2010-2019
Imħejjija b’ Mod li Qatt Ma Konna Rajna Bħalu Qabel
Ottubru 2014


Imħejjija b’ Mod li Qatt Ma Konna Rajna Bħalu Qabel

Jalla aħna nitħejjew sabiex b’ mod den nirċievu l-ordinanzi tas-salvazzjoni qatra qatra u nżommu l-patti assoċjati magħhom b’ qalbna kollha.

Meta t-tifla ż-żgħira tagħna ġiet lura d-dar wara l-ewwel jum tagħha l-iskola, jiena staqsejtha, ”Kif mort?”

Hija wieġbet, ”Mort tajjeb.”

L-għada filgħodu, madankollu, meta qajjimtha għall-iskola, hija rabtet idejha flimkien u b’ vuċi soda qalet, ”Jiena diġà mort skola!” Apparentament jiena ma kontx ħejjejtha jew spjegajtilha li l-iskola mhux xi ħaġa li tmur darba biss iżda li kien mistenni minnha li tmur l-iskola ħamest ijiem fil-ġimgħa għal ħafna, ħafna snin.

Hekk kif nikkunsidraw il-prinċipju li nkunu mħejjijin, immaġinaw miegħi din ix-xena. Intom tinsabu bilqiegħda fil-kamra ċelestjali tat-tempju u tinnutaw numru ta’ għarajjes li qed jiddaħħlu u jinħarġu b’ qima fil-kamra hekk kif huma jistennew li jiżżewġu għal din il-ħajja u għall-eternità kollha. Għarusa tidħol fil-kamra ċelestjali, id f’ id mal-maħbub tagħha. Hija liebsa libsa tat-tempju, sempliċi iżda sabiħa, u fuq wiċċha għandha tbissima kalma, trankwilla u sabiħa. Hija liebsa veru sabiħ iżda xejn bombastiku. Hija tpoġġi bilqiegħda, tħares ħarsa madwarha u mbagħad f’ daqqa waħda tibda tħossha verament emozzjonata. Jidher li d-dmugħ li nieżel ma’ ħaddejha huwa għaliex qed tħossha mqanqla tant minħabba s-sens ta’ qima kemm għall-post fejn qiegħda u għall-ordinanza sagra li hemm tistenna lilha u lill-imħabba ta’ ħajjitha. L-imġiba tagħha bħal qisha qed tgħid, ”Kemm jiena grata li llum ninsab f’ dar il-Mulej, lesta biex nibda vjaġġ etern ma’ sieħeb etern u maħbub. Hija tidher preparata għal ferm aktar minn sempliċi avveniment ta’ darba.

In-neputija ħelwa u żagħżugħa tagħna m’ilux ħalliet nota għalija fuq l-imħadda tiegħi li parti minnha kienet tgħid: ”Ħaġa li tolqotni meta nidħol ġewwa t-tempju huwa l-ispirtu trankwill u ta’ mħabba li jgħammar hemm. … In-nies jistgħu jmorru fit-tempju biex jirċievu l-ispirazzjoni.”1 Għandha raġun. Aħna nistgħu nirċievu l-ispirazzjoni u r-rivelazzjoni ġewwa t-tempju—u nirċievu wkoll qawwa li niffaċċjaw l-avversitajiet tal-ħajja. Dak li hija qed titgħallem dwar it-tempju hekk kif hija b’ mod konsistenti tipparteċipa billi tieħu l-ismijiet tal-familja tagħha biex b’ hekk jitwettqu l-magħmudijiet u l-konfermi se jippreparaha sabiex hija tirċievi aktar ordinanzi, patti u barkiet tat-tempju, kemm għaliha kif ukoll għal dawk fuq in-naħa l-oħra tal-velu.

Il-Presbiteru Russell M. Nelson għallem, ”Hekk kif it-tempji jinsabu preparati għan-nies, in-nies għandhom jippreparaw ruħhom għat-tempju.”2

Hekk kif qed nerġa’ naqra għal darb’oħra dwar il-Kaptan Moroni fil-Ktieb ta’ Mormon, qed nerġa’ niftakar li waħda mill-akbar ħwejjeġ li wettaq Moroni kienet ir-reqqa kbira li biha huwa ħejja lin-Nefiti sabiex huma jkunu jistgħu jikkumbattu t-terrur tal-armata Lamanita. Huwa ħejja lin-nies tiegħu tant tajjeb li naqraw, ”Araw, għall-għaġeb kbir tal-Lamaniti, in-Nefitikienu preparati għalihom, b’ mod li qatt ma kienu raw bħalu qabel.3

Dik il-frażi, ”preparati … b’ mod li qatt ma kienu raw bħalu qabel,” laqtitni ferm.

Aħna kif nistgħu nitħejjew aħjar għall-barkiet sagri tat-tempju? Il-Mulej għallem, ”U għal darb’oħra, jiena se nagħtikom eżempju fuq xiex timxu f’ kollox.”4 Ejjew nikkunsidraw eżempju mill-iskrittura li jgħinna nitħejjew sew. Il-mod li bih Moroni ħejja għall-għadu kien jeħtieġ diliġenza konsistenti u kontinwa, u dan l-eżempju jitlobna nagħmlu l-istess ħaġa.

Qatt ma nixba nisma’ l-parabbola sabiħa li s-Salvatur qal dwar il-ħames verġni għaqlin u l-ħames verġni boloh. Għalkemm din il-parabbola tirreferi għat-Tieni Miġja tas-Salvatur tagħna, nistgħu nxebbħuha wkoll meta aħna nitħejjew għall-barkiet tat-tempju, li jistgħu jkunu bħal festa spiritwali għal dawk li jitħejjew sew.

F’Mattew 25 naqraw:

”Imbagħad is-Saltna tas-Smewwiet ixebbhuha ma’ għaxar xebbiet li ħarġu bl-imsiebaħ tagħhom biex jilqgħu l-għarus.

”Ħamsa minnhom kienu boloh u ħamsa għaqlin, …

”Huma li kienu għaqlin ħadu mhux biss l-imsiebaħ iżda wkoll iż-żejt fil-kwies.

”L-għarus iddawwar ma ġie, u għalhekk ilkoll ħadhom in-ngħas u raqdu.

”Mbagħad f’nofs ta’ lejl instama’ min jgħajjat, Ara l-għarus! Oħorġu ilqgħuh.

”Dawk ix-xebbiet qamu lkoll u ħejjew l-imsiebaħ tagħhom.

”Iżda l-boloh qalu lill-għaqlin, Agħtuna ftit żejt minn tagħkom, għax l-imsiebaħ tagħna jintfew.

”Qabżu l-għaqlin u qalu, Għandu mnejn ma jibqax biżżejjed, la għalina u lanqas għalikom: l-aħjar, morru għand tal-ħanut u ixtru għalikom.

”Xħin dawk marru biex jixtru jiġi l-għarus; dawk li kienu lesti daħlu miegħu għall-festa tat-tieġ, u l-bieb ingħalaq.

”Sa fl-aħħar waslu wkoll ix-xebbiet l-oħra, u bdew jgħidu, Sinjur, Sinjur, iftħilna!

”Iżda hu weġibhom u qal, Tassew, ngħidilkom, lilkom ma nafkomx.”5

Ma naħsibx li hawn xi ħadd, speċjalment dawk ta’ qalb tenera, li ma jħossuhomx imnikkta għal dawk it-tfajliet boloh. U xi wħud minna jixtiequ jgħidu lill-oħrajn, ”Tistgħu taqsmu dak li għandkom ma’ ħaddieħor ħalli kulħadd ikun ferħan?” Iżda aħsbu ftit dwar dan. Din hija l-istorja li qal is-Salvatur, u Huwa dak li sejjaħ ħamsa minnhom ”għaqlin” u ħamsa oħra ”boloh.”

Hekk kif nikkunsidraw din il-parabbola bħala eżempju tajjeb għat-tħejjija għat-tempju, ikkunsidraw il-kliem tal-profeta tal-aħħar jiem li għallem li ”ż-żejt tat-tħejjija spiritwali ma nistgħux naqsmuh ma’ ħaddieħor.”6 Il-President Spencer W. Kimball jgħinna biex nifhmu għalfejn il-ħames tfajliet ”għaqlin” ma setgħux jaqsmu ż-żejt tal-imsiebaħ tagħhom ma’ dawk li kienu ”boloh” meta huwa qal: ”Meta aħna nattendu l-laqgħat tagħna tas-sagrament, inkunu qed inżidu ż-żejt fl-imsiebaħ tagħna, qatra qatra tul is-snin. Is-sawm, it-talb tal-familja, it-tagħlim tad-dar, il-kontroll tal-kilbiet tal-ġisem, it-tixrid tal-evanġelju, l-istudju tal-iskrittura—kull att ta’ dedikazzjoni u ubbidjenza huwa qatra miżjuda ma’ dak li diġà għandna. Għemejjel ta’ tjubija, ħlas ta’ offerti u dieċmi, ħsibijiet u għemejjel puri … —dawn, ukoll, jikkontribwixxu b’ mod importanti maż-żejt li f’ nofs il-lejl nistgħu nerġgħu nimlew l-imsiebaħ tagħna bih.”7

Qegħdin tinnutaw l-eżempju ta’ tħejjija—qatra qatra—li jista’ jgħinna hekk kif naraw kif nistgħu nkunu aktar diliġenti fit-tħejjija tagħna li nieċievu l-ordinanzi sagri għalina nfusna u għal ħaddieħor? X’ inhuma l-ħwejjeġ żgħar u sempliċi oħra li nistgħu nagħmlu biex inżidu qtar ta’ żejt, prezzjuż spiritwali, fl-imsiebaħ tagħna tat-tħejjija?

Nitgħallmu mill-Presbiteru Richard G. Scott li ”nkunu personalment denji hija ħtieġa essenzjali biex aħna ngawdu l-barkiet tat-tempju. … L-aqwa mod kif tifforma karattru den huwa jekk tgħix ħajja mimlija għażliet konsistenti u korretti bbażati fuq it-tagħlim tal-Imgħallem. ”8 Verament togħġobni l-kelma konsistenti. Li tkun konsistenti hu li tkun sod, kostanti, u ta’ min joqgħod fuqek. X’ deskrizzjoni mill-isbaħ tal-prinċipju li wieħed ikun den!

Id-Dizzjunarju tal-Bibbja jfakkarna: ”Hija biss id-dar li tista’ tqabbilha mat-tempju f’dik li hija qdusija.”9 Djarna u l-appartamenti tagħna nistgħu niddiskrivuhom b’ dan il-mod? Tfajla ħelwa fil-qasam tagħna m’ilux ġiet id-dar tagħna. Peress li kont naf li ħuha kien għadu kif irritorna mill-missjoni tiegħu, jiena staqsejtha kif qed tħossha issa li huwa ġie lura fosthom id-dar. Hija qalet li ferħana ħafna, iżda kultant huwa jitlobhom sabiex ibaxxu l-mużika. Hija qalet, ”U lanqas tgħid li hi xi mużika ħażina!” Jagħmel tajjeb jekk aħna kultant neżaminaw lilna nfusna biex niżguraw li djarna huma l-post fejn nitħejjew sabiex fih inħossu l-Ispirtu. Hekk kif inħejju darna biex tkun post li jilqa’ fih l-Ispirtu, aħna nkunu qed nitħejjew sabiex inħossuna aktar ”komdi” meta nidħlu fid-dar tal-Mulej.

Hekk kif inħejju lilna nfusna biex b’mod den nidħlu ġewwa t-tempju u nibqgħu fidili lejn il-patti tat-tempju, il-Mulej jitfa’ ”għadd kbir ta’ barkiet”10fuqna. Il-ħabiba tal-qalb tiegħi Bonnie Oscarson riċentiment tat tifsira ġdida lil skrittura partikolari meta qalet, ”Fejn hu mistenni ħafna minna, ħafna aktar jingħatalna.”11 Naqbel magħha perfettament! Peress li aħna mmorru t-tempju biex nirċievu l-barkiet eterni, m’ għandhiex tkun ta’ sorpriża għalina li minna huwa mistenni standard ferm ogħla sabiex nikkwalifikaw għal dawk il-barkiet. Għal darb’oħra l-Presbiteru Nelson għallem: ”Peress li t-tempju huwa d-dar tal-Mulej, il-kriterji li hemm bżonn biex nidħlu hemm jagħmilhom Hu. Min jidħol hemm hu l-mistieden Tiegħu. Li jkollkom rakkomandazzjoni tat-tempju huwa privileġġ imprezzabbli u sinjal tanġibbli ta’ ubbidjenza lejn Alla u l-profeti Tiegħu.”12

Ċerti atleti ta’ klassi mondjali u l-istudenti tal-mediċina tal-università jqattgħu sigħat sħaħ, jiem, ġimgħat u xhur u saħansitra snin jitħejjew. Huwa meħtieġ minnhom qtar ta’ tħejjija kuljum sabiex huma jilħqu l-quċċata. Bl-istess mod, dawk li jixtiequ jikkwalifikaw għall-eżaltazzjoni fis-saltna ċelestjali hu mistenni minnhom li jgħixu standard ogħla ta’ ubbidjenza li niksbuh billi nipprattikaw il-virtù tal-ubbidjenza, jum wara jum, qatra wara qatra.

Hekk kif b’ mod konsistenti u b’ diliġenza aħna nżidu ż-żejt, qatra wara qatra, lill-imsiebaħ spiritwali tagħna, jekk aħna nagħmlu dawn il-ħwejjeġ żgħar u sempliċi, aħna jista’ jkollna l-imsiebaħ tagħna ”lesti u jaqbdu” 13 bi tħejjija tal-għaġeb. Ir-raġel ħelu tiegħi, li huwa president tal-wited, riċentiment irrimarka li huwa kważi dejjem kapaċi jinduna meta xi ħadd ikun preparat u den li jidħol it-tempju, peress li ”huma jdawlu lill-kamra” meta jiġu jfittxu li jiksbu rakkomandazzjoni tat-tempju.

Fit-talba dedikatorja tat-Tempju ta’ Kirtland, il-Profeta Joseph Smith talab lill-Mulej ”li n-nies kollha li se jidħlu fuq l-għatba tad-dar tal-Mulej iħossu l-qawwa, … li huma jikbru fik, u jirċievu l-milja tal-Ispirtu s-Santu, … u jkunu mħejjija li jiksbu kull ħaġa meħtieġa.”14

Hija t-talba tiegħi li għalina, li mmorru ġot-tempju tkun aktar minn avveniment ta’ darba. Jalla aħna nitħejjew sabiex b’ mod den nirċievu l-ordinanzi tas-salvazzjoni qatra qatra u nżommu l-patti assoċjati magħhom b’ qalbna kollha. Hekk kif nagħmlu dan, jiena naf li aħna nikkwalifikaw biex nirċievu l-barkiet imwiegħda tal-milja tal-Ispirtu s-Santu u l-qawwa tal-Mulej fi djarna u fil-ħajja individwali tagħna. F’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Nota personali minn Aydia Kaylie Melo to Linda K. Burton, 31 ta’ Aww. 2014.

  2. Russell M. Nelson, “Prepare for the Blessings of the Temple,” Ensign jew Liahona, Ott. 2010, 41.

  3. Alma 49:8; enfażi miżjuda; see also versi 6–7.

  4. Doctrine and Covenants 52:14.

  5. Mattew 25:1–2, 4–11; Joseph Smith Translation, Mattew 25:12 (in Mattew 25:12, nota f’ qiegħ il-paġna a).

  6. Marvin J. Ashton, “A Time of Urgency,” Ensign, Mejju 1974, 36.

  7. Spencer W. Kimball, Faith Precedes the Miracle (1972), 256.

  8. Richard G. Scott, “Receive the Temple Blessings,” Ensign, Mejju 1999, 25; Liahona, Lulju 1999, 29.

  9. Bible Dictionary, “Temple.”

  10. Doctrine and Covenants 104:2.

  11. Bonnie L. Oscarson, “Greater Expectations” (Seminaries and Institutes of Religion satellite broadcast, Aww. 5, 2014); lds.org/broadcasts; ara wkoll Luqa 12:48; Doctrine and Covenants 82:3.

  12. Russell M. Nelson, “Personal Preparation for Temple Blessings,” Ensign, Mejju 2001, 33; Liahona, Lulju 2001, 38.

  13. Doctrine and Covenants 33:17.

  14. Doctrine and Covenants 109:13, 15.