2010-2019
Il-Ktieb tal-Istrateġiji Tagħkom tas-Saċerdozju
April 2019 Konferenza Ġenerali


Il-Ktieb tal-Istrateġiji Tagħkom tas-Saċerdozju

Oħolqu l-ktieb tal-logħba tagħkom dwar kif tistgħu turu li intom dixxipli denji ta’ Kristu.

Diċembru li għadda, il-membri tal-Ewwel Presidenza ħarġu dikjarazzjoni fejn ħabbru li s-subien ta’ 11-il sena se “jibdew jattendu … l-kwora tas-Saċerdozju Aaroniku … fil-bidu ta’ Jannar fis-sena li huma jkunu se jagħlqu 12.”1

B’riżultat ta’ dan, fl-ewwel xhur ta’ din is-sena kien hemm numru ta’ subien ta’ 11-il sena maħsuda li assumew li huma kienu se jibqgħu fil-Primarja sa għeluq sninhom iżda issa qegħdin nhar ta’ Ħadd jgħaddu s-sagrament bħala l-aktar djakni ordnati ġodda tal-Knisja.

Ma nafx min kien l-aktar sorpriż bil-bidla—id-djakni jew il-ġenituri tagħhom. Fost dawn id-djakni l-ġodda, kważi 80,000, ħafna minnhom jinsabu magħna llejla f’dan iċ-Ċentru għall-Konferenzi meraviljuż jew inkella qed jipparteċipaw permezz tat-teknoloġija. Nilqgħukom fil-fratellanza meraviljuża tas-saċerdozju!

Minħabba dik il-bidla, din il-laqgħa hija waħda storika—probabbilment dan huwa l-akbar grupp ta’ ġuvintur li jħaddnu s-Saċerdozju Aaroniku li qatt attenda sezzjoni ġenerali tas-saċerdozju tal-konferenza ġenerali. Fid-dawl ta’ din l-okkażjoni speċjali, jiena se nindirizza r-rimarki tiegħi speċjalment lill-ġuvintur tas-Saċerdozju Aaroniku.

Lezzjonijiet li Nitgħallmu mill-Isports

Bħala studenti, ħafna minnkom qegħdin tiżviluppaw ukoll it-talenti, l-interessi u l-passatempi tagħkom permezz ta’ attivitajiet ekstrakurrikulari fl-iskola jew waqt lezzjonijiet privati, u permezz ta’ timijiet u gruppi barra l-ħinijiet tal-iskola, inkluż dawk sportivi.

Bħala persuna li għaddejt ħajti nitpaxxa bl-isports, jiena dejjem ammirajt lil dawk li jiżviluppaw l-abbiltajiet atletiċi tagħhom sal-punt fejn jilħqu livelli verament għoljin. Għal xi ħadd li jkun verament tajjeb f’xi ħaġa, minbarra talent naturali hemm bżonn ukoll ta’ dixxiplina kbira, sagrifiċċju kbir u sigħat sħaħ ta’ taħriġ u prattika. Dawn it-tip ta’ atleti spiss jisimgħu l-kritika kultant ħarxa tal-kowċis u minn jeddhom jissagrifikaw xi ħaġa li jkunu jixtiequ bħalissa għal xi ħaġa akbar fil-futur.

Aħna nafu ċerti membri tal-Knisja li jħaddnu s-saċerdozju li esperjenzaw suċċess fl-ogħla livelli bħala atleti professjonali. Ħafna huma l-eżempju ta’ dan, iżda għandi ħin biss biex insemmi ftit minnhom. Uħud minn dawn l-atleti probabbilment tafu min huma: fil-bejsbol, Jeremy Guthrie u Bryce Harper; fil-baskitbol, Jabari Parker u Jimmer Fredette; fil-futbol, Ricardo Rojas; fil-kampjonat tar-ragbi, William Hopoate; u fil-futbol Amerikan, Taysom Hill u Daniel Sorensen. Kull wieħed minnhom ta kontribut sinifikanti lill-isports tiegħu.

Filwaqt li huma verament irnexxew fl-isports tagħhom, dawn l-atleti jkunu l-ewwel nies li jammettu li huma mhumiex atleti perfetti jew nies perfetti. Huma jaħdmu ħafna biex ikunu l-aqwa fl-isports tagħhom—u biex jgħixu l-evanġelju. Jekk huma jaqgħu jerġgħu jqumu u huma jibqgħu jirreżistu sat-tmiem.

Studjaw il-Ktieb tal-Logħba

Fl-isports tat-timijiet, jiġu żviluppati strateġiji għal ċerti sitwazzjonijiet tal-logħba u jinġabru flimkien fi ktieb tal-istrateġiji. L-atleti jitgħallmu ċerti essajnments speċifiċi għal kull strateġija. Plejers li rnexxew tant jistudjaw sewwa l-ktieb tal-istrateġiji li meta tintalab xi strateġija, huma jkunu jafu eżatta, kważi istintivament, fejn għandhom imorru u x’għandhom jagħmlu.

Immaġni
Kowċ bil-ktieb tal-istrateġiji

Ritratt minn Dave Kaup/REUTERS/stock.adobe.com

Immaġni
Ktieb tal-istrateġiji

Bl-istess mod, aħna li nħaddnu s-saċerdozju wkoll għandna tìm (kworum) u ktieb tal-istrateġiji (l-iskrittura mqaddsa u l-kliem tal-profeti ta’ żmienna).

Inti ssaħħahom lil sħabek tat-tìm?

Kemm studjajt tajjeb il-ktieb tal-istrateġiji?

Tifhem tajjeb l-essajnment tiegħek?

Immaġni
Kwora tas-saċerdozju

Ikkonfrontaw l-Oppożizzjoni

Biex niżviluppa aktar din l-analoġija, kowċis kbar ikunu jafu tajjeb il-ħiliet u d-dgħjufija tat-tìm tagħhom kif ukoll tal-oppożizzjoni. Huma joħolqu pjan tal-logħba li jagħtihom l-aqwa ċans għar-rebħa. U intom?

Intom tafu liema hi t-tentazzjoni li intom l-aktar vulnerabbli għaliha, u tistgħu tbassru kif l-avversarju jista’ jipprova jiżvijjakom u jaqtagħlkom qalbkom. Ħloqtu intom pjan personali tal-logħba u ktieb tal-istrateġiji ħalli tkunu tafu kif għandkom tirrispondu meta tħabbtu wiċċkom mal-oppożizzjoni?

Hekk kif intom tiffaċċjaw diversi tentazzjonijiet morali—kemm jekk tkunu fil-kumpanija ta’ ħaddieħor jew meta tkunu weħidkom tiċċassaw lejn xi skrin—intom tkunu tafu l-pjan tal-logħba. Jekk xi ħabib jissuġġerixxi li intom tixorbu l-alkoħol jew tipprovaw id-drogi, intom l-istrateġija tafuha. Intom prattikajtu u tafu minn qabel kif għandkom tirreaġixxu.

Bi pjan tal-logħba, ktieb tal-istrateġiji u impenn sod biex twettqu l-irwol tagħkom, intom issibu li t-tentazzjoni għandha anqas kontroll fuqkom. Intom diġà tkunu ħadtu d-deċiżjoni dwar kif għandkom tirreaġixxu u x’għandkom tagħmlu. M’hemmx għalfejn toqogħdu tiddeċiedu kull darba li tħabbtu wiċċkom mat-tentazzjoni.

M’ilux, wieħed mit-Tnax irrakonta storja li hi eżempju tajjeb ta’ dan il-prinċipju. Meta kien għadu qassis fl-iskola sekondarja, huwa kien qiegħed ma’ sħabu. Wara li kielu xi ħaġa, huma marru dawra bil-karozza meta xi ħaġa ssuġġerixxa li huma għandhom imorru jaraw film partikolari. Il-problema kienet, li hu kien jaf li dan kien film li hu m’għandux jara. Minkejja li mill-ewwel ħass ċerta pressjoni u anzjetà dwar din is-sitwazzjoni, huwa diġà kien ippjana minn qabel għal dan. Din kienet xi ħaġa li kien tgħallem mill-ktieb tal-istrateġiji tas-saċerdozju.

Wara li ħa nifs fil-fond u għamel il-kuraġġ, huwa qal, “Jiena mhux interessat f’dak il-film. Aqtgħuni ftit sad-dar,” u hekk għamlu. Strateġija sempliċi waslet għal rebħa! Snin wara, wieħed mill-ħbieb li f’dik il-lejla kien miegħu ddeskiva kif dan l-eżempju wasal biex lilu tah qawwa biżżejjed li b’kuraġġ jiffaċċja ċerti ċirkustanzi simili f’ħajtu.

Paġni mill-Ktieb tal-Istrateġiji

Jiena staqsejt xi wħud mill-Aħwa biex jirrakkomandaw ċerti strateġiji li tistgħu tinkludu fil-ktieb tal-istrateġiji tagħkom. Dawn li ġejjin huma xi wħud mis-suġġeriment ispirati tagħhom:

  • Itolbu kuljum biex ikollkom aktar dawl u testimonjanza ta’ Ġesù Kristu.

  • Iftħu widnejkom sewwa għat-tagħlim tal-ġenituri tagħkom, tal-isqof tagħkom u tal-mexxejja tal-Ġuvintur u tal-kworum tagħkom.

  • Evitaw il-pornografija u ċertu kontenut immorali fuq il-midja soċjali.

  • Ftakru l-wegħdiet li intom għamiltu ma’ Alla, u agħmlu l-almu tagħkom biex iżżommuhom.

  • Studjaw l-istejjer mill-iskrittura dwar ċerti profeti u imitaw il-kwalitajiet tajbin tagħhom.

  • Bierku lil ulied Missierna tas-Smewwiet permezz tas-servizz.

  • Fittxu ħbieb tajbin biex jgħinukom issiru l-persuna li tixtiequ ssiru.

  • Araw li ssiru esperti fl-app FamilySearch u rriċerkaw l-istorja tal-familja tagħkom.

  • Ippjanaw ċerti postijiet li tistgħu tmorru fihom meta tkunu tridu taħarbu l-influwenzi tal-ħażen.

  • Ħobbu lill-membri l-oħra tal-kworum tagħkom tas-saċerdozju u għinuhom jissaħħu.

Jien tkellimt ukoll mal-atleti li aktar qabel rajna r-ritratti tagħhom. Hi ħaġa mill-aktar interessanti li huma ma jidentifikawx lilhom infushom skont dak li jagħmlu, bħala atleti professjonali, iżda wkoll skont dak li huma, bħala wlied Missierna tas-Smewwiet li tant iħobbna u rġiel li jħaddnu s-saċerdozju ta’ Alla.

Issa ejjew nisimgħu ftit il-ħsibijiet tagħhom:

  • Jimmer Fredette, hawn bħal djaknu qed jitgħallem jagħmel l-ingravata tiegħu, qal: “Jiena tgħallimt niddependi ħafna fuq l-għarfien u l-fidi tal-verità tal-evanġelju. Dan iggwidani biex inkun … bniedem den li nħaddan is-saċerdozju u fuq kollox—eżempju pożittiv.”

    Immaġni
    Jimmer Fredette bħala djaknu
  • Bryce Harper, hawn bħala raġel miżżeweġ, kiteb: “Kont naħseb li l-fama, il-ġid materjali u l-premju MVP kienu se jagħmluni ferħan. Kien hemm xi ħaġa nieqsa, Għalhekk, jiena … ippreparajt ruħi u dħalt it-tempju. Issa ninsab fi triq li permezz tagħha nerġa’ lura għand Missieri tas-Smewwiet u jkolli familja eterna—li hi l-akbar ferħ fid-dinja!”

    Immaġni
    Bryce Harper ma’ martu
  • Daniel Sorensen, hawn bħala missjunarju, qal: “Ktieb tal-istrateġiji tajjeb huwa pjan li juża t-talenti u l-ħiliet ta’ kull membru tat-tìm. … Hekk kif jiena nistudja u nipprattika t-tagħlim tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, issa nista’ nkun naf kif nuża l-ħiliet tiegħi biex inservi fis-saċerdozju.”

    Immaġni
    Daniel Sorensen bħala missjunarju
  • Jeremy Guthrie, hawn bħalissa qed iservi bħala president tal-missjoni, qal: “Bħala djaknu ta’ 12-il sena … Jiena ħassejt l-Ispirtu jixhed miegħi li ‘din il-ħajja hija ż-żmien … sabiex nitħejjew biex niltaqgħu ma’ Alla.’2 Il-pjan tal-logħba huwa fidi f’ Alla msarrfa f’għemil u ndiema permezz tas-Salvatur. … Il-ktieb tal-istrateġiji nsibuh fl-iskrittura mqaddsa u permezz tal-profeti ħajjin.”

    Immaġni
    Jeremy Guthrie bħala president tal-missjoni
  • Jabari Parker, hawn waqt l-ordinazzjoni tiegħu għall-uffiċċju ta’ presbiteru, qal: “Ma nistax nimmaġina x’tip ta’ persuna stajt spiċċajt li kieku ma ħadtx id-deċiżjoni li nitgħammed. … Jiena verament grat li għandi lil Alla f’ħajti biex jiggwidani kuljum.”

    Immaġni
    Jabari Parker waqt ordinazzjoni tas-saċerdozju
  • Ricardo Rojas, hawn bħalissa qed iservi bħala president tal-fergħa, qal: “Permezz tas-saċerdozju ta’ Alla aħna nistgħu ngħinu fil-ħidma Tiegħu. Aħna niġu msejħin biex ‘nagħmlu l-ħila u nqawwu qalbna’3 meta niġu biex niddefendu l-verità.” Dan għenu jirnexxi kemm fil-grawnd kif ukoll bħala raġel li jħaddan is-saċerdozju.

    Immaġni
    Ricardo Rojas bħala president tal-fergħa
  • Tayson Hill, hawn bħala missjunarju, iħoss li l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu servih bħala ktieb tal-istrateġiji f’ ħajtu. Huwa qal, “Li nemmen fil-pjan ta’ Alla u li ppruvajt nagħmel l-almu tiegħi biex inwettaq l-irwol tiegħi f’dan il-pjan wassalni biex inħoss sens kbir ta’ paċi u hena f’ħajti, għax naf li Alla sodisfatt fl-isforz tiegħi.”

    Immaġni
    Taysom Hill bħala missjunarju
  • William Hopoate, hawn waqt il-barka tat-tifel tat-tifel tiegħu flimkien bħala erba’ ġenerazzjonijiet, qal li l-evanġelju jgħinu “jidentifika l-istrateġiji tal-oppożizzjoni u jipprovdi l-effettività spiritwali biex nikkumbattu l-vleġeġ tan-nar u nservu aħjar lill-oħrajn.”

    Immaġni
    William Hopoate waqt barka ta’ tarbija

U intom? Intom tagħrfuha l-identità ogħla u aktar qaddisa tagħkom bħala ulied Alla, li tħaddnu s-saċerdozju mqaddes Tiegħu? B’din l-identità eterna f’moħħkom, oħolqu pjan tal-logħba u ktieb tal-istrateġiji tas-saċerdozju li jiggwidawkom f’mumenti ta’ tentazzjoni u avversità. Ikkunsidraw kemm strateġiji offensivi kif ukoll difensivi.

L-istrateġiji offensivi jgħinu jsaħħu t-testimonjanza u jkabbru r-riżoluzzjoni tagħkom li tibqgħu fit-trejqa stretta u dejqa. Xi eżempji jinkludu t-talb regolari, l-istudju tal-iskrittura, l-attendenza fil-knisja u fit-tempju, il-ħlas tad-dieċmi, u li timxu wara l-kunsill li ssibu fil-ktejjeb Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ .

Strateġiji difensivi jinkludu li tippjanaw minn qabel kif għandkom tiffaċċjaw it-tentazzjoni. Meta tiġu mġarrba biex tikkompromettu l-istandards personali tagħkom, intom tkunu tafu minn qabel x’għandkom tagħmlu.

Intom teħtieġu ktieb tal-istrateġiji għal dan.

Illum m’għandekx aptit titlob? Huwa l-mument li twettaq l-istrateġija li tkun ippjanajt minn qabel.

Qed tħoss li t-testimonjanza tiegħek qed tbatti? Għandek strateġija għal dan. Taf x’għandek tagħmel.

Ilkoll Stilel f’Għajnejn Alla

Intom tħaddnu s-saċerdozju mqaddes ta’ Alla. L-impenn tagħkom li żżommu sod mal-bastun tal-ħadid jittrasformakom fl-esseri eterni li ġejtu maħluqa li tkunu.

Alla jafkom u jħobbkom. Huwa jberikkom u jiggwida l-passi tagħkom.

Intom tafu qed tgħidu bejnkom u bejn ruħkom li intom m’intomx speċjali, li m’intomx xi stilel. Iżda dan mhux veru. Ma tafux x’iddikjara Alla, “Id-dgħajfin ta’ din id-dinja għandhom imorru u jieħdu post in-nies ta’ saħħa u setgħana”?4

Allura, tħossukom dgħajfin? insinifikanti? Awguri, intom għadkom kif sibtu postkom fit-tim!

Tħossukom li m’intomx importanti? inferjuri? Tafu tkunu dak li sewwasew għandu bżonn Alla.

Immaġni
David u Gulija

Liema eżempju ta’ dan hu akbar minn meta David mar fuq il-kamp tal-battalja kontra avversarju tal-biżà, Gulija? Filwaqt li fada fil-Mulej, permezz ta’ pjan, David mhux biss salva lilu nnifsu iżda l-armata kollha ta’ Iżrael!5 Kunu afu li l-Mulej se jkun dejjem magħkom hekk kif intom turu l-kuraġġ li tkunu fuq in-naħa Tiegħu. “Jekk Alla hu magħna min jista’ jkun kontra tagħna?”6

Huwa jista’ jiftaħ il-bibien u jgħinna niskopru ċerti ħiliet u abbiltajiet li qatt ma konna nafu li kellna.7

Isimgħu mill-kowċis tagħkom li tafdaw tihom—bħall-ġenituri tagħkom, l-isqof tagħkom u l-mexxejja tal-Ġuvintur. Itgħallmu l-ktieb tal-istrateġiji. Aqraw l-iskrittura. Studjaw kliem il-profeti ta’ żmienna. Oħolqu l-pjan tal-logħba tagħkom dwar kif tistgħu turu li intom dixxipli denji ta’ Kristu.

Kunu afu minn qabel xi strateġiji se tużaw biex tqawwu l-ispirtu tagħkom u tevitaw in-nasbiet tal-avversarju.

Agħmlu dan u Alla żgur jutilizzakom.

Issa, jaf ikun hemm xi wħud li jinqatgħu mill-evanġelju u jitbiegħdu mit-triq it-tajba. Oħrajn jafu joqogħdu bilqiegħda fuq l-istends isegwu l-logħba mill-bogħod. Oħrajn jafu jagħżlu li jibqgħu fuq il-bank anke jekk il-kowċ beda jipprova jdaħħalhom fil-logħba.. Nistedinkom biex tgħinu ssalvawhom, tissapportjawhom, u tħobbuhom bħala membri sħabkom tal-istess tim!

Oħrajn ikunu jridu jidħlu fil-logħba—u hekk għamlu.. L-aktar ħaġa importanti mhijiex kemm għandhom talent iżda kemm hi kbira r-rieda tagħhom li joħorġu jilagħbu. Huma ma joqogħdux jistennew li xi ħadd isejħilhom għaliex huma jafu l-iskrittura li tgħid, “Jekk intom għandkom ix-xewqa li sservu lil Alla intom imsejħin għall-ħidma.”8

Intom tistgħu tiffurmaw parti mit-tim.

Intom tagħmlu dan hekk kif tistudjaw u timxu skond il-ktieb tal-istrateġiji tagħkom tas-saċerdozju.

Tul it-triq jista’ jkun li tispiċċaw taqgħu u tiżbaljaw—probabbilment bosta drabi. Intom mhux perfetti; li taqgħu hija parti mill-proċess ta’ kwalifikazzjoni li jagħtikom iċ-ċans li tirfinaw il-karattru tagħkom u sservu b’aktar kompassjoni. Is-Salvatur u l-Att tal-Fidwa infinit Tiegħu jipprovdu l-mod kif aħna nistgħu negħlbu l-iżbalji tagħna permezz tal-indiema sinċiera.

L-atleti l-kbar iqattgħu mijiet ta’ sigħat jipperfezzjonaw aspett wieħed żgħir tal-logħba tagħhom. Bħala ġuvintur li tħaddnu s-saċerdozju, intom jeħtieġ li jkollkom l-istess mentalità. Jekk tfallu, indmu, tgħallmu mis-sitwazzjoni. Ipprattikaw ħalli darb’oħra tagħmlu aħjar. Ultimament, f’idejkom. Lesti titgħallmu l-ktieb tal-istrateġiji?

Nitlobkom: Afdaw fil-Mulej Ilbsu l-korazza sħiħa ta’ Alla9 u idħlu fil-logħba.

M’hawnx ħafna li jilagħbu l-isports professjonali fl-ogħla livell, iżda meta niġu għal dawk li ħadu fuqhom l-istat ta’ dixxiplu, insibu ħafna li jagħżlu li jimxu wara Kristu.

Fil-fatt, din hija l-missjoni tagħkom f’din il-ħajja—li titgħallmu xi jrid minna l-Mulej, tidħlu fit-triq li jimxu fiha d-dixxipli u tagħmlu l-almu tagħkom biex tgħixu skont il-pjan ta’ Alla. Alla jieħu ħsiebkom u jberikkom hekk kif intom dduru lejh. Intom tistgħu tagħmlu dan għaliex f’ għajnejh intom kollha stilel.

Nitlob li intom twiegħdu li tgħixu denji tas-saċerdozju mqaddes li intom tħaddnu u tagħmlu l-almu tagħkom li twettqu l-irwol sagru tagħkom kuljum. Jiena nberikkom bl-abbiltà u x-xewqa li tagħmlu dan. Jiena nżid it-testimonjanza tiegħi tal-qawwa tas-saċerdozju li intom tħaddnu, tal-profeti ħajjin u ta’ Ġesù Kristu u l-irwol Tiegħu bħala s-Salvatur u l-Feddej tagħna. F’isem Ġesù Kristu, amen.

Ipprintja