2010-2019
Il-Ħidma Missjunarja: Aqsmu mal-Oħrajn Dak li Hemm f’ Qalbkom
April 2019 Konferenza Ġenerali


Il-Ħidma Missjunarja: Aqsmu mal-Oħrajn Dak li Hemm f’Qalbkom

Tinsabu fejn tinsabu fid-dinja, għandkom bosta opportunitajiet biex taqsmu l-aħbar it-tajba tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.

Ix-xahar li għadda t-Tnax ġew mistednin mill-profeta għażiż tagħna, il-President Russell M. Nelson, biex imorru miegħu għad-dedikazzjoni tat-Tempju ta’ Ruma, l-Italja. Meta kont qed nivvjaġġa, bdejt naħseb fl-Appostlu Pawlu u l-vjaġġi tiegħu. Fi żmienu, biex minn Ġerusalemm tmur Ruma kont tieħu madwar 40 jum. Illum, f’wieħed mill-ajruplani favoriti tiegħi, iddum anqas minn 3 sigħat.

Studjużi tal-Bibbja jemmnu li Pawlu kien f’Ruma meta huwa kiteb bosta mill-ittri tiegħu, li kienu daqstant importanti biex il-membri tal-Knisja ta’ żmienu, kif ukoll ta’ żmienna, jissaħħu fil-fidi.

Pawlu u l-membri l-oħra tal-Knisja tal-qedem, il- Qaddisin tal-Ewwel żminijiet, kienu lkoll kemm huma familjari mas-sagrifiċċju. Ħafna minnhom ġew ippersegwitati severament, saħansitra anke jingħataw il-mewt.

F’dawn l-aħħar 200 sena, il-membri tal-Knisja rrestawrata ta’ Ġesù Kristu, il- Qaddisin tal-Aħħar Jiem, ukoll esperjenzaw il-persekuzzjoni fid-diversi forom tagħha. Iżda minkejja dik il-persekuzzjoni (u xi kultant b riżultat tagħha), il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem kompliet tikber u llum tinsab madwar id-dinja kollha.

Hawn Ħafna xi Jsir

Madankollu, qabel ma nibdew naħmu l-kejk, nixħtu l-karti u nikkongratulaw lilna nfusna għal dan is-suċċess meraviljuż, ikun tajjeb jekk l-ewwel nifhmu sew dan it-tkabbir u s-sinifikat tiegħu.

Fid-dinja hawn bejn wieħed u ieħor seba’ biljun u nofs persuna, imqabbla ma’, bejn wieħed u ieħor, 16-il miljun membru tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem—verament merħla mill-aktar żgħira.1

Sadattant, in-numru ta’ Kristjani f’ ċerti nħawi tad-dinja qed jonqos.2

Anke fil-Knisja rrestawrata tal-Mulej—filwaqt li n-numru ta’ membri qed ikompli jikber—hawn wisq fostna li mhux qed igawdu mill-barkiet tal-parteċipazzjoni regolari fil-Knisja.

Fi kliem ieħor, tinsabu fejn tinsabu fid-dinja, għandkom bosta opportunitajiet biex taqsmu l-aħbar it-tajba3 tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu man-nies li tiltaqgħu magħhom, li tistudjaw u tgħixu magħhom, jew li taħdmu u tissoċjalizzaw ruħkom magħhom.

Tul is-sena li għaddiet, jien kelli l-opportunità interessanti li nkun involut sewwa fl-attivitajiet missjunarji dinjija tal-Knisja. Jiena spiss għaddejt ħin nixtarr u nitlob dwar l-istedina importanti li s-Salvatur għamel lid-dixxipli Tiegħu—lilna, uliedu—fejn qal, “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.”4

Jiena sibtha diffiċli nsib tweġiba għall-mistoqsija “Aħna kif nistgħu, bħala membri u dixxipli ta’ Kristu, nirrispondu għal dik l-istedina daqstant importanti fil-ħajja tagħna ta’ kuljum?”

Illum jiena nistedinkom biex tixtarru dik l-istess mistoqsija f’qalbkom u f’moħħkom.5

Don għall-Ħidma Missjunarja

Il-mexxejja tal-Knisja ilhom għexieren ta’ snin jenfasizzaw is-sejħa mill-aktar ċara li “Kull membru hu missjunarju!”6

Il-membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu—kemm fi żminijiet passati kif ukoll fi żmienna—b’entużjażmu u b’ferħ qasmu l-evanġelju ma’ sħabhom u mal-konoxxenti tagħhom. Qlubhom tbaqbaq bit-testimonjanza ta’ Ġesù Kristu, huma b’sinċerità jridu li oħrajn jesperjenzaw ukoll l-istess ferħ li huma sabu fl-evanġelju tas-Salvatur.

Xi membri tal-Knisja jidhru li huma mogħnija b’dan id-don. Huma jħobbu jkunu ambaxxaturi tal-evanġelju. B’kuraġġ u b’ferħ huma jservu u jmexxu l-ħidma bħala membri missjunarji.

Madankollu, oħrajn jafu jsibuha aktar diffiċli. Meta niddiskutu l-ħidma missjunarja fil-laqgħat tal-Knisja, xi wħud ibaxxu rashom sakemm jispiċċaw jinħbew taħt il-bank, jew jiffokaw għajnejhom fuq l-iskrittura jew jagħlquhom f’meditazzjoni profonda biex jevitaw li jħarsu dritt f’għajnejn membri oħra.

Għalfejn jiġri dan? Jista’ jkun li nħossuna ħatja li m’aħniex nagħmlu aktar sforz biex naqsmu l-evanġelju ma’ ħaddieħor. Jista’ jkun li nħossuna nċerti dwar kif għandna nagħmlu dan. Jew inkella nafu nsibuha diffiċli npoġġu lilna nfusna f’sitwazzjoni xi ftit skomda għalina.

Jien nifhem dan.

Iżda ftakru, il-Mulej ma jistenniex minna li nibbrillaw fl-għarfien tagħna. Iżda, “il-Mulej jeħtieġ qalbna u moħħ lest għalih.”7

Jekk intom diġà tinsabu twettqu b’ferħ il-ħidma missjunarja, jekk jogħġobkom komplu agħmlu dan u kunu ta’ eżempju għal ħaddieħor. Il-Mulej żgur iberikkom.

Jekk, madankollu, intom tħossu li ilkom tkaxkru saqajkom meta tiġu biex taqsmu l-messaġġ tal-evanġelju, tippermettuli nissuġġerixxi ħames affarijiet, li bihom ma tħossukomx ħajta, u li kulħadd jista’ jagħmel biex jipparteċipa fl-istedina importanti tas-Salvatur biex jgħin fil-ġabra ta’ Iżrael?

Ħames Suġġerimenti Sempliċi

L-ewwel, ersqu aktar viċin Alla. L-ewwel kmandament kbir hu li nħobbu lil Alla.8 Huwa r-raġuni ewlenija għalfejn ninsabu f’din id-dinja. Staqsu lilkom infuskom, “Jiena nemmen verament f’Missierna tas-Smewwiet?”

“Jiena verament inħobbu u nafdah?”

Aktar ma tersqu viċin Missierna tas-Smewwiet, aktar id-dawl u l-ferħ Tiegħu jibdew jiddu minn ġo fikom. Nies oħra jinnutaw li hemm xi ħaġa unika u speċjali dwarkom. U huma jistaqsu dwarha.

It-tieni, imlew qlubkom b’imħabba lejn ħaddieħor. Dan hu t-tieni l-akbar kmandament.9 Ipprovaw verament ħarsu lejn in-nies kollha ta’ madwarkom bħala wlied Alla. Imministrawlhom—irrispettivament jekk isimhom jinsabx fuq il-lista tal-aħwa li lilhom għandkom timministraw.

Idħqu magħhom. Ifirħu magħhom. Ibku magħhom. Irrispettawhom. Fejquhom, elevawhom u saħħuhom.

Agħmlu l-almu tagħkom biex timitaw l-imħabba ta’ Kristu u araw li jkollkom kompassjoni lejn ħaddieħor—anke lejn dawk li ma jittrattawkomx tajjeb, li jgħaddu ż-żmien bikom u jixtiqulkom il-ħsara. Ħobbuhom u ttrattawhom bħala ħutkom, ulied Missierna tas-Smewwiet.

It-tielet, agħmlu l-almu tagħkom biex timxu fit-triq li jimxu fiha d-dixxipli. Hekk kif l-imħabba tagħkom lejn Alla u wliedu ssir aktar profonda, isir aktar profond ukoll l-impenn tagħkom li nimxu wara Ġesù Kristu.

Intom titgħallmu dwar il-mod Tiegħu billi tiffesteġġjaw bil-kelma Tiegħu u tisimgħu u tapplikaw it-tagħlim tal-profeti u l-appostli ta’ żmienna. Intom tikbru fil-kunfidenza u l-kuraġġ li timxu fit-triq Tiegħu hekk kif b’qalb umli, intom tikkomunikaw ma’ Missierna tas-Smewwiet.

Li nimxu fit-triq li jimxu fiha d-dixxipli jeħtieġ minna li nkomplu nipprattikaw—kuljum, ftit ftit, “grazzja wara grazzja,”10 “linja wara linja.”11 Xi kultant żewġ passi ‘l quddiem u wieħed lura.

L-aktar ħaġa importanti hi li qatt ma taqtgħu qalbkom; komplu ppruvaw sakemm jirnexxilkom. Eventwalment intom ssiru aħjar, aktar ferħanin u aktar awtentiċi. Li titkellmu ma’ ħaddieħor dwar il-fidi tagħkom issir għalikom xi ħaġa normali u naturali. Fil-fatt, l-evanġelju jsir parti essenzjali u prezzjuża minn ħajjitkom, li tibdew tħossuha xi ħaġa mhux naturali li ma titkellmux dwaru ma’ ħaddieħor. Dan jaf ma jseħħx b’mod immedjat—huwa sforz għal tul ħajjitna. Iżda dan għad isir possibbli.

Ir-raba’, aqsmu ma’ ħaddieħor dak li għandkom fqalbkom. Jiena mhux qed nistaqsikom biex tmorru f’xi kantuniera b’megafon f’idejkom u toqogħdu taqraw tgħajtu vers wara l-ieħor mill-Ktieb ta’ Mormon. Dak li qed nitlobkom hu li intom dejjem tħallu għajnejkom miftuħa għal ċerti opportunitajiet li fihom tistgħu titkellmu dwar il-fidi tagħkom b’modi naturali u normali man-nies—kemm wiċċ imb wiċċ kif ukoll onlajn. Jiena qed nitlobkom biex “tieqfu bħala xhieda12 tal-qawwa tal-evanġelju f’kull ħin—u meta jkun neċessarju, agħmlu dan permezz tal-kliem.13

Peress li “l-evanġelju ta’ Kristu … hu l-qawwa ta’ Alla għas-salvazzjoni,” intom tistgħu tkunu kunfidenti, kuraġġjużi u umli hekk kif taqsmuh ma’ ħaddieħor.14 Il-kunfidenza, il-kuraġġ u l-umiltà jafu jidhru bħala kwalitajiet kontradittorji, iżda fil-fatt mhumiex. Huma jirriflettu l-istedina tas-Salvatur li ma taħbux il-valuri u l-prinċipji tal-evanġelju taħt xi siġra iżda d-dawl tagħkom għandkom tħalluh jiddi, sabiex l-għemejjel tajbin tagħkom jkunu jistgħu jigglorifikaw lil Missierna tas-Smewwiet.15

Hemm diversi modi normali u naturali kif tistgħu tagħmlu dan, mill-għemejjel tagħkom ta’ kuljum sat-testimonjanza personali tagħkom fuq YouTube, Facebook, Instagram, jew Twitter, sa xi konverżazzjoni sempliċi man-nies li tiltaqgħu magħhom. Din is-sena, kemm fi djarna kif ukoll fl-Iskola tal-Ħadd qed nitgħallmu mit-Testment il-Ġdid. X’opportunità meraviljuża li tistiednu lil ħbiebkom u lill-ġirien tagħkom biex jattendu l-knisja u fi djarkom biex jitgħallmu magħkom dwar is-Salvatur. Aqsmu magħhom il-Gospel Library App, fejn hemm jistgħu jsibu Come, Follow Me. Jekk intom tafu b’xi żgħażagħ u l-familji tagħhom, agħtuhom il-ktejjeb Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ u stednuhom biex jiġu u jaraw kif iż-żgħażagħ tagħna jagħmlu l-almu tagħhom biex jgħixu dawk il-prinċipji.

Jekk xi ħadd jistaqsikom dwar kif għaddejtu tmiem il-ġimgħa, toqogħdux taħsbuha darbtejn biex tkellmuhom dwar dak li esperjenzajtu l-knisja. Għidulhom dwar it-tfal ċkejknin li qagħdu quddiem il-kongregazzjoni u kantaw b’ħerqa kif huma qed jippruvaw ikunu bħal Ġesù. Tkellmu dwar il-grupp ta’ żgħażagħ li jqattgħu ħin jgħinu lill-individwi li joqogħdu fid-djar tal-anzjani biex ikunu jistgħu jiġbru l-istejjer tal-familja. Tkellmu dwar it-tibdil riċenti fl-iskeda tagħna tal-laqgħat tal-Ħadd u kif din qed tkun ta’ barka għall-familja tagħkom. Jew spjegaw għalfejn aħna nenfasizzaw li din hi l-Knisja ta’ Ġesù Kristu u li aħna Qaddisin tal-Aħħar Jiem, l-istess kif il-membri tal-Knisja tal-qedem kienu jissejħu wkoll Qaddisin.

Hu x’inhu l-mod li bih tħossukom komdi, aqsmu man-nies għalfejn Ġesù Kristu u l-Knisja Tiegħu huma importanti għalikom. Stednuhom biex “jiġu u jaraw.”16 Imbagħad ħeġġuhom biex jiġu u jgħinu. Hemm bosta opportunitajiet għan-nies biex huma jgħinu fil-Knisja tagħna.

Titolbux biss għall-missjunarji biex isibu lill-magħżulin. Itolbu kuljum b’qalbkom kollha li intom issibu lil dawk li huma lesti li jiġu u jaraw, jiġu u jgħinu, u jiġu u jibqgħu. Involvu wkoll lill-missjunarji full-time. Huma anġli, lesti biex jgħinu!

Hekk kif intom taqsmu l-bxara t-tajba, l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, agħmlu dan b’imħabba u bil-paċenzja. Jekk aħna ninteraġixxu man-nies u f’moħħna jkollna biss li nlibbsuhom il-ħwejjeġ il-bojod u ngħammduhom, m’aħniex nagħmlu dan b’intenzjoni tajba.

Xi wħud li jiġu u jaraw, jista’ jkun li huma qatt ma jingħaqdu mal-Knisja; oħrajn jafu jingħaqdu aktar tard. Dik hija l-għażla tagħhom. Iżda dan m’għandux jibdel l-imħabba tagħna lejhom. U m’għandux jibdel l-isforz kollu entużjażmu tagħna biex inkomplu nistiednu lill-individwi u l-familji biex jiġu u jaraw, jiġu u jgħinu, u jiġu u jibqgħu.

Il-ħames, afda fil-Mulej biex iġġib fis-seħħ il-mirakli Tiegħu. Ifhmu li mhijiex ir-responsabbiltà tagħkom li tikkonvertu lin-nies. X’inhu l-irwol tal-Ispirtu s-Santu? L-irwol tagħkom hu li taqsmu ma’ ħaddieħor dak li hemm f’qalbkom u tgħixu konsistenti mat-twemmin tagħkom.

Għalhekk taqtgħux qalbkom jekk xi ħadd ma jaċċettax mill-ewwel il-messaġġ tal-evanġelju. Dan ma jfissirx li fallejtu personalment.

Dik hi ħaġa bejn l-individwu u Missierna tas-Smewwiet.

Id-dmir tagħkom hu li tħobbu lil Alla u tħobbu lil għajrkom, uliedu.

Emmen, ħobb, aġixxi.

Imxu fit-triq it-tajba, u Alla jwettaq il-mirakli permezz tagħkom biex ibierek lill-uliedu l-prezzjużi.

Dawn il-ħames suġġerimenti jgħinukom biex tagħmlu dak li għamlu d-dixxipli ta’ Ġesù Kristu sa minn żmien il-qedem. L-evanġelju Tiegħu u l-Knisja Tiegħu huma parti importanti minn ħajjitkom u minn dak li intom u dak li tagħmlu. Għalhekk, stiednu lil ħaddieħor biex jiġi u jara u jiġi u jgħin, u Alla jwettaq il-ħidma Tiegħu tas-salvazzjoni u huma jiġu u jibqgħu.

Iżda Jekk Nibda Nsibha Vera Diffiċli?

“Iżda,” tafu tistaqsu, “jekk jien nagħmel dan kollu u r-rispons tan-nies ma jkunx wieħed inkuraġġanti? Jekk forsi huma jibdew jgħidu affarijiet kontra l-Knisja? Jekk ma jibqgħux ħbieb miegħi?”

Iva, dan jista’ jiġri. Minn żminijiet tal-qedem, id-dixxipli ta’ Ġesù Kristu mhux l-ewwel darba li ġew ippersegwitati.17 L-Appostlu Pietru qal, “Ifraħ jekk … qed taqsam ma’ Kristu s-sofferenza tiegħu.”18 Il-Qaddisin tal-ewwel żminijiet ferħu “talli ġew meqjusa bħala nies li jistħoqqilhom li jkunu mmaqdra minħabba l-isem ta’ Ġesù.”19

Ftakru, il-Mulej jaħdem b’modi misterjużi. Jista’ jkun li r-rispons tagħkom kif irid Kristu, għal meta n-nies jabbandunawkom, ikun sempliċiment li trattbu l-qalb iebsa.

Bħala Appostlu tal-Mulej Ġesù Kristu, jiena nberikkom bil- kunfidenza biex tkunu testimonjanza ħajja tal-valuri tal-evanġelju, inberikkom bil- kuraġġ li dejjem tkunu tingħarfu li intom membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem, inberikkom bl- umiltà li tassistu fil-ħidma Tiegħu bħala espressjoni tal-imħabba tagħkom lejn Missierna tas-Smewwiet u lejn uliedu.

Għeżież ħbieb tiegħi, intom tifirħu bl-għarfien li intom parti sinifikanti mill-ġabra ta’ Iżrael, liema ġabra ilha mbassra minn żmien twil ilu, bi tħejjija għall-miġja ta’ Kristu b’“qawwa u glorja kbira; mal-anġli mqaddsa kollha.”20

Missierna tas-Smewwiet jafkom. Il-Mulej iħobbkom. Alla jberikkom. Din il-ħidma hija ordnata minnu. Intom tistgħu twettqu dan. Aħna lkoll nistgħu nagħmlu dan flimkien.

Jiena nixhed dan f’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Il-kbir profeta Nefi ra f’viżjoni li minkejja li l-Knisja tal-Ħaruf ta’ Alla kienet se tinfirex “madwar id-dinja kollha,” minħabba l-ħażen fid-dinja, “in-numru tal-membri tagħha se jkun wieħed żgħir” (1 Nephi 14:12; ara wkoll Luqa 12:32).

  2. Per eżempju, studju riċenti miċ-Ċentru ta’ Riċerka ta’ Pew sab li fl-Istati Uniti, “il-persentaġġ ta’ adulti (minn 18-il sena ‘l fuq) li jiddeskrivu lilhom infushom bħala Kristjani niżel bi kważi tmienja fil-mija f’perjodu qasir ta’ seba’ snin, minn 78.4% fl- … 2007 sa 70.6% fl- 2014. Fl-istess perjodu ta’ żmien, il-persentaġġ ta’ Amerikani li mhumiex affiljati ma’ xi reliġjon—li jiddeskrivu lilhom infushom bħala atei, agnostiċi jew ‘xejn partikolari’—tela’ b’sitt punti, minn 16.1% sa 22.8%” (“America’s Changing Religious Landscape,” Ċentru tar-Riċerka ta’ Pew, 12 ta’ Mejju, 2015, pewforum.org).

  3. Il-kelma evanġelju tfisser “il-bxara t-tajba.” Il-bxara t-tajba hi li Ġesù Kristu għamel Att tal-Fidwa perfett li se jifdi lill-umanità kollha mill-qabar u jippremja lil kull individwu skond l-għemejjel tiegħu. L-Att tal-Fidwa beda bil-ħatra Tiegħu fid-dinja primortali, kompla matul il-ħajja mortali Tiegħu u laħaq il-qofol tiegħu bir-Resurrezzjoni glorjuża Tiegħu. Il-kitba bibblika tal-ħajja mortali, tal-ministeru u s-sagrifiċċju Tiegħu tissejjaħ l-Evanġelji: Mattew, Mark, Luqa u Ġwanni.

  4. Mattew 28:19.

  5. “Fis-sewwa ngħidilkom, ħbieb tiegħi, li jiena nħallilkom dan il-kliem biex tixtarruh f’ qalbkom” (Doctrine and Covenants 88:62).

    “Ara, jiena ngħidlek, li għandek tistudja dan f’moħħok; imbagħad għandek tistaqsini jekk dan hux veru, u jekk ikun veru jiena nwassal biex inti tħoss bħal nar jaqbad ġewwa fik; b’hekk, inti tħoss li dan hu veru” (Doctrine and Covenants 9:8).

  6. Il-President David O. McKay ħeġġeġ “lill-membri kollha biex ikunu missjunarji” meta huwa kien qed jippresjedi fuq il-Missjoni Ewropeja bejn l-1922 u l-1924, u huwa qasam dak l-istess messaġġ mal-membri kollha tal-Knisja waqt konferenza ġenerali fl-1952 (ara “‘Every Member a Missionary’ Motto Stands Firm Today,” Aħbarijiet tal-Knisja, 20 ta’ Frar, 2015, news.ChurchofJesusChrist.org).

  7. Doctrine and Covenants 64:34.

  8. Ara Mattew 22:37–38.

  9. Ara Mattew 22:39.

  10. Doctrine and Covenants 93:12.

  11. Isaija 28:10.

  12. Mosiah 18:9.

  13. Dan il-ħsieb spiss jiġi attribwit lil San Franġisk ta’ Assisi; ara wkoll Ġwanni 10:36–38.

  14. Rumani 1:16.

  15. Ara Mattew 5:15–16.

  16. Ġwanni 1:46; enfażi miżjuda.

  17. Ara Ġwanni 15:18.

  18. 1 Pietru 4:13, Verżjoni Standard bl-Ingliż; ara wkoll versi 1–19 għal aktar dwar kif id-dixxipli ta’ Kristu għandhom iħarsu lejn is-sofferenza f’ġieħ l-evanġelju.

  19. Atti 5:41.

  20. Doctrine and Covenants 45:44.

Ipprintja