2010-2019
Ħielsa għal Dejjem, biex Jaġixxu minn Rajhom
Ottubru 2014


Ħielsa għal Dejjem, biex Jaġixxu minn Rajhom

Hija r-rieda ta’ Alla li aħna nkunu rġiel u nisa ħielsa li kapaċi nilħqu l-potenzjal sħiħ tagħna, kemm temporali kif ukoll spiritwali.

Id-dramm ta’ William Shakespeare The Life of King Henry V jinkludi fih xena matul il-lejl fil-kamp tas-suldati Ingliżi ġewwa Agincourt ftit qabel il-battalja tagħhom mal-armata Franċiża. F’ dawl mill-aktar baxx u liebes b’ mod biex ma jintebħux min hu, is-Sultan Henry idur qalb is-suldati mingħajr ħadd ma jagħrfu. Huwa jkellimhom, jipprova jqawwi l-moral tas-suldati tiegħu li kienu jammontaw ferm anqas mill-għadu tagħhom, u peress li huma ma jirrealizzawx min kien, huma jirrispondu b’ mod onest. Waqt diskursata minnhom huma jiffilosofizzaw dwar min kien responsabbli għal dak li ġara lis-suldati fil-battalja—is-sultan jew kull suldat individwali.

F’ ħin minnhom is-Sultan Henry jiddikjara, ”Għalija mkien ma nista’ mmut kuntent daqs li kieku kelli mmut fil-kumpanija tas-sultan; għax il-kawża tiegħu hija waħda ġusta.”

Michael Williams iwieġeb demmu spont, ”Aħna mhux ċerti minn dan.”

Sieħbu jaqbel, ”Iva, u dan hu aktar milli jeħtieġ inkunu nafu; għax biżżejjed għalina li nafu li aħna suġġett għas-sultan: jekk il-kawża tiegħu mhux ġusta, aħna mhux ħatja għaliex aħna qegħdin sempliċiment nobduh.”

Williams kompla, ”Jekk il-kawża mhux waħda ġusta, is-sultan innifsu huwa responsabbli.”

Wieħed ma jiskantax li hawn is-Sultan Henry ma jaqbilx magħhom. ”Kull suġġett tas-sultan dmiru huwa lejn is-sultan; iżda kull bniedem huwa responsabbli għal ruħu.”1

Shakespeare ma jippruvax jirrisolvi dan id-dibattitu fid-dramm, u b’ mod jew ieħor huwa dibattitu li jkompli għaddej sa żmienna—min hu responsabbli għal dak li jiġri f’ ħajjitna?

Meta l-affarijiet ma jiġux sew, hemm tendenza li nitfgħu t-tort fuq ħaddieħor jew saħansitra fuq Alla. Xi kultant dak li jkun jibda jħossu intitolat li għandu jieħu ħsiebu xi ħadd, u ċerti individwi jew gruppi ta’ nies jippruvaw jitfgħu r-responsabbiltà tagħhom fuq ħaddieħor jew fuq il-gvern. Fi ħwejjeġ spiritwali xi wħud jaħsbu li l-bnedmin m’ għandhomx jagħmlu dak kollu li jistgħu biex personalment ikunu nies aktar ġusti—peress li Alla jħobbna u jsalvana ”hekk kif aħna.”

Iżda l-intenzjoni ta’ Alla hi li wliedu għandhom jaġixxu skont l-għażla ħielsa morali li Huwa tahom, ”li kull bniedem ikun responsabbli għal dnubietu f’ jum il-ġudizzju.”2 Huwa l-pjan Tiegħu u r-rieda Tiegħu li aħna għandna l-irwol prinċipali li nistgħu niddeċiedu aħna stess fid-drama tal-istess ħajjitna. Alla mhux se jgħix ħajjitna jew se jikkontrollana bħallikieku konna l-pupazzi Tiegħu, kif darba kien ippropona li jagħmel Luċifru. U lanqas il-profeti Tiegħu ma aċċettaw l-irwol li jkunu ”l-pupazz ewlieni” f’ idejn Alla. Brigham Young iddikjara: ”Ma nixtieqx li jkun hawn xi Qaddis tal-Aħħar Jiem f’ din id-dinja, jew fis-smewwiet, li jkun sodisfatt b’ xi ħaġa li nagħmel jien, sakemm l-Ispirtu tal-Mulej Ġesù Kristu,—l-ispirtu tar-rivelazzjoni, ma jissodisfahx b’ dak li nagħmel. Nixtieq li jkunu jafu minn rajhom u jifhmu minn rajhom.”3

Għalhekk Alla mhux se jsalvana ”kif aħna,” l-ewwel, peress li ”kif aħna” m’aħniex nodfa, u ”l-ebda ħaġa mhux nadifa ma tista’ tgħammar … fil-preżenza tiegħu; għaliex, skont il-lingwa ta’ Adam, ir-Raġel tal-Qdusija huwa ismu, u l-isem tal-Uniku Iben Imnissel tiegħu hu Bin il-Bniedem tal-Qdusija.”4 U t-tieni, Alla mhux se jisfurzana li nagħmlu xi ħaġa li ma nkunux għażilna aħna stess li nagħmlu. Huwa verament iħobbna, u peress li jħobbna, Huwa la jġegħilna u lanqas jabbandunana. Pjuttost Huwa jgħinna u jiggwidana. Verament, il-manifestazzjoni reali tal-imħabba ta’ Alla huma l-kmandamenti Tiegħu.

Għandna (u fil-fatt) nifirħu bil-pjan li ordna Alla li jippermettilna li nagħżlu aħna stess li naġixxu minn rajna u nesperjenzaw il-konsegwenzi, jew kif tgħidilna l-iskrittura, li ”nduqu l-morr, sabiex inkunu nafu napprezzaw it-tajjeb.”5 Aħna għal dejjem grati li l-Att tal- Fidwa tas-Salvatur għeleb id-dnub oriġinali ħalli aħna nkunu nistgħu nitwieldu f’ din id-dinja mingħajr ma niġu kkastigati minħabba t-trasgressjoni ta’ Adam.6 Peress li ġejna mifdijin mill-Waqgħa, aħna nibdew ħajjitna bħala bnedmin innoċenti quddiem Alla u ”nsiru ħielsa għal dejjem, nagħrfu t-tajjeb mill-ħażin; biex naġixxu minn rajna u mhux xi ħadd jaġixxi għalina.”7 Nistgħu nagħżlu li nsiru t-tip ta’ bnedmin li nistgħu, anke bl-għajnuna ta’ Alla, insiru bħalu.8

L-evanġelju ta’ Ġesù Kristu jiftaħ it-triq għal dak li nistgħu nsiru. Permezz tal-Att tal- Fidwa ta’ Ġesù Kristu u l-grazzja Tiegħu, il-falliment tagħna li ngħixu l-liġi ċelestjali b’ mod perfett u konsistenti f’ din il-ħajja mortali jista’ jitħassar u aħna nsiru kapaċi niżviluppaw karattru jixbah lil dak ta’ Kristu. Il-ġustizzja titlob, madankollu, li xejn minn dan ma jseħħ mingħajr ma aħna minn jeddna naqblu ma’ dan u nagħtu sehemna. Minn dejjem hekk kien. L-istess preżenza tagħna fid-dinja bħala esseri fiżiċi hija l-konsegwenza ta’ għażla li lkoll kemm aħna għamilna ħalli nipparteċipaw fil-pjan ta’ Missierna.9 B’ hekk, is-salvazzjoni ċertament mhijiex riżultat ta’ xi deċiżjoni imprevedibbli min-naħa ta’ Alla, iżda lanqas ma ġrat biss permezz tar-rieda divina.10

Il-ġustizzja hija kwalità essenzjali ta’ Alla. Aħna jista’ jkollna l-fidi f’ Alla peress li Hu ta’ min jafdah perfettament. L-iskrittura tgħallimna li ”Alla ma jimxix f’ toroq mgħawġa, lanqas ma joqgħod idur mil-lemin għax-xellug, lanqas ma jmur lura minn dak li qal, għalhekk il-mogħdijiet tiegħu huma dritti, u triqtu hija waħda eterna”11 u li ”Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd.”12 Aħna niddependu fuq il-kwalità divina tal-ġustizzja għall-fidi, il-kunfidenza u t-tama.

Iżda b’ konsegwenza li nkunu ġusti b’ mod perfett, hemm ċerti ħwejjeġ li Alla ma jistax jagħmilhom. Huwa ma jistax ikun arbitrarju fejn isalva xi wħud u jeżilja oħrajn. Huwa ”ma jista’ jippermetti lanqas l-iċken dnub.”13 Huwa ma jistax iħalli l-ħniena tisraq il-ġustizzja.14

Hija evidenza qawwija tal-ġustizzja Tiegħu li Alla fassal il-prinċipju li jikkumplimentaha tal-ħniena. Dan peress li Hu ġust li Huwa waqqaf mod kif il-ħniena tista’ tħaddem l-irwol indispensabbli tagħha fid-destin etern tagħna. Għalhekk issa, ”il-ġustizzja teżerċita id-domandi kollha tagħha, kif ukoll il-ħniena titlob dak kollu li hu tagħha.”15

Aħna nafu li hija ”is-sofferenza u l-mewt ta’ dak li ma wettaq l-ebda dnub, li fih il-Missier għandu l-għaxqa tiegħu; … id-demm ta’ Ibnu li xxerred”16 li ssodisfa t-talba tal-ġustizzja, uriena l-ħniena u fdiena.17 Madankollu, ”skont il-ġustizzja, il-pjan tal-fidwa seta’ jiġi fis-seħħ biss, bil-kundizzjoni tal-indiema.18 Hija l-ħtieġa u l-opportunità għall-indiema li tippermetti li l-ħniena twettaq il-parti tagħha mingħajr ma tirfes fuq il-ġustizzja.

Kristu miet mhux biex isalva mingħajr distinzzjoni iżda biex joffri l-indiema. Aħna niddependu ”għal kollox fuq il-merti tiegħu li għandu s-setgħa li jsalva”19 fil-proċess tal-indiema, iżda li naġixxu biex nindmu hija bidla li jeħtieġ nagħmlu minn jeddna. Għalhekk billi għamel l-indiema bħala kundizzjoni biex inkunu nistgħu nirċievu r-rigal tal-grazzja, Alla tana ċ-ċans li nkunu responsabbli għalina nfusna. L-indiema tirrispetta u ssostni l-għażla ħielsa morali tagħna: ”U għalhekk il-ħniena tista’ tissodisfa d-domanda tal-ġustizzja, u ddawwarha f’ ħaddejn is-sigurtà, filwaqt li dak li ma jeżerċita ebda fidi li twassal għall-indiema jiġi espost għal-liġi sħiħa tad-domanda tal-ġustizzja; għalhekk huwa biss għal dak li għandu fidi li twassal għall-indiema li għalih iseħħ il-pjan kbir u etern tal-fidwa.”20

Li ma nifhmux il-ġustizzja u l-ħniena ta’ Alla hija ħaġa; li niċħdu l-eżistenza u s-supremazija ta’ Alla hija ħaġ’oħra, iżda t-tnejn li huma jwassluna għal kisba anqas—kultant ferm anqas—tal-potenzjal sħiħ u divin tagħna. Alla li ma jitlob xejn minna huwa ekwivalenti għal Alla li ma jeżistix. Dinja mingħajr Alla, Alla l-ħaj li waqqaf il-liġijiet morali biex jiggvernaw u jipperfezzjonaw lil uliedu, hija wkoll dinja mingħajr verità jew ġustizzja finali. Hija dinja li fiha jsaltan b’ mod suprem ir-relattiviżmu morali.

Relattiviżmu jfisser li kull persuna hija l-ogħla awtorità tiegħu jew tagħha. M’hemmx dubju, mhumiex biss dawk li jiċħdu lil Alla li jħaddnu din il-filosofija. Xi wħud li jemmnu f’ Alla xorta jemmnu li huma stess, individwalment, jistgħu jiddeċiedu x’ inhu t-tajjeb u l-ħażin. Wieħed adult żagħżugħ esprima dan b’ dan il-mod: ”Ma nistax ngħid li l-Ħinduiżmu huwa ħażin jew il-Kattoliċiżmu huwa ħażin jew li tkun membru tal-Knisja Episkopali huwa ħażin—naħseb kollox jiddependi minn dak li temmen. … Ma naħsibx li jeżisti tajjeb u ħażin.”21 Ieħor, meta ġie mistoqsi dwar il-bażi tat-twemmin reliġjuż tiegħu, wieġeb, ”Jien nemmen fija nnifsi—dak kollox. Jiġifieri, kif jista’ jkun hawn xi awtorità dwar dak li temmen?”22

Lil dawk li jemmnu li kull ħaġa jew kollox jista’ jkun veru, id-dikjarazzjoni ta’ verità oġġettiva, ferma u universali tinħass qisha xi ħaġa ta’ bilfors—”M’għandix niġi sfurzat li nemmen li xi ħaġa hi veru jekk ma togħġobnix.” Iżda dan ma jibdilx ir-realtà. Jekk bniedem ma togħġbux il-liġi tal-gravità b’ daqshekk mhux se jinżamm li jaqa’ jekk joħroġ siequ ’l barra mill-irdum. L-istess nistgħu ngħidu għal-liġi u l-ġustizzja eterna. Il-ħelsien niksbuh mhux jekk nirreżistu l-liġi iżda jekk napplikawha. Din hija ħaġa fundamentali għall-istess qawwa ta’ Alla. Kieku ma kienx għar-realtà ta’ veritajiet fissi u li ma jinbidlu qatt, id-don tal-għażla ħielsa ma jibqax jagħmel sens għaliex aħna qatt ma konna nkunu nistgħu naraw minn qabel il-konsegwenzi tal-għemejjel tagħna. Kif esprima lilu nnifsu Leħi: ”Jekk tgħidu li m’hemmx liġi, tistgħu tgħidu wkoll li m’hemmx dnub. Jekk tgħidu li m’hemmx dnub, tistgħu tgħidu wkoll li m’hemmx sewwa. Jekk ma hemm l-ebda sewwa m’hemm l-ebda hena. U jekk ma hemm l-ebda sewwa jew hena m’hemm l-ebda kastig jew miżerja. U jekk dawn il-ħwejjeġ ma jeżistux, mela m’hemm l-ebda Alla. U jekk m’hemm l-ebda Alla, aħna ma neżistux, lanqas id-dinja; għaliex ma kien ikun hawn ħolqien tal-ebda ħaġa, lanqas biex naġixxu jew biex ħaddieħor jaġixxi għalina; għalhekk, kollox kien jispiċċa jgħib.”23

Fi ħwejjeġ kemm temporali kif ukoll spiritwali, l-opportunità li nassumu r-responsabbiltà personali hija don mogħti minn Alla li mingħajru ma nistgħux nilħqu l-potenzjal sħiħ tagħna bħala wlied Alla. Ir-responsabbiltà personali ssir kemm dritt kif ukoll dmir li għandna kontinwament niddefendu; ilha tiġi attakkata minn qabel il-Ħolqien. Għandna niddefendu r-responsabbiltà personali tagħna kontra ċerti persuni u programmi li (xi kultant mingħajr ebda intenzjoni ħażina) jġibuna niddependu minnhom. U għandna niddefenduha kontra l-inklinazzjoni tagħna li nevitaw il-ħidma meħtieġa minna li nikkultivaw it-talenti u l-abbiltajiet tagħna u l-karattru tagħna b’ mod li jixbah lil Kristu.

Din hija storja dwar raġel li sempliċiment ma riedx jaħdem. Ried li ħaddieħor jieħu ħsiebu f’ kollox. Bil-mod li kien jaħsibha hu, il-Knisja jew il-gvern, jew it-tnejn li huma, kellhom l-obbligu li jagħmlu tajjeb għalih peress li huwa kien ħallas it-taxxi tiegħu u d-dieċmi tiegħu. Huwa ma kellu xejn x’ jiekol iżda rrifjuta li jaħdem ħalli jieħu ħsieb tiegħu nnifsu. Fi stat ta’ disprament u stmellija, dawk li ppruvaw jgħinuh iddeċidew li peress li huwa ma ried jagħmel assolutament xejn biex isostni lilu nnifsu, setgħu jaqbdu u joħduh iċ-ċimiterju u jħalluh imut. Huma u sejrin iċ-ċimiterju, wieħed raġel qal, ”Mhux sewwa nagħmlu hekk. Għandi ftit qamħ x’ nagħtih.”

Għalhekk huma spjegaw lil dan lir-raġel u huwa qalilhom, ”Il-qoxra neħħejtuha?”

Huma wieġbu, ”Le.”

”Allura,” huwa qal, ”ibqgħu sejrin.”

Hija r-rieda ta’ Alla li aħna nkunu bnedmin ħielsa li kapaċi nilħqu l-potenzjal sħiħ tagħna kemm temporali kif ukoll spiritwali, li aħna nkunu ħielsa mil-limitazzjoni umiljanti tal-faqar u tal-jasar tad-dnub, li aħna jkollna rispett lejna nfusna u nkunu indipendenti, li aħna nkunu mħejjija f’ kollox biex ningħaqdu Miegħu fis-saltna ċelestjali Tiegħu.

M’ għandi l-ebda dubju li dan ma nistgħux niksbuh biss permezz tal-isforzi tagħna mingħajr l-għajnuna mill-aktar sostanzjali u kostanti Tiegħu. ”Aħna nafu li aħna nsalvaw permezz tal-grazzja, wara li nagħmlu dak kollu li nistgħu.”24 U m’hemmx għalfejn niksbu xi livell minimu ta’ kapaċità jew tjubija biex Alla jkun jista’ jgħinna—l-għajnuna divina tista’ tkun tagħna kull siegħa ta’ kull ġurnata, ninsabu fejn ninsabu fit-triq tal-ubbidjenza. Iżda jiena naf li barra milli nixtiequ l-għajnuna Tiegħu, aħna għandna nagħmlu sforz, nindmu, u nagħżlu lil Alla biex Huwa jkun jista’ jaġixxi f’ ħajjitna b’ mod konsistenti mal-ġustizzja u l-għażla ħielsa tagħna. Li nitolbkom jien hu li sempliċiment tkunu responsabbli u tagħmlu l-parti tagħkom ħalli Alla jkollu xi ħaġa biex jista’ jgħinna.

Jiena nagħti xhieda li Alla l-Missier jgħix, li Ibnu, Ġesù Kristu huwa l-Feddej tagħna u li l-Ispirtu s-Santu huwa preżenti magħna. Huma għandhom xewqa kbira li jgħinuna, u għandhom l-abbiltà infinita li jagħmlu dan. Ejjew ”inqumu, u nitfarfru mit-trab, … ħalli l-patti tal-Missier Etern li huwa għamel magħna jkunu jistgħu jitwettqu.”25 F’isem Ġesù Kristu, amen.