2010-2019
L-Evanġelju Veru, Safi u Sempliċi ta’ Ġesù Kristu
April 2019 Konferenza Ġenerali


L-Evanġelju Veru, Safi u Sempliċi ta’ Ġesù Kristu

Li nħobbu lil Alla u nħobbu lil għajrna huma s-sisien duttrinali tal-ministeru; tagħlim iċċentrat madwar id-dar u ssapportjat mill-Knisja; qima spiritwali ta’ jum is-Sabbath; u l-ħidma tas-salvazzjoni.

Ħuti, hu diffiċli għalija nemmen li ilu 71 sena, fl-1948, li jien kont missjunarju ġewwa l-Ingilterra u ilu 44 sena minn meta jien u marti Barbara ħadna l-familja tagħna ġewwa l-Kanada fejn hemmhekk jien kont president tal-Missjoni ta’ Toronto, il-Kanada. Meta kont qed inservi hemmhekk, f’April 1976, jien ġejt imsejjaħ fl-Ewwel Kworum tas-Sebgħin, u bla mistenni, fl-1985, ġejt imsejjaħ fil-Kworum tat-Tnax-il Appostlu. B’differenza għas-sejħiet l-oħra li kelli qabel, liema sejħiet kont naf li wara xi żmien kont se niġi eżonerat minnhom, ma naħsibx li, li niġi eżonerat mis-sejħa Tiegħi fit-Tnax, hija l-aħjar ħaġa li tista’ tiġrili bħalissa; madankollu, nitlob li dak il-jum jasal wara li nkun temmejt dak kollu li sejjaħli biex inwettaq il-Mulej.

Hekk kif kont qed jikkontempla ftit dwar l-aħħar 43 sena servizz tiegħi bħala Awtorità Ġenerali u l-privileġġ li kelli li nimministra lil ulied Missierna tas-Smewwiet, bdejt nirrealizza b’mod aktar ċar li Hu jrid li wliedu kollha jsibu l-paċi, il-ferħ u l-hena f’ħajjithom.

Il-profeta Leħi għallem, “Il-bnedmin twieldu biex ikunu ferħanin.”1 Hemm diversi raġunijiet għalfejn f’din il-ħajja nafu ma niksbux il-paċi, il-ferħ u l-hena li nixtiequ, foshom il-faqar,il-gwerra, id-diżastri naturali, u xi problemi li ma nkunux qed nistennew relatati ma’ impjieg, saħħa u relazzjonijiet fil-familja.

Iżda anke jekk ma nistgħux nikkontrollaw dawk il-forzi esterni li jħallu impatt fuq il-ħajja tagħna fid-dinja, hekk kif aħna nagħmlu l-almu tagħna biex insiru dixxipli fidili tal-Mulej Ġesù Kristu, aħna nkunu nistgħu nsibu l-paċi, il-ferħ u l-hena minkejja l-inkwiet li jista’ jinqala’ madwarna.

Wieħed mit-tfal tiegħi darba qalli, “Pa, ma nafx jekk hux se nkun kapaċi nirnexxi.” Jien weġibtu, “Li jitlob minna Missierna tas-Smewwiet hu li nagħmlu l-aħjar li nistgħu kuljum.” Ħuti, agħmlu l-aħjar li tistgħu, jum wara l-ieħor, u fi żmien qasir tindunaw li Missierkom tas-Smewwiet verament jafkom u jħobbkom. U meta ssiru tafu dan—verament issiru tafu dan—ħajjitkom ikollha għan u skop reali, u intom timtlew bil-ferħ u l-paċi.

Bħala d-Dawl tad-Dinja, is-Salvatur qal: “Kull min jemmen fija ma jibqax fid-dlam.”2

“Ġesù Kristu huwa l-isem li ġie mogħti mill-Missier, u m’hemm l-ebda isem ieħor mogħti li permezz tiegħu l-bniedem jista’ jsalva;

“Għalhekk, il-bnedmin kollha għandhom jieħdu fuqhom l-isem li ġie mogħti mill-Missier.”3

L-iskrittura tgħallimna li Satana jixtieq imexxi n-nies lejn id-dlam. Kull sforz li huwa jagħmel hu biex ibegħidna mid-dawl u l-verità ta’ Ġesù Kristu u l-evanġelju Tiegħu. Kif Leħi għallem lil uliedu, ix-xitan “jara x’ jagħmel biex il-bnedmin kollha jkunu miżerabbli bħalu.”4 Jekk il-“ħidma u … l-glorja” ta’ Missierna tas-Smewwiet hi “li jġib fis-seħħ l-immortalità u l-ħajja eterna tal-bniedem,”5 il-“ħidma” ta’ Luċifru hi li jwassal il-miżerja u n-niket lil ulied Alla. Id-dnub u t-trasgressjoni jtaffu l-qawwa tad-Dawl ta’ Kristu f’ħajjitna. Huwa għalhekk li l-għan tagħna għandu jkun li ngawdu aktar id-Dawl ta’ Kristu, li jwasslilna l-paċi, il-ferħ u l-hena.

Dawn l-aħħar 18-il xahar, il-Mulej ispira lill-profeti u l-Appostli Tiegħu biex jimplimentaw numru ta’ tibdil meraviljuż. Madankollu, jien ninkwieta li l-għanijiet spiritwali ta’ dan it-tibdil jafu jintilfu fl-eċċitament li għandna dwar dan l-istess tibdil.

Joseph F. Smith qal: “L-evanġelju veru, safi u sempliċi ta’ Ġesù Kristu ġie rrestawrat. Aħna responsabbli li nieħdu ħsiebu fid-dinja.”6 Huwa kompla jżid li l-evanġelju veru, safi u sempliċi hu “id-duttrina ta’ Kristu tas-salvazzjoni.”7

Fl-Artikli tal-Fidi, il-Profeta Joseph Smith għallem li “permezz tal-Att tal-Fidwa ta’ Kristu, il-bnedmin kollha jistgħu jiġu salvati, jekk huma jobdu l-liġijiet u l-ordinanzi tal-Evanġelju.”8

L-ewwel prinċipji tal-evanġelju huma fidi fil-Mulej Ġesù Kristu, indiema, magħmudija, id-don tal-Ispirtu s-Santu u nibqgħu nirreżistu sat-tmiem. Ħuh, Hyrum, għallimhom: “Ippridkawhom u erġgħu ppridkawhom: intom issibu li jum wara jum se jiġu żvelati lilkom ideat ġodda u aktar dawl relatat magħhom. Intom tistgħu telaboraw dwarhom … biex tifhmuhom aħjar. Imbagħad intom tkunu kapaċi twassluhom b’mod li jiftiehem aħjar minn dawk li intom tgħallmu.”9

L-aħjar mod kif aħna nistgħu nagħrfu l-għanijiet spiritwali tal-Knisja hu li ngħixu t-tagħlim veru, safi u sempliċi ta’ Kristu kif ukoll napplikaw iż-żewġ kmandamenti l-kbar tas-Salvatur: “Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha. … Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.”10

L-ubbidjenza lejn dawk iż-żewġ kmandamenti tipprovdilna mod kif aħna nistgħu nesperjenzaw aktar paċi u ferħ. Meta aħna nħobbu u nservu lill-Mulej u nħobbu u nservu lil għajrna, aħna, b’mod naturali, inħossu fina aktar ferħ li ma nistgħux niksbuh mod ieħor.

Li nħobbu lil Alla u nħobbu lil għajrna huwa s-sisien duttrinali tal-ministeru; tagħlim iċċentrat madwar id-dar u ssapportjat mill-Knisja; qima spiritwali ta’ jum is-Sabbath; u l-ħidma tas-salvazzjoni fuq iż-żewġ naħat tal-velu ssapportjata mis-Soċjetajiet tal-Għajnuna u l-kwora tal-presbiteri. Dawn l-affarijiet kollha huma bbażati fuq il-kmandamenti divini li nħobbu lil Alla u li nħobbu lil għajrna. Jista’ jkun hawn xi ħaġa aktar bażika, aktar fundamentali, u aktar sempliċi minn din?

Li aħna ngħixu l-pjan tal-evanġelju veru, safi u sempliċi jagħtina ċ-ċans li jkollna aktar ħin biex inżuru lir-romol, lill-orfni, lill-morda u l-foqra u lil dawk li jinsabu weħidhom. F’ħajjitna aħna nsibu l-paċi, il-ferħ u l-hena meta aħna nservu lill-Mulej u lil għajrna.

It-tibdil ta’ jum is-Sabbath li jenfasizza t-tagħlim u l-istudju tal-evanġelju ċċentrat madwar id-dar u ssapportjat mill-Knisja huwa opportunità biex aħna nġeddu l-ispirtu tagħna u d-devozzjoni tagħna lejn Alla bejn il-ħitan ta’ djarna. X’jista’ jkun aktar sempliċi, bażiku u profond? Ħuti, qegħdin tindunaw li t-tagħlim tal-evanġelju fil-familji tagħna huwa mod importanti kif aħna jista’ jkollna l-ferħ u l-hena f’ħajjitna?

Meta kien qed jitkellem dwar is-Sabbath, is-Salvatur qal: “Għax tassew li dan il-jum ġie mogħti lilkom biex fih intom tistrieħu minn ħidmietkom, u toffru d-devozzjoni tagħkom lill-Mulej l-Għoli.”11 Huwa kompla, “Biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ … permezz tal-hena u t-talb… intom għandkom tagħmlu dan kollu b’ringrazzjament, b’qalb u dehra ferrieħa … u b’qalb kuntenta u dehra ferrieħa.”12

Jekk jogħġobkom innutaw ċerti kliem ewlieni f’din ir-rivelazzjoni: ferħ, hena, ringrazzjament, qalb ferrieħa, qalb kuntenta u dehra ferrieħa. Għalija dan ifisser li l-qima ta’ jum is-Sabbath għandha twassal tbissima fuq ħaddejna.

Immaġni
merbħa fil-knisja

Hekk kif aħna nimministraw b’mod ogħla u aktar qaddis, jekk jogħġobkom ikkunsidraw kemm hi ħaġa essenzjali li aħna nilqgħu lil kull min jiġi għal-laqgħat tal-Knisja, speċjalment il-membri l-ġodda u l-viżitaturi. Aħna lkoll għandna nieħdu gost inkantaw l-innijiet u nisimgħu b’reqqa l-kliem tat-talb tas-sagrament b’ qalb u moħħ disponibbli.

It-testimonjanzi ta’ fidi fil-laqgħat tas-sawm u testimonjanza jiġu mmexxija mill-veskovat, li jaqsam testimonjanza qasira ffukata fuq il-pjan ta’ ferħ u l-evanġelju veru, safi u sempliċi ta’ Kristu. L-oħrajn kollha għandhom jimxu fuq l-eżempju tiegħu. Jeħtieġ niftakru li hemm postijiet xierqa oħra fejn nistgħu nirrakkontaw l-istejjer u nitkellmu dwar l-avventuri tas-safar. Hekk kif aħna nżommu t-testimonjanza tagħna sempliċi u ffokata fuq l-evanġelju ta’ Kristu, Huwa jipprovdilna ċertu tiġdid spiritwali hekk kif aħna naqsmu t-testimonjanzi tagħna bejnietna.

Ministeru effettiv nifhmuh aħjar jekk ħsibijietna jkunu fuq kif aħna se nħobbu lil Alla u lil għajrna. Fi kliem sempliċi, aħna nimministraw għaliex inħobbu lil Missierna tas-Smewwiet u lil uliedu. L-isforzi tagħna tal-ministeru jirnexxu aktar jekk il-ministeru tagħna nżommuh sempliċi. L-akbar ferħ jiġi mill-ħwejjeġ sempliċi tal-ħajja, għalhekk jeħtieġ li aħna noqogħdu attenti li ma naħsbux li hemm bżonn li nżidu aktar mat-tibdil li sar biex aħna nibnu l-fidi u testimonjanza b’ saħħitha f’qalb ulied Alla.

Ejja ma nikkomplikawx l-affarijiet b’aktar laqgħat, aspettattivi u rekwiżiti. Żommu kollox sempliċi. Hu fis-sempliċità li intom issibu l-paċi, il-ferħ u l-hena li kont qed nitkellem dwarha.

Għal snin twal l-għanijiet tat-tmexxija tal-Knisja, kif hemm iddikjarat f’ Handbook 2, huma riżultati mill-aktar ċari u sempliċi, li minnu se nikkwota dan li ġej:

Immaġni
familja waqt is-saldu tal-ħlas tad-dieċmi

“Il-mexxejja jħeġġu lill-membri kollha biex jirċievu l-ordinanzi essenzjali tas-saċerdozju, iżommu l-patti marbuta magħhom u jikkwalifikaw għall-eżaltazzjoni u l-ħajja eterna. …

Immaġni
koppja fit-tempju

Adulti: Ħeġġu lil kull adult biex ikun den li jirċievi l-ordinanzi tat-tempju. Għallmu lill-adulti kollha biex jidentifikaw lill-antenati tagħhom u jwettqu l-ordinanzi tat-tempju f’isimhom.

Immaġni
ordinazzjoni għas-saċerdozju
Immaġni
tfajliet b’kards ta’ ordinanza tat-tempju

Żgħażagħ: Għinu sabiex kull ġuvni jitħejja biex jirċievi s-Saċerdozju Melkisedeku, biex jirċievi l-ordinanzi tat-tempju u biex ikun den biex iservi missjoni full-time. Għinu lil kull tfajla tipprepara ruħha biex tkun denja li tagħmel u żżomm ċerti patti sagri u tirċievi l-ordinanzi tat-tempju. Saħħu liż-żgħażagħ permezz ta’ parteċipazzjoni f’attivitajiet sinifikanti.

Immaġni
kunsill tal-qasam

Il-Membri Kollha: Għinu lill-mexxejja tas-saċerdozju u dawk awżiljari, lill-kunsilli tal-qasam, lill-missjunarji full-time u lill-membri biex jaħdmu b’mod koperattiv fi sforz bilanċjat biex isalvaw lill-individwi, isaħħu l-familji u l-units tal-Knisja, ikabbru l-attività tas-saċerdozju, u jgħinu fil-ġabra ta’ Iżrael permezz tal-konverżjoni, tar-ritenzjoni u l-attivazzjoni. Għallmu lill-membri biex jipprovdu għalihom infushom u għall-familji tagħhom u jassistu lill-foqra u lil dawk fil-bżonn bil-mod li jrid il-Mulej.”13

Is-servizz tiegħi fil-Knisja berikni b’ħafna esperjenzi spiritwali meraviljużi u speċjali. Jiena xhud li l-Mulej imexxi l-Knisja Tiegħu biex iġib fis-seħħ l-għanijiet Tiegħu. Jiena rċevejt gwida divina lil hinn mill-kapaċità tiegħi. Għalija l-ferħ li nirċievu meta ngħixu l-evanġelju kien iċċentrat mad-duttrina u l-evanġelju vera, safi u sempliċi ta’ Ġesù Kristu.

Jiena servejt taħt l-imfietaħ u d-direzzjoni ta’ sitt profeti u presidenti tal-Knisja minn Spencer W. Kimball sa Russell M. Nelson. Jiena nixhed li kull wieħed minnhom kien u hu l-profeta magħżul t’Alla. Huma għallmuna ċerti prinċipji essenzjali dwar il-Knisja u l-evanġelju u d-duttrina ta’ Kristu. Il-President Nelson qed imexxi ‘l quddiem il-ħidma tal-Mulej b’pass mill-aktar mgħaġġel. Qed ngħid “mill-aktar mgħaġġel” għaliex hu l-uniku wieħed fost l-Appostli li hu akbar minni u nsibha diffiċli biex inlaħħaq miegħu! Jiena xhud li huwa jħaddan l-imfietaħ tas-saċerdozju u l-mantell ta’ profeta ta’ Alla. Il-President Nelson jgħallem l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu veru, safi u sempliċi ta’ Ġesù Kristu. Jiena naqsam it-testimonjanza tiegħi li Ġesù hu l-Kristu u din hi l-Knisja Tiegħu—li dwarhom jien nixhed b’umiltà f’ isem Ġesù Kristu, amen.

Ipprintja