2010-2019
Il-Kworum: Post ta’ Appartenenza
April 2019 Konferenza Ġenerali


Il-Kworum: Post ta’ Appartenenza

Il-Mulej iridkom tistabbilixxu kworum b’saħħtu. Hekk kif Huwa jiġbor lil wliedu, huma jeħtieġu post li jistgħu jappartenu u jikbru fih.

Fl-2010, Andre Sebako kien għadu daqsxejn ta’ żagħżugħ qed ifittex il-verità. Minkejja li huwa qatt qabel ma kien talab minn qalbu, huwa ddeċieda li jipprova jagħmel dan. Ftit tal-ħin wara, huwa ltaqa’ mal-missjunarji. Huma tawh kard bi stampa tal-Ktieb ta’ Mormon. Andre ħass xi ħaġa ġewwa fih u staqsa lill-missjunarji jekk huwa setax jixtri dak il-ktieb. Huma qalulu li huma setgħu jagħtuh kopja b’xejn tal-ktieb jekk huwa jattendi l-knisja.1

Andre attenda waħdu l-Fergħa ta’ Mochudi li kienet għadha kif ġiet iffurmata ġewwa Botswana, l-Afrika. Iżda l-fergħa kienet magħmula minn grupp ta’ nies mill-aktar magħqudin u kollhom imħabba, li b’kollox kienu xi 40 membru.2 Huma laqgħu lil Andre b’dirgħajhom miftuħa. Huwa rċieva l-lezzjonijiet tal-missjunarju u tgħammed. Kienet ħaġa mill-aktar meraviljuża!

Iżda mbagħad? Andre kif seta’ jibqa’ attiv? Min kien se jgħinu jibqa’ miexi ‘l quddiem fit-triq tal-patt? Tweġiba waħda għal dik il-mistoqsija hija l-kworum tiegħu tas-saċerdozju!3

Kull raġel li jħaddan is-saċerdozju, hi x’inhi s-sitwazzjoni tiegħu, jibbenifika minn kworum b’saħħtu. Intom iż-żgħażagħ ħuti li tħaddnu s-Saċerdozju Aroniku, il-Mulej iridkom tistabbilixxu kworum b’saħħtu, post ta’ appartenenza għal kull ġuvni, post fejn l-Ispirtu tal-Mulej ikun preżenti, post fejn il-membri kollha tal-kworum jiġu milqugħin u apprezzati. Hekk kif il-Mulej jiġbor lil wliedu, huma jeħtieġu post li jistgħu jappartenu u jikbru fih.

Intom il-membri kollha tal-presidenza tal-kworum tistgħu turu t-triq lill-oħrajn hekk kif intom tfittxu l-ispirazzjoni4 u tiżviluppaw l-imħabba u l-fratellanza bejn il-membri tal-kworum. Intom tistgħu turu attenzjoni speċjali lil dawk li huma membri ġodda, li huma anqas attivi jew li għandhom bżonnijiet speċjali.5 Bil-qawwa tas-saċerdozju, intom tistgħu tibnu kworum b’saħħtu.6 U kworum b’saħħtu u magħqud jagħmel id-differenza kollha fil-ħajja ta’ żagħżugħ.

Meta l-Knisja ħabbret l-inizjattiva ġdida fuq it-tagħlim tal-evanġelju ċċentrata madwar id-dar,7 xi wħud ġew f’moħħhom membri bħal Andre u qalu, “Xi ngħidu għal dawk iż-żgħażagħ li ġejjin minn sitwazzjoni ta’ familja li fiha ma jiġix studjat l-evanġelju u li m’hemmx ambjent ta’ tagħlim u li jwassal biex wieħed jgħix l-evanġelju ġewwa d-dar? Dawn se ninsewhom?”

Le! Le lil ħadd m’għandna ninsew! Il-Mulej iħobb lil kull ġuvni u tfajla. Aħna, bħala rġiel li nħaddnu s-saċerdozju, aħna jdejn il-Mulej. Aħna l-Knisja li se tkun qed tissapportja din l-inizjattiva ċċentrata madwar id-dar. Meta fid-dar ikun hemm sapport limitat, il-kwora tas-saċerdozju u mexxejja u ħbieb oħra għandhom iħarsu u jissapportjaw lill-individwi u lill-familji skont il-bżonn.

Din il-ħaġa rajtha taħdem b’għajnejja. Esperjenzajtha. Meta jien kelli sitt snin, il-ġenituri tiegħi ddivorzjaw u missieri ħalla lil ommi b’ħamest itfal. Ommi kellha tibda taħdem biex tipprovdi għalina. Għal xi żmien, hija kellha bżonn li taħdem it-tieni impjieg, kif ukoll tkompli tistudja. Ftit kien ikun baqgħalha ħin biex trabbi lilna. Iżda n-nanniet u z-zijiet tiegħi, l-isqfijiet u l-għalliema tad-dar kienu raw kif għamlu biex jgħinu lill-anġlu ommi.

U jiena kelli kworum. Jiena verament grat għal sħabi—ħuti—li ħabbewni u ssapportjawni. Il-kworum tiegħi kien post ta’ appartenenza. Jista’ jkun li xi wħud setgħu kienu jħarsu lejja bħala wieħed li ftit li xejn stajt nirnexxi u forsi anke bħala bniedem dgħajjef minħabba s-sitwazzjoni tal-familja tiegħi. Jista’ jkun li kien il-każ. Iżda l-kwora tas-saċerdozju spiċċaw biex bidlu s-sitwazzjoni tiegħi. Il-kworum tiegħi ħa ħsiebi u berikli ħajti bla qjies.

Madwarna żgur li għandna nies li forsi diffiċli jirnexxu u li huma xi ftit dgħajfin. Probabbilment, b’xi mod jew ieħor, ilkoll kemm aħna nistgħu niġu deskritti hekk. Iżda lkoll għandna kworum, post li fih nistgħu nirċievu l-qawwa u nipprovdu l-qawwa. Il-kworum hu “kollha għal wieħed u wieħed għal kollha.”8 Huwa post li fih ngħallmu lil xulxin, inservu lil xulxin u nibnu l-għaqda u l-fratellanza hekk kif aħna nservu lil Alla.9 Huwa post li fih iseħħu l-mirakli.

Nixtieq inkellimkom dwar xi wħud mill-mirakli li seħħew fil-kworum ta’ Andre ġewwa Mochudi. Hekk kif jien se naqsam magħkom dan l-eżempju, oqogħdu attenti dwar xi prinċipji li jistgħu jsaħħu lil kwalunkwe kworum tas-saċerdozju li japplikahom.

Wara li Andre tgħammed, huwa akkumpanja lill-missjunarji hekk kif huma bdew jgħallmu lil erba’ ġuvintur oħra, li tgħammdu wkoll. Mela issa kien hemm ħames ġuvintur. Huma bdew isaħħu lil xulxin u lill-fergħa.

Ġuvni ieħor, Thuso, is-sitt wieħed, tgħammed ukoll. Thuso qasam l-evanġelju ma’ tlieta minn sħabu, u ma damux ma spiċċaw disgħa.

Ħafna drabi d-dixxipli ta’ Ġesù Kristu jinġabru b’dan il-mod—ftit ftit, kif jiġu mistiedna minn sħabhom. Fi żmien il-qedem, meta Indri sab lis-Salvatur, huwa mar jiġri fuq ħuh Xmun u “ħadu għand Ġesù.”10 Bl-istess mod, wara li Filippu sar dixxiplu ta’ Kristu, huwa stieden lil sieħbu Natanjel u qallu “ejja u ara.”11

Ġewwa Mochudi, ma damx ma ngħaqad ukoll mal-Knisja l-10 raġel. Il-missjunarji sabu l-11-il wieħed. U t-12-il ġuvni tgħammed wara li ra x’ effett ħalla fuq sħabu l-evanġelju.

Il-membri tal-fergħa ta’ Mochudi mtlew bl-entużjażmu. Dawn il-ġuvintur “ikkonvertew fil-Mulej, u … ngħaqdu mal-knisja.”12

Il-Ktieb ta’ Mormon lagħab irwol mill-aktar sinifikanti fil-konverżjoni tagħhom.13 Thuso jiftakar, “Jiena bdejt naqra l-Ktieb ta’ Mormon … kull meta kien ikolli ċans, fid-dar, fl-iskola u kullimkien.”14

Oratile ħassu jinġibed lejn l-evanġelju minħabba l-eżempju ta’ sħabu. Huwa spjega: “Bħallikieku huma nbidlu f’ ħakka t’għajn. … Ħsibt li r-raġuni … ta’ dan kollu kien … il-ktieb żgħir li huma bdew iġorru magħhom madwar … l-iskola. Stajt nara kemm kien saru nies twajbin. … Jien ukoll ridt ninbidel.”15

Immaġni
Il-Fergħa ta’ Mochudi

Dawn it-12-il ġuvni nġabru flimkien u tgħammdu fi spazju ta’ sentejn. Kull wieħed minnhom kien l-uniku membru fil-familja tiegħu. Iżda huma kellhom is-sapport tal-familja tagħhom fil-Knisja, fosthom il-President Rakwela,16 il-president tal-fergħa tagħhom; il-Presbiteru u Sister Taylor,17 il-koppja missjunarji anzjani; u membri oħra tal-fergħa.

Brother Junior,18 mexxej tal-kworum, stieden lil dawn il-ġuvintur f’daru nhar ta’ Ħadd wara nofsinhar u ħa ħsiebhom. Il-ġuvintur studjaw flimkien l-iskrittura u kienu jagħmlu regolarment il-lejla d-dar.

Immaġni
Iżuru l-membri

Brother Junior ħadhom miegħu biex iżuru lill-membri, lil nies li kienu jkunu qed jiġu mgħallmin mill-missjunarji, u lil kull min kien jeħtieġ xi żjara. Kull wieħed minn dawn it-12-il ġuvni kien jitla’ fil-gabina tal-vann ta’ Brother Junior. Huwa kien iwassalhom fid-djar fi gruppi ta’ tnejn jew tlieta u jerġa’ jiġborhom aktar tard.

Minkejja li dawn il-ġuvintur kienu għadhom qed jitgħallmu dwar l-evanġelju u kienu jħossu li kienu għadhom ma jafux biżżejjed, Brother Junior qalilhom biex huma jaqsmu magħhom xi ħaġa jew tnejn li huma kienu jafu. Dawn il-ġuvintur li kienu jħaddnu s-saċerdozju għallmu, talbu u għenu jħarsu l-Knisja.19 Huma wettqu r-responsabbiltajiet tagħhom tas-saċerdozju u esperjenzaw il-ferħ ta’ meta wieħed iservi.

Immaġni
Grupp ta’ Aħwa

Andre qal, “Aħna lgħabna flimkien, dħaqna flimkien, bkejna flimkien u sirna fratellanza.”20 Fil-fatt, huma kienu jsejħu lilhom infushom “il-Grupp ta’ Aħwa.”

Flimkien huma fasslu għan li lkoll kemm huma kienu se jservu missjoni. Peress li huma kienu l-uniċi membri tal-Knisja fil-familji tagħhom, huma kellhom diversi ostakli x’ jegħlbu, iżda huma għenu lil xulxin qalb dan kollu.

Wieħed wieħed, dawn il-ġuvintur irċevew is-sejħa tagħhom tal-missjoni. Dawk li telqu l-ewwel kitbu ittri indirizzati għal dawk li kienu għadhom qed jitħejjew, fejn qasmu magħhom ċerti esperjenzi u inkuraġġewhom biex iservu. Ħdax minn dawn il-ġuvintur servew missjoni.

Dawn il-ġuvintur qasmu l-evanġelju mal-familji tagħhom. Ommijiet, aħwa, ħbieb, kif ukoll nies li huma għallmu waqt il-missjoni tagħhom spiċċaw biex ikkonvertew u tgħammdu. Seħħew il-mirakli u ġew imberkin għadd ta’ ħajjiet.

Nista’ nimmaġina xi wħud minnkom tgħidu li forsi mirakli bħal dawn setgħu jseħħu biss f’xi post bħall-Afrika, art fertili fejn il-ġabra ta’ Iżrael qed isseħħ b’ritmu mgħaġġel. Madankollu, jiena nixhed li l-prinċipji li ġew applikati ġewwa l-Fergħa ta’ Mochudi jistgħu jiġu applikati kullimkien. Tinsabu fejn tinsabu, il-kworum tagħkom jista’ jikber permezz tal-attivazzjoni u billi taqsmu l-evanġelju ma’ ħaddieħor. Meta saħansitra dixxiplu wieħed jipprova jilħaq ħabib, wieħed jista’ jsir tnejn. Tnejn jistgħu jsiru erbgħa, Erbgħa jistgħu jsiru tmienja. U tmienja jistgħu jsiru tnax. Il-fergħat saru oqsma.

Immaġni
Il-Qasam ta’ Mochudi

Is-Salvatur għallem, “Għax fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi, … hemm inkun jien f’nofshom.”21 Missierna tas-Smewwiet qed iħejji l-imħuħ u l-qlub tan-nies ta’ madwarna. Aħna nistgħu nimxu wara s-suġġerimenti, nestendu l-id tal-ħbiberija, naqsmu magħhom il-verità, nistednuhom biex jaqraw il-Ktieb ta’ Mormon, inħobbuhom u nissapportjawhom hekk kif huma jsiru jafu lis-Salvatur tagħna.

Għaddew kważi 10 snin minn meta l-Grupp ta’ Aħwa minn Mochudi bdew il-vjaġġ tagħhom flimkien, u huma għadhom grupp ta’ aħwa.

Katlego qal, “Jista’ jkun li ninsabu mifrudin minn xulxin minħabba d-distanza ta’ bejnietna, iżda xorta waħda ninsabu lesti biex ngħinu lil xulxin.”22

Hija t-talba tiegħi li aħna naċċettaw l-istedina tal-Mulej biex ningħaqdu Miegħu fil-kwora tagħna tas-saċerdozju ħalli kull kworum ikun jista’ jkun post ta’ appartenenza, post ta’ ġabra, post li jikber.

Ġesù Kristu huwa s-Salvatur tagħna, u din hi l-ħidma Tiegħu. Jiena nixhed dan f’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Ara Mark u Shirley Taylor, miġb., The Band of Brothers (stejjer ta’ konverżjoni u testimonjanzi mill-Fergħa ta’ Mochudi, 2012–13), 4, Librerija tal-Istorja tal-Knisja, Belt ta’ Salt Lake.

  2. Korrispondenza personali, Letanang Andre Sebako, Band of Brothers resource files, 2011–19, Librerija tal-Istorja tal-Knisja, Belt ta’ Salt Lake.

  3. Il-President Boyd K. Packer qal: “Meta raġel iħaddan is-saċerdozju, huwa jkun jappartjeni lil xi ħaġa ferm akbar minnu nnifsu. Hija xi ħaġa li tmur lil hinn minnu nnifsu, li huwa jista’ juri impenn sħiħ lejha” (“The Circle of Sisters,” Ensign, Nov. 1980, 109–10).

  4. Il-President Russell M. Nelson spjega kif tista’ tfittex ir-rivelazzjoni u mbagħad iddikjara, “Hekk kif intom tirrepetu dan il-proċess, jum wara jum, xahar wara xahar, sena wara sena, intom tikbru fil-prinċipju tar-rivelazzjoni’” (“Rivelazzjoni għall-Knisja, Rivelazzjoni għal Ħajjitna,” Liahona, Mejju 2018, 95; ara wkoll Teachings of Presidents of the Church: Joseph Smith [2007], 132).

  5. Araw Handbook 2: Administering the Church (2010), 8.3.2.

  6. Oħrajn ukoll jgħinu, fosthom il-membri tal-veskovat u l-konsulenti. Il-Presbiteru Ronald A. Rasband innota li wieħed mill-benefiċċji tar-ristrutturar tal-kwora tas-Saċerdozju Melkisedeku, imħabbra fil-31 ta’ Marzu, 2018, hu li “jagħti ċ-ċans li l-isqof jiddelega aktar responsabbiltajiet lill-presidenti tal-kworum tal-presbiteri u tas-Soċjetà tal-Għajnuna ħalli l-isqof u l-kunsilliera tiegħu jkunu jistgħu jiffokaw fuq id-dmirijiet primarji tagħhom—partikolarment li jippresedu fuq it-tfajliet u l-ġuvintur li jħaddnu s-Saċerdozju Aroniku” (“Araw! Armata Rjali,” Liahona, Mejju 2018, 59). L-anġli wkoll jgħinu. Min iħaddan is-Saċerdozju Aroniku iħaddan l-imfietaħ tal-ministeru tal-anġli (ara Doctrine and Covenants 13:1; ara wkoll Dale G. Renlund u Ruth Lybbert Renlund, The Melchizedek Priesthood [2018], 26). Il-Presbiteru Jeffrey R. Holland qal: “Normalment [l-anġli li jimministraw] ma jidhrux. Xi kultant anke jidhru. Iżda jidhru jew ma jidhrux huma dejjem viċin. Xi kultant l-essajnments tagħhom ikunu kbar ħafna u jkollhom sinifikat għad-dinja kollha. Xi kultant il-messaġġi jkunu aktar privati. Drabi oħra l-għan anġeliku ikun li jwiddbu. Iżda ħafna drabi jkun biex ifarrġu, jipprovdu xi forma ta’ attenzjoni ħanina, gwida fi żminijiet diffiċli” (“The Ministry of Angels,” Liahona, Nov. 2008, 29). Jekk tixtiequ din l-għajnuna, tistgħu “titolbu u taqilgħu” (Ġwanni 16:24).

  7. Ara Russell M. Nelson, “Rimarki tal-Ftuħ,” Liahona, Nov. 2018, 7–8.

  8. Araw Alexandre Dumas, The Three Musketeers (1844).

  9. Ara Handbook 2, 8.1.2.

  10. Araw Ġwanni 1:40–42.

  11. Araw Ġwanni 1:43–46.

  12. 3 Nephi 28:23.

  13. Ara D. Todd Christofferson, “The Power of the Book of Mormon” (indirizz mogħti fis-seminar għall-presidenti ġodda tal-missjoni, 27 ta’ Ġunju, 2017).

  14. Thuso Molefe, f’ Taylor, The Band of Brothers, 22.

  15. Oratile Molosankwa, f’ Taylor, The Band of Brothers, 31–32.

  16. Lucas Rakwela, Mochudi, Botswana.

  17. Mark and Shirley Taylor, Idaho, USA.

  18. Cilvester Junior Kgosiemang, Mochudi, Botswana.

  19. Ara Doctrine and Covenants 20:46–47, 53–54.

  20. Korrispondenza personali, Letanang Andre Sebako, Band of Brothers resource files.

  21. Doctrine and Covenants 6:32.

  22. Katlego Mongole, f’ “Band of Brothers 2nd Generation” (ġabra mhux ippubblikata), 21.

Ipprintja