2010-2019
Nisimgħu Leħnu
April 2019 Konferenza Ġenerali


Nisimgħu Leħnu

F’dinja b’tant ilħna li qegħdin jikkompetu, Missierna tas-Smewwiet għamilha possibbli għalina li nisimgħu leħnu u nimxu warajh.

Aktar kmieni dalgħodu, il-mara tiegħi rċeviet mingħand ħuha nota li hija kienet kitbet lil ommha ħafna snin ilu. Dak iż-żmien, Sister Homer kienet għadha tifla żgħira. Parti minnha kienet tgħid, “Għażiża Ommi, jiddispjaċini li llum ma qsamtx it-testimonjanza tiegħi—iżda jiena nħobbok.” Hekk kif mort għall-ikla tan-nofsinhar, bdejt naħseb kemm kienet interessanti dik in-nota. Għalhekk poġġejt bilqiegħda u ktibt nota li tgħid, “Għażiż President Nelson, jiddispjaċini li llum ma għamiltx id-diskors tiegħi—iżda jiena nħobbbok.” Madankollu ma ħassejtx li kien sewwa nagħmel dan. Għalhekk jiena ninsab hawn, u verament grat li nista’ nżid mal-kliem ta’ dawk li diġà tkellmu f’din is-sezzjoni llum.

Ħafna snin ilu, jiena kont qed nivvjaġġa fuq ajruplan żgħir misjuq minn wieħed pilota li ftit li xejn kien ilu ċċertifikat bħala pilota. Fi tmiem it-titjira tagħna, aħna ġejna mogħtija l-approvazzjoni biex nillandjaw. Iżda hekk kif konna qed noqorbu viċin l-art, jiena smajt ħoss ta’ allarm ġej mill-kokpit, twiddeb lill-pilota biex “jinqata’ ‘l fuq.” Il-pilota ħares lejn l-assistent pilota, bniedem b’aktar esperjenza minnu, li pponta fid-direzzjoni ‘l isfel, ‘il bogħod mir-ranwej, u qal, “Issa!”

L-ajruplan tagħna fil-pront ixxaqleb lejn ix-xellug u ‘l isfel, imbagħad reġa’ tela’ lura f’altitudni ġusta, fejn reġa’ beda l-proċedura biex jillandja, u aħna wasalna fid-destinazzjoni tagħna mingħajr periklu. Aktar tard sirna nafu li kien hemm ajruplan ieħor li kien ingħata l-approvazzjoni biex jibda t-tlugħ tiegħu. Li kieku aħna mxejna wara l-istruzzjonijiet tal-allarm, aħna konna nispiċċaw nibqgħu deħlin fl-ajruplan li kien ġej lejna, minflok nitbiegħdu minnu. Din l-esperjenza għallmitni żewġ lezzjonijiet importanti: L-ewwel, f’mumenti kritiċi f’ħajjitna, aħna nisimgħu diversi ilħna jikkompetu għall-attenzjoni tagħna. U t-tieni, huwa mill-aktar importanti li aħna nisimgħu l-leħen ġust.

Ilħna li Jikkompetu

Aħna ngħixu f’dinja mimlija ilħna li qed ifittxu l-attenzjoni tagħna. Bil-ħafna aħbarijiet, twijts, blogs, podkasts u pariri mqanqla mingħand Alexa, Siri u oħrajn, jista’ jkun li aħna nsibuha diffiċli nsiru nafu liema huma l-ilħna li għandna nafdaw. Xi kultant aħna nippruvaw infittxu l-gwida f’ħajjitna minn diversi sorsi, naħsbu li l-maġġoranza tipprovdi l-aqwa sors ta’ verità. Drabi oħra aħna nispiċċaw “(n)itlajjaw minn naħa għal oħra,”1 nagħżlu “la sħun u lanqas kiesaħ.”2 Madankollu xi drabi oħra aħna nimxu wara dak li hu konvenjenti, niffokaw fuq leħen wieħed jew ħaġa waħda biex jiggwidawna, jew niddependu esklussivament fuq l-abbiltà tagħna li naħsbu.

Filwaqt li kull waħda minn dawn il-modi jafu jkunu ta’ għajnuna, l-esperjenza tgħallimna li mhux dejjem ta’ min joqgħod fuqhom. Dak li hu popolari mhuwiex dejjem l-aħjar. Li noqogħdu nitlajjaw bejn żewġ opinjonijiet ma jwassalna mkien. Il-konvenjenza rari twassalna għal dak li hu l-aktar importanti. Li niffissaw fuq leħen wieħed jew ħaġa waħda jaf itappan l-abbiltà tagħna li naraw sew. U li nafdaw biss fuq il-ħsieb tagħna jaf iwassalna għal stupru iperintellettwali tal-ħsieb. Jekk aħna ma noqogħdux attenti, l-ilħna żbaljati jistgħu jbegħduna miċ-ċentri tal-evanġelju għal postijiet li fihom ikun diffiċli nsostnu l-fidi tagħna, u kull ma nispiċċaw insibu jkun biss vojt, imrar, u nuqqas ta’ sodisfazzjon.

Nisimgħu l-Leħen Żbaljat

Ippermettuli nurikom xi rrid infisser billi nuża analoġija u eżempju mill-iskrittura. L-alpinisti li jixxabtu mal-muntanji ħafna drabi jirreferu għal altitudni ‘l fuq minn 8,000 metru bħala “z-zona tal-mewt” peress li f’dak l-għoli, m’hemmx biżżejjed ossiġnu biex isostni l-ħajja. Jeżisti ekwivalenti spiritwali għaz-zona tal-mewt. Jekk aħna nqattgħu ħin wisq f’postijiet bla fidi, ċerti ilħna li l-intenzjoni tagħhom taf tidher bħala waħda tajba jispiċċaw iċaħħduna mill-ossiġnu spiritwali li aħna tant neħtieġu.

Fil-Ktieb ta’ Mormon, naqraw dwar Koriħoru, li għadda minn esperjenza simili. Huwa kien igawdi popolarità kbira għaliex it-tagħlim tiegħu kien “jogħġob il-moħħ karnali.”3 Huwa qal li l-ġenituri u l-profeti jgħallmu tradizzjonijiet kollha bluha mfassla biex jillimitaw il-ħelsien u jxerrdu l-injoranza.4 Huwa argumenta li n-nies għandhom ikunu ħielsa li jagħmlu dak kollu li jridu għaliex il-kmandamenti mhuma xejn ħlief restrizzjonijiet ippjanati b’mod konvenjenti.5 Għalih, it-twemmin fl-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu kien “effett ta’ moħħ marid,” riżultat ta’ twemmin f’xi ħadd li ma jistax ikun jeżisti għaliex ma tistax tarah.6

Koriħoru tant ħoloq ferment li huwa ttieħed quddiem il-prim imħallef u l-qassis il-kbir. Hemmhekk, huwa qam “bilwieqfa jitkellem bosta kliem fieragħ,” jikkritika l-mexxejja u jitlob li jixtieq jara xi sinjal. U sinjal ingħata. Huwa ntlaqat b’tali mod li ma setax jitkellem aktar. Koriħoru rrealizza li hu kien ġie mqarraq, u hekk kif f’moħħu feġġew veritajiet prezzjużi li huwa kien abbanduna, huwa qal, “Jien minn dejjem kont naf.”7

Koriħoru mbagħad beda jittallab għall-ikel sakemm huwa spiċċa maqtul, mgħaffeġ minn grupp Żoramiti.8 L-aħħar vers fl-istorja tiegħu fih din ir-riflessjoni mill-aktar intriganti: “U b’hekk naraw li x-xitan ma jissapportjax lil uliedu fl-aħħar jum, iżda jfittex li jkaxkarhom ‘l isfel lejn l-infern.”9

Il-Leħen il-Ġust

Peress li Missierna tas-Smewwiet irid l-aħjar għalina, Huwa jagħmilha possibbli għalina li nisimgħu leħnu. Ħafna drabi, aħna nisimgħuh permezz ta’ ċerti suġġerimenti mogħtija lilna mill-Ispirtu s-Santu. L-Ispirtu s-Santu huwa t-tielet membru tad-Divinità. Huwa jagħti xhieda tal-Missier u l-Iben,10 ġie mibgħut biex “jgħallimna kull ħaġa,”11 u “jurina dak kollu li għandna nagħmlu.”12

L-Ispirtu jkellem lil diversi nies f’diversi modi, u Huwa jaf ikellem lill-istess persuna b’diversi modi f’ħinijiet diversi. B’riżultat ta’ dan, li aħna nitgħallmu dwar id-diversi modi li Huwa jista’ jkellimna bihom hi xi ħaġa li nibqgħu niskopruha tul il-kumplament ta’ ħajjitna. Xi kultant, Huwa jkellimna f’“moħħna u f’ qalbna”13 b’leħen li huwa ċkejken madankollu qawwi, li jinfed “lil dawk li … jilqgħuh f’ qalbhom.”14 Xi drabi oħra, is-suġġerimenti Tiegħu “jokkupaw moħħna” jew “jaffettwaw is-sentimenti tagħna.”15 Drabi oħra, jikkawżaw li nħossu bħal “nar ġewwa fina.”16 Madankollu f’ xi drabi, Huwa jimla ruħna bil-ferħ, idawwal moħħna,17 jew iwassal il-paċi fil-qalb imtaqqla tagħna.18

Insibu Leħnu

Aħna nistgħu nsibu l-leħen ta’ Missierna f’ diversi postijiet. Nistgħu nsibuh meta nitlobu, meta nistudjaw l-iskrittura, u meta nattendu l-knisja, meta nkunu f’xi diskussjoni dwar l-evanġelju jew meta mmorru t-tempju. Bla dubju, aħna nistgħu nsibuh fil-konferenza f’dan it-tmiem il-ġimgħa.

Illum aħna sostnejna 15-il raġel bħala profeti, bassâra u rivelaturi. L-ispiritwalità u l-esperjenza tagħhom jagħtuhom il-perspettiva unika li aħna tant neħtieġu. Il-messaġġi tagħhom faċli nsibuhom u huma jitkellmu b’ċarezza assoluta. Huma jgħidulna dak li Alla jridna nkunu nafu, irrilevanti jekk hux popolari jew le.19

Hija ħaġa tajba li aħna nfittxu leħnu f’ wieħed minn dawn il-postijiet, iżda li aħna nfittxuh f’ħafna minnhom huwa saħansitra aħjar. U meta aħna nisimgħuh, jeħtieġ li aħna nimxu wara d-direzzjoni li jagħtina. L-Appostlu Ġakbu qal, “Kunu intom dawk li jagħmlu l-kelma, u mhux tisimgħuha biss.”20 U l-President Thomas S. Monson darba għallem: “Aħna nishru. Aħna nistennew. Aħna nisimgħu dak il-leħen sieket u ċkejken. Meta jitkellem, l-irġiel u nisa għaqlin jobdu.”21

Meta Ndumu biex Nirċievu d-Direzzjoni

Fl-ewwel żminijiet tal-ħajja professjonali tiegħi, jien u Sister Homer ġejna mitlubin naċċettaw bidla fl-essajnment tal-impjieg. Dak iż-żmien, din dehret għalina bħala deċiżjoni enormi . Aħna studjajna, somna u tlabna, iżda domna nistennew biex nirċievu tweġiba għal talbna. Eventwalment, aħna ħadna deċiżjoni u aġixxejna skont dik id-deċiżjoni. Hekk kif għamilna dan, aħna ħassejna fina l-paċi u malajr intbaħna li kienet waħda mill-aqwa deċiżjonijiet li konna ħadna.

B’riżultat ta’ dan, aħna tgħallimna li xi kultant indumu biex nirċievu tweġiba għal talbna. Dan jista’ jkun jew għaliex ma jkunx l-aħjar żmien, jew għaliex ma jkunx hemm għalfejn tweġiba għal talbna jew inkella għaliex Alla jafdana li nistgħu nieħdu deċiżjoni aħna stess. Il-Presbiteru Richard G. Scott darba għallem li aħna għandna nkunu grati għal mumenti bħal dawn u għamel din il-wegħda: “Meta intom tkunu qed tgħixu denji u l-għażla tagħkom hi konsistenti mat-tagħlim tas-Salvatur u jeħtieġ li intom taġixxu, agħmlu dan b’ fiduċja. … Alla mhux se jħallikom tkomplu mexjin ‘il bogħod wisq fit-triq mingħajr ma jagħtikom xi suġġeriment ta’ twissija jekk intom tkunu ħadtu xi deċiżjoni żbaljata.”22

Jeħtieġ li Nagħżlu

U għalhekk, jeħtieġ li aħna nagħżlu, fost l-ilħna differenti kollha, liema leħen għandna nagħżlu. Għandna aħna nimxu wara ilħna ta’ mhux min joqgħod fuqhom, li tippromovi d-dinja, jew għandna nwettqu l-ħidma meħtieġa biex nagħtu ċans leħen Missierna jiggwidana fid-deċiżjonijiet tagħna u jipproteġina mill-periklu? Aktar ma’ nfittxu leħnu b’diliġenza, aktar ikun faċli li nisimgħuh. Dan ma jseħħx għaliex leħnu jsir aktar jgħajjat iżda għaliex l-abbiltà tagħna li nisimgħuh tikber. Is-Salvatur wiegħed li jekk aħna “nagħtu kas tal-preċetti tiegħu u niftħu widnejna għall-kunsill tiegħu,” Huwa “jagħtina aktar.”23 Jiena nixhed li din il-wegħda hija vera—għalina lkoll.

Madwar sena ilu, aħna tlifna lil ħija l-kbir f’ aċċident tat-traffiku mill-aktar traġiku. Iż-żogħżija ta’ John kienet waħda ta’ potenzjal u sodisfazzjon. Iżda hekk kif huwa beda jikberċertu mard u moħħ li mhux dejjem kien jikkopera wasslu biex ħajtu saret waħda verament diffiċli. Filwaqt li l-fejqan li huwa kien qed jistenna ma seħħx f’din il-ħajja, John madankollu baqa’ sod fil-fidi tiegħu, determinat li jibqa’ jippersisti kemm seta’ sal-aħħar.

Issa, jiena naf li John ma kienx perfett, iżda nistaqsi x’kien dak li tah daqstant spirtu kumbattiv. Kienu ħafna l-ilħna li stednuh biex ma jimxix mal-prinċipji tal-evanġelju, iżda huwa għażel li ma jobdihomx. Minflok, huwa għamel l-almu tiegħu biex jankra ħajtu maċ-ċentru tal-evanġelju. Huwa għex ħajtu hemmhekk, għaliex huwa kien jaf li b’dan il-mod seta’ jsib il-leħen tal-Imgħallem; huwa għex ħajtu hemmhekk, għaliex hu kien jaf li kien hemm fejn huwa seta’ jiġi mgħallem.

Konklużjoni

Ħuti, f’dinja b’tant ilħna li qegħdin jikkompetu, jien nixhed li Missierna tas-Smewwiet għamilha possibbli għalina li nisimgħu leħnu u nimxu warajh. Jekk aħna nkunu diliġenti, Hu u Ibnu jagħtuna d-direzzjoni li aħna neħtieġu, il-qawwa li neħtieġu u l-ferħ li nixtiequ. F’isem Ġesù Kristu, amen.

Ipprintja