2010-2019
Rimarki tal-Għeluq
April 2019 Konferenza Ġenerali


Rimarki tal-Għeluq

Jalla aħna niddedikaw u nkomplu niddedikaw ħajjitna biex inservu lil Alla u lil uliedu—fuq iż-żewġ naħat tal-velu.

Għeżież ħuti, hekk kif aħna resqin lejn tmiem din il-konferenza storika, aħna nirringrazzjaw lill-Mulej għall-ispirazzjoni u l-protezzjoni Tiegħu. Il-messaġġi għallmuna u edifikawna.

Il-kelliema ma ngħatawx suġġett dwar xiex għandhom jitkellmu. Ikoll kemm huma talbu lil Alla biex jiksbu r-rivelazzjoni personali hekk kif huma ħejjew il-messaġġi tagħhom. Għalija, hija ħaġa meraviljuża kif it-temi li għażlu kienu jiffittjaw daqstant tajjeb bejniethom. Hekk kif intom tistudjawhom, fittxu biex titgħallmu x’qed jipprova jgħallem lilkom personalment il-Mulej permezz tal-qaddejja Tiegħu.

Il-mużika kienet waħda glorjuża. Aħna verament grati għall-ħafna mużiċisti li għaqdu flimkien it-talenti tagħhom biex iwasslu l-Ispirtu tal-Mulej f’kull sezzjoni. U Huwa bierek it-talb u l-kongregazzjonijiet f’kull sezzjoni. Verament li din il-konferenza reġgħet kienet festa spiritwali għalina lkoll.

Nittamaw u nitolbu li kull dar ta’ kull membru ssir santwarju veru ta’ fidi, fejn l-Ispirtu tal-Mulej jista’ jgħammar. Minkejja t-tilwim li naraw madwarna, djarna jistgħu jsiru post ċelestjali, fejn l-istudju, it-talb u l-fidi jistgħu jingħaqdu flimkien mal-imħabba. Aħna verament nistgħu nsiru dixxipli tal-Mulej, nieqfu u nitkellmu f’ismu, ninsabu fejn ninsabu.

L-oġġettivi ta’ Alla għandhom ikunu l-oġġettivi tagħna. Huwa jrid li wliedu jagħżlu li jerġgħu lura għandu, ippreparati, ikkwalifikati, adottati, issiġillati u fidili lejn il-patti li huma għamlu fit-tempji mqaddsa.

Bħalissa għandna 162 tempju ddedikat. L-aktar antiki fosthom jinsabu weqfin bħala monumenti għall-fidi u l-viżjoni tal-għeżież pijunieri tagħna. Kull tempju li nbena minnhom hu riżultat tas-sagrifiċċju u l-isforz personali kbir tagħhom. Kull wieħed minnhom jinsab wieqaf bħala ġojjell meraviljuż fil-kuruna ta’ dak kollu li kisbu l-pijunieri.

Ir-responsabbiltà sagra tagħna hi li nieħdu ħsiebhom. Għalhekk, dawn it-tempji ta’ żmien il-pijunieri dalwaqt se jkollhom jgħaddu minn żmien ta’ tiġdid u xi wħud minnhom anke minn restawrazzjoni maġġuri. Se jsir sforz biex kemm jista’ jkun nippreservaw l-istoriċità unika ta’ kull tempju, fejn se nippruvaw nippreservaw is-sengħa mill-isbaħ u mill-aktar unika tal-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna.

Ċerti dettalji relatati mat-Tempju ta’ St. George, f’Utah, diġà huma disponibbli. Pjanijiet għar-rinnovazzjoni tat-Tempju ta’ Salt Lake, tal-Pjazza tat-Tempju u tal-plaza li tinsab miegħu, ħdejn il-Bini tal-Uffiċċju tal-Knisja, se jitħabbru nhar il-Ġimgħa, 19 ta’ April, 2019.

It-Tempji ta’ Manti u Logan, f’Utah, ukoll se jiġu rrinovati fis-snin li ġejjin. Meta jitħejjew dawk il-pjanijiet, huma wkoll se jiġu mħabbra.

Din il-ħidma teħtieġ li kull tempju jingħalaq għal perjodu ta’ żmien. Il-membri tal-Knisja jistgħu jkomplu jgawdu l-qima u s-servizz tat-tempju f’tempji oħra viċin. Hekk kif jitlesta kull proġett, kull tempju storiku jerġa’ jiġi ddedikat mill-ġdid.

Ħuti, aħna nħarsu lejn it-tempju bħala l-aktar bini sagru fil-Knisja. Hekk kif aħna nħabbru l-pjanijiet biex nibnu tempju ġdid, dan isir parti mill-istorja sagra tagħna. Issa, jekk jogħġobkom isimgħu bir-reqqa u b’qima dak li se ngħid. Jekk jiena se nħabbar xi tempju f’post li hu speċjali għalikom, nissuġġerixxi biex intom sempliċiment tbaxxu raskom u f’qalbkom tgħidu talba ta’ gratitudni. Ma rridu li jkun hawn l-ebda għajjat li jispiċċa jnaqqas min-natura sagra ta’ din il-konferenza u tat-tempji mqaddsa tal-Mulej.

Illum aħna bi pjaċir se nħabbru l-pjanijiet biex nibnu aktar tempji, li se jinbnew fil-postijiet li ġejjin:

Pago Pago, American Samoa; Il-Belt ta’ Okinawa, Okinawa; Neiafu, Tonga; Tooele Valley, Utah; Moses Lake, Washington; San Pedro Sula, il-Ħonduras; Antofagasta, iċ-Ċili; Budapest, l-Ungerija.

Nirringrazzjawkom, għeżież ħuti.

Hekk kif aħna nitkellmu dwar it-tempji tagħna, antiki u ġodda, jalla kull wieħed u waħda minna nuru b’għemilna li aħna dixxipli vera tal-Mulej Ġesù Kristu. Jalla aħna nirrinovaw ħajjitna permezz tal-fidi u l-fiduċja fih. Jalla aħna naċċessaw il-qawwa tal-Att tal-Fidwa Tiegħu permezz tal-indiema tagħna kuljum. U jalla aħna niddedikaw u nkomplu niddedikaw ħajjitna biex inservu lil Alla u lil uliedu—fuq iż-żewġ naħat tal-velu.

Jiena nħallikom bl-imħabba tiegħi u l-barka tiegħi, hekk kif nassigurakom li r-rivelazzjoni f’din il-Knisja tal-Mulej se tkompli. Se tkompli sakemm “l-għanijiet ta’ Alla jitwettqu u l-Kbir Ġehova jgħid il-ħidma kompluta.”1

Jiena b’hekk inberikkom u naqsam it-testimonjanza tiegħi li Alla jgħix! Ġesù hu l-Kristu! Din hi l-Knisja Tiegħu. Aħna l-poplu Tiegħu. Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kistu, amen.

Nota

  1. Teachings of Presidents of the Church: Joseph Smith (2007), 142.

Ipprintja