2010-2019
”Jaqaw jien, Mulej?”
Ottubru 2014


”Jaqaw jien, Mulej?”

Għandna nwarrbu kull kburija, inħarsu lil hinn minn kull vanità, u b’ umiltà nistaqsu, “Jaqaw jien, Mulej?”

Kien l-aħħar lejl tal-għażiż Salvatur tagħna fil-mortalità, il-lejla ta’ qabel ma’ Huwa offra lilu nnifsu biex jifdi lill-umanità kollha. Hekk kif Huwa qasam il-ħobż mad-dixxipli Tiegħu, Huwa qal xi ħaġa li żgur imlitilhom qalbhom b’ biża’ kbir u niket enormi. ”Wieħed minnkom se jittradini,” Huwa qalilhom.

Id-dixxipli ma qagħdux imeru l-verità ta’ dak li kien qal. Jew ħarsu madwarhom, ippuntaw lejn xi ħadd ieħor u staqsew, ”Tgħid hu?”

Minflok, huma bdew isewdu qalbhom ħafna u kull wieħed minnhom beda jsaqsih, ”Mulej, jaqaw jien?1

Ma nafx kull wieħed minna x’ kien jagħmel li kieku s-Salvatur staqsiena dik il-mistoqsija. Tgħid konna nagħtu ħarsa madwarna u f’ qalbna ngħidu, ”Naħseb probabbilment qed jitkellem dwar Brother Johnson. Fil-fatt qatt ma kkonvinċieni,” jew ”Qed nieħu gost li hawn Brother Brown. Ma tantx naħseb li għandu bżonn jisma’ dal-messaġġ”? Jew inkella, bħal dawk id-dixxipli tal-antik, inħarsu ġewwa fina u nistaqsu dik il-mistoqsija penetranti: ”Jaqaw jien?”

F’ dan il-kliem sempliċi, “Mulej, jaqaw jien?” jinsab il-bidu tal-għerf u t-triq li twassal għall-konverżjoni personali u għall-bidla dejjiema.

Il-Parabbola taċ-Ċikwejra Salvaġġa

Darba kien hemm raġel li filgħaxija kien jieħu gost imur daqsxejn ta’ passiġġata fl-inħawi fejn kien joqgħod. Huwa partikolarment kien jistenna l-mument meta kien jgħaddi minn quddiem id-dar tal-ġar tiegħu. Il-ġar tiegħu kien iżomm il-ħaxix ta’ quddiem id-dar maqtugħ b’ mod perfett, il-fjuri tiegħu kienu dejjem ħajjin, u s-siġar dejjem b’ saħħithom u fid-dell. Kienet ħaġa ovvja li l-ġar tiegħu kien jagħmel kull sforz biex iżomm madwar id-dar fi stat sabiħ.

Iżda jum fost l-oħrajn, hekk kif dan ir-raġel kien miexi quddiem id-dar tal-ġar tiegħu, huwa nnota f’ nofs dan it-terf mill-isbaħ li kien hemm werqa safra enormi ta’ ċikwejra salvaġġa.

Tant kienet tidher barra minn postha li ħassu sorpriż. Għalfejn il-ġar tiegħu ma qatagħhiex minn hemm? Tgħid ma rahiex? Ma jafx li ċ-ċikwejra salvaġġa setgħet twaqqa’ għadd ta’ żerriegħa li minnhom seta’ jinbet ħaxix salvaġġ ieħor?

Din l-unika ċikwejra salvaġġa tant dejqitu li ried jagħmel xi ħaġa dwarha. Tgħid imur jaqlagħha? Jew ibexxixha bl-isprej li joqtol il-ħaxix salvaġġ? Forsi, jekk imur bil-moħbi bil-lejl, huwa kien ineħħiha u ma jarah ħadd.

Dawn il-ħsibijiet ħakmulu moħħu hekk kif kien miexi lejn id-dar tiegħu. Huwa daħal ġo daru mingħajr lanqas biss ħares lejn il-parti ta’ quddiem tad-dar tiegħu—li kienet miksija b’ mijiet ta’ ċikwejra salvaġġa safra.

Travi u Tiben

Ma tfakkarniex din l-istorja fi kliem is-Salvatur?

”Xi trid tħares lejn it-tibna li hemm f’għajn ħuk? Għax ma tarax it-travu li għandek f’għajnek int? 

“… Neħħi l-ewwel it-travu li għandek f’għajnek int, ħalli mbagħad tara sewwa tneħħi t-tibna minn għajn ħuk.”2

Is-suġġett tat-travi u t-tiben jidher li huwa relatat ferm man-nuqqas ta’ kapaċità tagħna li naraw sewwa lilna nfusna. Mhux ċert kif aħna daqshekk kapaċi nagħrfu u nirrakkomandaw rimedji għad-deni ta’ ħaddieħor, filwaqt li tant insibuha diffiċli naraw x’ għandna aħna.

Xi snin ilu kien hemm aħbar dwar raġel li kien jemmen li jekk huwa kien jogħrok wiċċu bil-meraq tal-lumi, kien isir inviżibbli quddiem il-kameras. Għalhekk huwa dilek wiċċu kollu meraq tal-lumi, ħareġ barra u seraq żewġ banek. Ma damx ma ġie arrestat meta wiċċu deher fuq l-aħbarijiet kollha ta’ filgħaxija. Meta l-pulizija wrew lir-raġel il-vidjos tiegħu nnifsu li qabdu bil-kameras tas-sigurtà, huwa ma riedx jemmen lil għajnejh. ”Iżda jiena kelli l-meraq tal-lumi fuq wiċċi!” huwa pprotesta.3

Meta wieħed xjentist ġewwa l-Università ta’ Cornell sema’ b’ din l-istorja, huwa mtela bix-xewqa li jkun jaf kif bniedem seta’ jsibha daqshekk diffiċli biex jintebaħ bl-inkompitenza tiegħu. Biex jiddeterminaw jekk din kenitx xi problema ġenerali, żewġ riċerkaturi stiednu numru ta’ studenti tal-università sabiex jipparteċipaw f’ serje ta’ testijiet dwar għadd ta’ ħiliet tal-ħajja u mbagħad talbuhom jiddeċiedu kif jaħsbu li marru. L-istudenti li ma tantx marru tajjeb kienu dawk bl-inqas ħila biex jevalwaw kif marru—xi wħud minnhom ħasbu li l-marki li kienu ġabu kienu ħames darbiet ogħla milli fil-fatt kienu.4

Dan l-istudju reġa’ rrepeta ruħu b’ diversi modi oħra, fejn kompla jikkonferma l-istess konklużjoni: ħafna minna insibuha diffiċli naraw lilna nfusna kif verament aħna, u anke nies ta’ suċċess jgħollu l-istima tal-kontribut li huma jagħtu u ma jikkalkulawx wisq il-kontribut li jagħtu l-oħrajn.5

Forsi mhux xi ħaġa daqshekk sinifikattiva li ngħollu l-istima tagħna għall-mod kif insuqu l-karozza jew kemm jirnexxielna nixħtu ’l bogħod il-ballun tal-golf. Iżda meta nibdew nemmnu li l-kontribut tagħna fid-dar, fix-xogħol u fil-knisja huwa ferm akbar milli fil-fatt hu, aħna nkunu qed inżommu lilna nfusna milli niksbu ċerti barkiet u opportunitajiet li ntejbu lilna nfusna b’ mod mill-aktar sinifikanti u profond.

Blajnd Spots Spiritwali

Wieħed ħabib tiegħi kien jgħix f’ qasam li kellu uħud mill-ogħla statistiċi fil-Knisja—l-attendenza kienet għolja, in-numru tat-tagħlim tad-dar kien għoli, it-tfal tal-Primarja dejjem kienu jġibu ruħhom b’ mod tajjeb, l-ikliet tal-qasam dejjem kienu jinkludu ikel mill-aqwa li l-membri rari kienu jwaqqgħu l-ikel mal-art tad-dar tal-laqgħat, u naħseb li qatt ma kien inqala’ xi argument waqt l-avvenimenti sportivi.

Sieħbi u l-mara tiegħu sussegwentement ġew imsejħa biex iservu missjoni. Meta reġgħu lura tliet snin wara, huwa stagħġbu meta raw li matul iż-żmien li kienu ilhom iservu ’l bogħod mill-qasam tagħhom, 11-il żwieġ kien spiċċa f’ divorzju.

Għalkemm il-qasam minn barra kien jidher li kien wieħed b’ saħħtu u mimli nies fidili, sfortunatament bdiet isseħħ xi ħaġa fil-qlub u fil-ħajja tal-membri. U l-aktar ħaġa inkwetanti hi li din is-sitwazzjoni mhijiex xi waħda unika. Ħwejjeġ terribli u ħafna drabi xejn neċessarji jseħħu meta l-membri tal-Knisja jitbiegħdu mill-prinċipji tal-evanġelju. Minn barra kienu jidhru li kienu dixxipli ta Ġesù Kristu, iżda ġewwa qalbhom kienu ’l bogħod mis-Salvatur u t-tagħlim Tiegħu. Huma gradwalment tbiegħedu mill-ħwejjeġ tal-Ispirtu u resqu lejn il-ħwejjeġ tad-dinja.

Irġiel li darba kienu jħaddnu s-saċerdozju b’ mod den bdew jgħidu lilhom infushom li l-Knisja kienet post tajjeb għan-nisa u għall-uliedhom iżda mhux għalihom. Jew xi wħud kienu konvinti li l-iskeda mill-aktar mimlija tagħhom jew iċ-ċirkustanzi uniċi tagħhom kienu jeżentawhom mill-atti ta’ kuljum ta’ devozzjoni u servizz li jżommuhom viċin l-Ispirtu. F’ dawn iż-żminijiet ta’ narċisiżmu li ħafna jippruvaw jiġġustifikaw lilhom infushom, huwa faċli li nsiru kreattivi bil-mod li noħolqu l-iskużi għalfejn ma nersqux regolarment lejn Alla permezz tat-talb, għalfejn noqogħdu nitnikkru biex nistudjaw l- iskrittura, nevitaw il-laqgħat tal-Knisja u lejla d-dar mal-familja, jew ma nħallsux dieċmi onesta u offerta tas-sawm.

Għeżież ħuti, tistgħu jekk jogħġobkom tħarsu ġewwa qalbkom u tistaqsu l-mistoqsija sempliċi: ”Jaqaw jien, Mulej?”

Intom tbegħidtu—anke jekk ftit li xejn—minn ”l-…Evanġelju tal-glorja ta’ Alla l-imbierek, fdat f’idejkom”?6 Ħallejtu ”l-alla ta’ din id-dinja” jdallam moħħkom għad-”dawl ta’ l-Evanġelju glorjuż ta’ Kristu”?7

Għeżież ħbieb tiegħi, għeżież ħuti, staqsu lilkom infuskom, ”Fejn hu t-teżor tiegħi?”

Qalbkom tinsab marbuta mal-ħwejjeġ konvinjenti ta’ din id-dinja, jew tinsab iffukata fuq it-tagħlim tad-diliġenti Ġesù Kristu? ”Għax fejn hemm it-teżor tiegħek, hemm tinsab qalbek ukoll.”8

L-Ispirtu ta Alla jinsab jgħammar f’ qalbkom? ”L-għeruq tagħkom” jinsabu fl-imħabba lejn Alla u lejn għajrkom? Tiddedikaw biżżejjed ħin u tkunu kreattivi biżżejjed biex twasslu l-ferħ fiż-żwieġ u fil-familja tagħkom? Tiddedikaw l-enerġiji tagħkom għall-għan sublimi li ssiru tafu u tgħixu ”l-wisa’ u t-tul, l-għoli u l-fond”9 tal-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu?

Ħuti, jekk l-akbar xewqa tagħkom hi li tikkultivaw ċerti kwalitajiet li jixbhu lil Kristu, il-kwalità tal-”fidi, virtù, għarfien, temperament, paċenzja, tjubija ta’ bejn l-aħwa, qdusija, karità, umiltà u servizz,”10 Missierna tas- Smewwiet jagħmilkom strument f’ idejh għas-salvazzjoni ta’ bosta erwieħ.11

Il-Ħajja Eżaminata

L-aħwa, ħadd minna ma jħobb jammetti meta nkunu qed niżvijjaw mit-triq il-ġusta. Ħafna drabi aħna nippruvaw nevitaw milli nħarsu b’ mod profond ġewwa ruħna u nikkonfrontaw id-dgħjufijiet, il-limitazzjonijiet u l-beżgħat tagħna. Konsegwentament, meta aħna neżaminaw ħajjitna, aħna noqogħdu nħarsu l-ewwel lejn il-preferenzi, l-iskużi u l-istejjer li ngħidu lilna nfusna sabiex inkunu nistgħu niġġustifikaw ċerti ħsibijiet u għemejjel mhux xierqa.

Iżda li nkunu kapaċi naraw lilna nfusna b’ mod ċar huwa essenzjali għat-tkabbir u l-benesseri spiritwali tagħna. Jekk id-dgħjufijiet u n-nuqqasijiet tagħna jibqgħu moħbijin wara d-dell, allura l-qawwa li tifdina tas-Salvatur ma tkunx tista’ tfejjaqhom u tibdilhomna f’ qawwa.12 Ironikament, l-għama tagħna lejn id-dgħjufijiet umani tagħna tagħmilna għomja wkoll lejn il-potenzjal divin li Missierna irid irawwem ġo kull wieħed minna.

Għalhekk kif nistgħu niddu d-dawl pur tal-verità ta’ Alla f’ ruħna u naraw lilna nfusna bil-mod kif jarana Hu?

Ippermettuli nissuġġerixxi li l-iskrittura mqaddsa u d-diskors mogħti waqt il-konferenza ġenerali huma mera effettiva li nistgħu nużaw biex neżaminaw lilna nfusna.

Hekk kif tisimgħu jew taqraw kliem il-profeti tal-qedem u dawk moderni, ieqfu milli taħsbu kif dan il-kliem jista’ japplika għal xi ħadd ieħor u staqsu din il-mistoqsija sempliċi: ”Jaqaw jien, Mulej?”

Għandna nersqu lejn il-Missier Etern tagħna b’ qalb maqsuma u moħħ lest li jitgħallem. Irridu nkunu lesti nitgħallmu u ninbidlu. U, emmnuni, kemm niggwadanjaw jekk nikkommettu ruħna li ngħixu l-ħajja li jridna ngħixu Missierna tas-Smewwiet!

Dawk li ma jixtiqux jitgħallmu u jinbidlu probabbilment ma jirnexxilhomxu jista’ jkun li jibdew jikkontemplaw jekk il-Knisja għandhiex xi ħaġa x’ toffrilhom.

Iżda dawk li jridu jitjiebu u jimxu ’l quddiem, dawk li jitgħallmu dwar is-Salvatur u jixtiequ jkunu bħalu, dawk li jkunu umli bħal tifel ċkejken u jaraw li ħsibijiethom u l-għemejjel tagħhom ikunu f’ armonija ma’ Missierna tas-Smewwiet—huma jesperjenzaw il-miraklu tal-Att tal- Fidwa tas-Salvatur. Huma, mingħajr dubju jħossu l-Ispirtu risplendenti ta’ Alla. Huma jduqu l-ferħ inspjegabbli li huwa l-frott ta’ qalb umli u mansa. Huma jitbierku bix-xewqa u dixxiplina li jsiru dixxipli vera ta’ Ġesù Kristu.

Il-Qawwa tat-Tajjeb

Tul ħajti, jiena kelli l-opportunità li nagħmilha ma’ wħud mill-aktar nies kompetenti u intelliġenti li hawn fid-dinja. Meta kont għadni iżgħar, kont nimpressjona ruħi b’ dawk in-nies li kienu edukati, u li fid-dinja għamlu isem, irnexxew u saru popolari. Iżda meta għadda żmien, bdejt nirrealizza li sirt aktar nimpressjona ruħi b’ dawk l-erwieħ meraviljużi u mbierka li verament huma nies twajba u mingħajr ħażen.

U mhux dwar dan hu l-evanġelju, u mhuwiex dan l-għan tiegħu? Huwa l-aħbar it-tajba, u jgħinna nsiru tajbin.

Kliem l-Appostlu Ġakbu japplika għalina llum:

”Alla jieqaf lill-kburi u jagħti l-grazzja lill-umli. …

”Iċċekknu quddiem il-Mulej, u hu jerfagħkom.”13

L- aħwa, għandna nwarrbu kull kburija, inħarsu lil hinn minn kull vanità, u b’ umiltà nistaqsu, “Jaqaw jien, Mulej?”

U jekk it-tweġiba tal-Mulej tkun ”Iva, ibni, hemm ħwejjeġ li tista’ titjieb fihom, ħwejjeġ li jiena nista’ ngħinek tegħleb,” jiena nitlob li aħna naċċettaw din it-tweġiba, b’ umiltà nagħrfu dnubietna u n-nuqqasijiet tagħna u mbagħad nibdlu triqitna billi nsiru rġiel aħjar għan-nisa tagħna, missirijiet aħjar u wlied aħjar. Jalla aħna minn issa ’l quddiem nfittxu bil-qawwa tagħna kollha li nimxu b’ mod sod fit-triq imbierka tas-Salvatur—li naraw lilna nfusna b’ mod ċar huwa l-bidu tal-għerf.

Hekk kif nagħmlu dan, Alla l-ħanin tagħna jmexxina minn idejna; aħna ”nissaħħu, u nitbierku mill-għoli.”14

Għeżież ħbieb tiegħi, l-ewwel pass f’ din it-triq mill-isbaħ li timliena bil-hena bħala dixxipli jibda billi nistaqsu din il-mistoqsija sempliċi:

“Mulej, jaqaw jien?”

Ta’ dan jiena nixhed u nagħtikom il-barka tiegħi f’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Mattew 26:21–22; enfażi miżjuda.

  2. Mattew 7:3, 5.

  3. Ara Errol Morris, “The Anosognosic’s Dilemma: Something’s Wrong but You’ll Never Know What It Is,” New York Times, Ġunju 20, 2010; opinionator.blogs.nytimes.com/2010/06/20/the-anosognosics-dilemma-1.

  4. Ara Justin Kruger and David Dunning, “Unskilled and Unaware of It: How Difficulties in Recognizing One’s Own Incompetence Lead to Inflated Self-Assessments,” Journal of Personality and Social Psychology, Diċ. 1999, 1121–34. ”Tul 4 studji, l-awturi sabu li l-parteċipanti li ġabu marki baxxi fl-umoriżmu, fil-grammatika u fil-loġika kienu ħasbu li marru ferm aħjar u li kienu aktar kapaċi. Għalkemm ir-riżultat tat-test kien jgħid li ġabu 12 fil-mija tajbin, huma ħasbu li kienu ġabu mat-62 fil-mija” (from the abstract at psycnet.apa.org/?&fa=main.doiLanding&doi=10.1037/0022–3514.77.6.1121).

  5. Ara Marshall Goldsmith, What Got You Here Won’t Get You There (2007), kapitlu 3. Ir-riċerkaturi staqsew tliet sieħba sabiex jgħidu kemm jaħsbu li kien il-kontribut tagħhom fis-suċċess tal-kumpanija. Il-kontribut totali li semmew huma kien 150 fil-mija aktar milli fil-fatt kien.

  6. 1 Timotju 1:11.

  7. 2 Korintin 4:4.

  8. Luqa 12:34.

  9. Efesin 3:18.

  10. Doctrine and Covenants 4:6.

  11. Ara Alma 17:11.

  12. Ara Ether 12:27.

  13. Ġakbu 4:6, 10.

  14. Doctrine and Covenants 1:28.