad huwa informa lil Merlin, ”Jekk inti tagħżel Stanford u trid iġġib miegħek lil sieħbek, huma għandu biżżejjed marki tajbin u probabilment nirranġawlu.” Din l-esperjenza kkonfermatli li jien kelli nimxi wara l-kunsill għaqli ta’ missieri.
L-intenzjoni tiegħi mhijiex biex niskuraġġixxi l-parteċipazzjoni fl-isports jew f’ xi attivitajiet interessanti li ż-żgħażagħ jieħdu gost bihom. Huma t-tip ta’ attivitajiet li jeħtieġu l-moderazzjoni, il-bilanċ u l-għerf. Meta nużawhom bil-għaqal, huma jsebbħu ħajjitna.
Madankollu, jiena nħeġġeġ lil kulħadd, żgħar jew kbar, sabiex tagħtu ħarsa lejn l-għanijiet u l-oġġettivi tagħkom u tagħmlu dak kollu li tistgħu biex teżerċitaw dixxiplina akbar. L-imġieba u l-għażliet ta’ kuljum tagħna għandhom ikunu konsistenti mal-għanijiet tagħna. Irridu nelevaw ruħna ’il fuq mir-razzjonaliżmu u d-distrazzjoni. Huwa speċjalment importanti li nagħmlu għażliet li huma konsistenti mal-patti tagħna li nservu lil Ġesù Kristu fis-sewwa.21 Għall-ebda raġuni m’għandha xi ħaġa ttellifna minn dan il-għan.
Din il-ħajja hija ż-żmien li fih nitħejjew biex niltaqgħu ma’ Alla.22 Aħna poplu ferħan u ferrieħi. Aħna napprezzaw daqsxejn ta’ umoriżmu u ngħożżu l-ħin informali mal-ħbieb u l-familja. Iżda rridu verament nagħrfu kemm hi importanti din il-ħaġa li għandha tkun il-bażi ta’ kif aħna ngħixu u tal-għażliet kollha tagħna. Id-distrazzjoni u r-razzjonaliżmu li jillimitaw il-progress tagħna huma perikolużi biżżejjed, iżda meta huma jnaqqsu l-fidi tagħna f’Ġesù Kristu u fil-Knisja Tiegħu, huma jsiru traġiċi.
It-talba tiegħi hi li, bħala grupp ta’ rġiel li nħaddnu s-saċerdozju, għandna naraw li l-kondotta tagħna tkun konsistenti mal-għanijiet nobbli meħtieġa minn dawk li huma għas-servizz tal-Imgħallem. F’kull ħaġa għandna niftakru li tkun ”qalbieni fit-testimonjanza ta’ Ġesù” huwa t-test sinifikanti li jissepara n-nies bejn is-saltna ċelestjali u dik terrestjali.23 Aħna rridu ninsabu fuq in-naħa ċelestjali ta’ dik il-qasma. Bħala wieħed mill-Appostli Tiegħu, jiena naqsam it-testimonjanza ferventi tiegħi dwar ir-realtà tal-Att tal-Fidwa u d-divinità ta’ Ġesù Kristu, is-Salvatur tagħna. F’isem Ġesù Kristu, amen.