2010-2019
Ragħaj it-Tajjeb, Ħaruf ta’ Alla
April 2019 Konferenza Ġenerali


Ragħaj it-Tajjeb, Ħaruf ta’ Alla

Ġesù Kristu jsejħilna permezz tal-leħen Tiegħu u f’ismu. Huwa jfittixna u jiġborna flimkien. Huwa jgħallimna kif għandna nimministraw b’imħabba.

Għeżież ħuti, qatt kellkom problema biex torqdu u ppruvajtu tgħoddu n-nagħaġ immaġinarji? Hekk kif in-nagħaġ kollha suf jibdew jaqbżu ċ-ċint, intom tibdew tgħoddu: 1, 2, 3, … 245, 246, … 657, 658 …1

Fil-każ tiegħi, li noqgħod ngħodd in-nagħaġ ma tantx jgħinni biex norqod. Noqgħod ninkwieta li nħalli xi waħda barra, u dan iħallini mqajjem.

Flimkien mat-tfajjel ragħaj li sar sultan, aħna niddikjaraw:

“Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi; xejn ma jonqosni.

“F’mergħat kollha ħdura jqegħedni: ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni.

“Hemm hu jrejjaqni.”2

Immaġni
Stained glass bir-Ragħaj it-Tajjeb

F’dan iż-żmien tal-Għid, aħna niċċelebraw lir-Ragħaj it-Tajjeb, li huwa wkoll il-Ħaruf ta’ Alla. Fost it-titli divini Tiegħu kollha, l-ebda titlu mhu aktar ħelu jew sinifikanti. Aħna nistgħu nitgħallmu ħafna mill-mod li bih is-Salvatur tagħna jirreferi għalih innifsu bħala r-Ragħaj it-Tajjeb u mit-testimonjanzi profetiċi Tiegħu bħala l-Ħaruf ta’ Alla. Dawn l-irwoli u simboli huma kumplimentari ħafna—min aħjar biex jgħin lill-ħrief prezzjużi tiegħu mir-Ragħaj it-Tajjeb, u min aħjar biex ikun ir-Ragħaj it-Tajjeb tagħna mill-Ħaruf ta’ Alla?

“Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni,” u l-Uniku Iben Imnissel ta’ Alla minn jeddu ta ħajtu f’ubbidjenza lejn Missieru.3s Ġesù qed jgħidilna, “Jiena r-ragħaj it-tajjeb: ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu.”4 Ġesù kellu l-qawwa li jagħti ħajtu u l-qawwa li jerġa’ jeħodha lura.5 Flimkien ma’ Missieru, is-Salvatur tagħna unikament iberikna, kemm bħala r-Ragħaj it-Tajjeb kif ukoll bħala l-Ħaruf ta’ Alla.

Bħala r-Ragħaj it-Tajjeb, Ġesù Kristu jsejħilna permezz tal-leħen Tiegħu u tal-isem Tiegħu. Huwa jfittixna u jiġborna flimkien. Huwa jgħallimna kif għandna nimministraw b’imħabba. Ejjew nikkunsidraw dawn it-tliet temi, billi nibdew bih isejħilna permezz tal-leħen Tiegħu u tal-isem Tiegħu.

L-ewwel, ir-Ragħaj it-Tajjeb tagħna “isejjaħ in-nagħaġ tiegħu … b’isimhom. Huma jisimgħu leħnu.”6 U “permezz ta’ ismu huwa jsejħilkom, li huwa l-isem ta’ Kristu.”7 Hekk kif b’intenzjoni ġenwina aħna nfittxu li nimxu wara Ġesù Kristu, aħna niksbu l-ispirazzjoni biex nagħmlu t-tajjeb, li nħobbu lil Alla u nservuh.8 Hekk kif aħna nistudjaw, nixtarru u nitolbu; hekk kif aħna regolarment inġeddu l-patti tas-sagrament u tat-tempju; u hekk kif nistiednu lil kulħadd biex jersaq lejn l-evanġelju u l-ordinanzi Tiegħu, aħna nkunu qed nisimgħu mil-leħen Tiegħu.

Fi żmienna, il-President Russell M. Nelson qalilna biex insejħu l-Knisja rrestawrata bl-isem li żvela Ġesù Kristu: Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem.9 Il-Mulej qal, “Dak kollu li tagħmlu, agħmluh f’ismi; għalhekk għandkom issemmu l-knisja għalija; u għandkom titolbu lill-Missier f’ismi sabiex huwa jbierek il-Knisja minħabba fija.”10 Madwar id-dinja, f’qalbna u fi djarna, aħna nitolbu lill-Missier f’isem Ġesù Kristu. Aħna grati għal barka daqstant ġeneruża ta’ qima, ta’ studju tal-evanġelju u ta’ attivitajiet xierqa tal-familja ċċentrati madwar id-dar u ssapportjati mill-Knisja.

It-tieni, ir-Ragħaj it-Tajjeb tagħna jfittixna u jiġborna flimkien bħala l-merħla waħdanija Tiegħu. “Huwa jistaqsi, “Min hu dak fostkom li jkollu mitt nagħġa u jitlef waħda minnhom, u ma jħallix id-disgħa u disgħin l-oħra fid-deżert biex imur wara l-mitlufa, sa ma jsibha?”11

Is-Salvatur tagħna jilħaq lil waħda u lid-disgħa u disgħin, ħafna drabi fl-istess ħin. Hekk kif aħna nimministraw, aħna nagħrfu lid-disgħa u disgħin li huma determinati u sodi, anke hekk kif aħna nkunu nixtiequ nġibu lura lil dak li jkun inqata’ minn mal-merħla. Il-Mulej tagħna jfittixna u jeħlisna “minn kull fejn ninsabu mxerrdin,”12 “mill-erba’ naħat tad-dinja.”13 Huwa jiġborna permezz tal-patt imqaddes u d-demm tal-att tal-fidwa Tiegħu.14

Is-Salvatur tagħna qal lid-dixxipli Tiegħu fit-Testment il-Ġdid, “Għandi nagħaġ oħra, li mhumiex minn dan il-maqjel.”15 Ġewwa l-kontinent Amerikan, il-Mulej imqajjem mill-imwiet ta x-xhieda Tiegħu lill-ulied tal-patt ta’ Leħi, “Intom in-nagħaġ tiegħi.”16 U madankollu Ġesù qal li nagħaġ oħra sejrin jisimgħu leħnu.17 X’barka hu l-Ktieb ta’ Mormon bħala testment ieħor li jixhed leħen Ġesù Kristu!

Ġesù Kristu jistieden lill-Knisja biex tirċievi lil dawk kollha li jisimgħu leħnu18 u jżommu l-kmandamenti Tiegħu. Id-duttrina ta’ Kristu tinkludi l-magħmudija permezz tal-ilma u permezz tan-nar u l-Ispirtu s-Santu.19 Nefi staqsa, “Jekk il-Ħaruf ta’ Alla, li hu qaddis, kellu bżonn jitgħammed bl-ilma, biex iġib fis-seħħ is-sewwa kollha, mela allura, kemm aktar jeħtieġ li intom, li m’intomx qaddisa, titgħammdu, iva, anke bl-ilma!”20

Immaġni
Ġwanni jgħammed lil Ġesù

Illum is-Salvatur tagħna jixtieq li dak li aħna nagħmlu u dak li qed nippruvaw inkunu jasal biex jistieden lil ħaddieħor biex jiġi, jimxi warajh. Ejjew sibu l-imħabba, il-fejqan, l-għaqda u l-patt li jappartjenu lilu, inkluż fit-tempju mqaddes ta’ Alla, fejn ċerti ordinanzi sagri tas-salvazzjoni jistgħu jbierku lill-membri kollha tal-familja, u b’hekk jiġbru flimkien lil Iżrael fuq iż-żewġ naħat tal-velu.21

It-tielet, bħala “ir-Ragħaj ta’ Iżrael,”22 Ġesù Kristu jurina kif ir-rgħajja f’Iżrael jimministraw b’imħabba. Meta l-Mulej tagħna jistaqsina jekk aħna nħobbuhx, kif għamel lil Xmun Pietru, is-Salvatur tagħna jħeġġiġna: “Irgħa l-ħrief tiegħi. … Irgħa n-nagħaġ tiegħi. … Irgħa n-nagħaġ tiegħi.”23 Il-Mulej iwegħidna li meta r-rgħajja Tiegħu jirgħu lill-ħrief u lin-nagħaġ Tiegħu, dawk fil-merħla Tiegħu “ma jitbeżżgħux aktar, ma jitwaħħxux, u ħadd minnhom ma jonqos.”24

Ir-Ragħaj it-Tajjeb iwiddibna li r-rgħajja f’Iżrael m’għandhomx jorqdu,25 jew jixxerdu jew iwasslu biex in-nagħaġ joħorġu mill-merħla ,26 jew jagħmlu dak li jridu huma biex jiggwadanjaw xi ħaġa minnha.27 Ir-rgħajja ta’ Alla għandhom isaħħu, ifejqu, isewwu dak li hu miksur, iġibu lura lil dak li tbiegħed mis-sewwa, ifittxu lil dak li hu mitluf.28

Il-Mulej iwiddibna wkoll minn dak li hu mikri, li “ma jħabbilx rasu min-nagħaġ,”29 u minn “profeti foloz, li jiġu għandkom libsin ta’ nagħaġ, u minn ġewwa jkunu lpup ħattafa!.”30

Ir-Ragħaj it-Tajjeb jifraħ meta aħna neżerċitaw l-għażla morali individwali b’attenzjoni u b’fidi. Dawk li huma fil-merħla Tiegħu jħarsu lejn is-Salvatur tagħna bi gratitudni għas-sagrifiċċju Tiegħu tal-fidwa. Aħna nagħmlu patt li nimxu warajh, mhux b’mod passiv, jew fil-għama jew “b’mod timidu,” iżda minflok nixtiequ b’qalbna kollha u b’moħħna kollu li nħobbu lil Alla u lil għajrna, inġorru t-tagħbija ta’ xulxin u nifirħu bil-ferħ ta’ xulxin. Hekk kif Kristu minn jeddu ddedika r-rieda Tiegħu għar-rieda tal-Missier, bl-istess mod aħna b’qima għandna nieħdu fuqna ismu. B’ferħ aħna nfittxu li ningħaqdu mal-ħidma Tiegħu li niġbru flimkien u nimministraw lill-ulied kollha ta’ Alla.

Ħuti, Ġesù Kristu huwa r-Ragħaj it-Tajjeb perfett tagħna. Peress li Huwa ta ħajtu għalina u issa jinsab imqajjem mill-imwiet b’mod glorjuż, Ġesù Kristu huwa wkoll il-Ħaruf perfett ta’ Alla.31

Il-Ħaruf tas-sagrifiċċju ta’ Alla ilu jiġi rrappreżentat mill-bidu taż-żmien. L-anġlu qal lil Adam li s-sagrifiċċju tiegħu “hu xbieha tas-sagrifiċċju tal-Uniku Mnissel mill-Missier,” li jistedinna biex “nindmu u nsejħu lil Alla f’isem l-Iben għal dejjem ta’ dejjem.”32

Missierna Abraham, li stabbilixxa barkiet tal-patt għall-ġnus kollha tad-dinja, esperjenza xi jfisser li joffri l-iben imnissel tiegħu.

“U Iżakk qal lil Abraham missieru, Missier: u dak wieġbu: Hawn jien, ibni. U huwa wieġbu, Hawn huma n-nar u l-ħatab: fejn hu l-ħaruf għas-sagrifiċċju tal-ħruq …?

“U Abraham wieġbu, Alla jaħseb hu għall-ħaruf għas-sagrifiċċju, ibni.”33

L-Appostli u l-profeti bassru u ferħu bil-missjoni ppredestinata tal-Ħaruf ta’ Alla. Ġwanni fid-Dinja tal-Qedem u Nefi fid-Dinja l-Ġdida xehdu dwar “il-Ħaruf ta’ Alla,”34 “iva, sewwasew Bin il-Missier Etern[,] … il-Feddej tad-dinja.”35

Abinadi xehed dwar is-sagrifiċċju tal-att tal-fidwa ta’ Ġesù Kristu: “Aħna lkoll bħal nagħaġ mitlufa, kull wieħed minna qabad triq għal rasu; u l-Mulej xeħet fuqu l-ħażen tagħna lkoll.”36 Alma sejjaħ is-sagrifiċċju kbir u finali ta’ Bin Alla “l-unika ħaġa li hi ta’ importanza akbar minnhom kollha.” Alma ħeġġiġna, “Jeħtieġ li jkollhom il-fidi fil-Ħaruf ta’ Alla”; “ejjew u tibżgħux.”37

Waħda ħabiba għażiża tagħna qasmet miegħi t-testimonjanza prezzjuża tagħha tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu. Hija trabbiet temmen li d-dnub dejjem iwassal għal kastig kbir, liema kastig ikollna nġorruh weħidna. Hija talbet lil Alla biex hi tifhem il-possibbiltà tal-maħfra divina. Hija talbet li tifhem u ssir taf kif Ġesù Kristu jista’ jaħfer lil dawk li jindmu, kif il-ħniena tista’ tissodisfa l-ġustizzja.

Darba waħda t-talba tagħha ġiet imwieġba permezz ta’ esperjenza spiritwali li wasslet biex ittrasformatha. Wieħed raġel żagħżugħ ħareġ jiġri b’disprament minn ħanut tal-merċa b’żewġ basktijiet mimlijin ikel li hu kien seraq. Huwa mar jiġri fi triq traffikuża, fejn jiġri warajh kien hemm il-maniġer tal-ħanut, li qabdu u beda jgħajjat u jiġġieled miegħu. Minflok ma’ ħasset li kellha tiġġudika lil dak iż-żagħżugħ imwerwer bħala wieħed ħalliel, il-ħabiba tiegħi bla mistenni mtliet b’kompassjoni kbira għalih. Mingħajr biża’ jew bla ma bdiet tinkwieta għal dak li seta’ jiġrilha, hija marret dritt fuq iż-żewġ irġiel li bdew jiġġieldu. Hija spiċċajt tgħid, “Jiena lest inħallas tal-ikel. Jekk jogħġbok ħallih imur. Jekk jogħġbok ħallini nħallas tal-ikel.”

Imqanqla permezz tal-Ispirtu s-Santu u mimlija b’imħabba li qatt ma ħasset fiha qabel, ħabibti qalet, “Kulma ridt nagħmel kien li ngħin u nsalva lil dak iż-żagħżugħ.” Il-ħabiba tiegħi qalet li hi bdiet tifhem lil Ġesù Kristu u l-Att tal-Fidwa Tiegħu—kif u għalfejn b’imħabba pura u perfetta Ġesù Kristu kien lest li minn jeddu jissagrifika li jkun is-Salvatur u l-Feddej tagħha, u għalfejn hija riditu li jkun.38

Mhux ta’ b’xejn li aħna nkantaw:

Ara, ir-Ragħaj it-Tajjeb qed ifittex,

Ifittex il-ħrief il-mitlufa,

Iġibhom lura bil-ferħ,

Salvati b’prezz daqstant infinit.39

Bħala l-Ħaruf ta’ Alla, is-Salvatur tagħna jaf meta aħna nħossuna weħidna, inċerti jew beżgħana. Permezz ta’ viżjoni, Nefi ra l-qawwa tal-Ħaruf ta’ Alla “nieżla fuq il-qaddisin tal-knisja tal-Ħaruf, u fuq il-poplu tal-patt tal-Mulej.” Għalkemm “imferxin madawar id-dinja … huma jinsabu armati bis-sewwa u bil-qawwa ta’ Alla fi glorja kbira.”40

Din il-wegħda ta’ tama u faraġ tinkludi żmienna.

Inti l-uniku membru tal-Knisja fil-familja tiegħek, fl-iskola tiegħek, fil-post tax-xogħol tiegħek jew fil-komunità tiegħek? Bħala fergħa li intom parti minnha, xi kultant tħossukom żgħar jew iżolati? Inti mort toqgħod f’xi post ġdid, forsi b’xi lingwa jew drawwiet li mhux familjari magħhom? Jista’ forsi ċ-ċirkustanzi ta’ ħajtek inbidlu, u ċerti ħwejjeġ li qatt ma ħsibt li kienu possibbli issa jinsabu jikkonfrontawk? Is-Salvatur tagħna jiżgurana, huma x’inhuma ċ-ċirkustanzi, aħna minn aħna, permezz ta’ kliem Isaija: “Bi driegħu jiġmagħha, u l-ħrief fi ħdanu jerfagħhom; u n-nagħaġ ireddgħu bilmod imexxihom.”41

Immaġni
Ir-Ragħaj it-Tajjeb jiġbor in-nagħaġ Tiegħu

Ħuti, ir-Ragħaj it-Tajjeb isejħilna permezz tal-leħen Tiegħu u f’ismu. Huwa jfittex, jiġbor flimkien u jżur lill-poplu Tiegħu. Permezz tal-profeta ħaj Tiegħu u kull wieħed u waħda minna, Huwa jistedinna lkoll biex insibu l-paċi, l-għan, il-fejqan u l-ferħ fil-milja tal-evanġelju rrestawrat Tiegħu u fit-triq tal-patt Tiegħu. Bl-eżempju Tiegħu, Huwa jgħallem lir-rgħajja ta’ Iżrael biex jimministraw f’imħabbtu.

Bħala l-Ħaruf ta’ Alla, il-missjoni divina ta’ Ġesù ġie ppredestinata u ċċelebrata mill-appostli u l-profeti. L-Att tal-Fidwa Tiegħu, infinit u etern, huwa ċentrali għall-pjan ta’ ferħ u l-għan tal-ħolqien. Huwa jiżgurana li Hu se jressaqna viċin qalbu.

Għeżież ħuti, jalla aħna nuru x-xewqa li nkunu “dixxipli umli ta’ Alla u l-Ħaruf”42 forsi xi darba jkollna isimna miktub fil-ktieb tal-ħajja tal-Ħaruf,43 li nkantaw l-għanja tal-Ħaruf,44 li niġu mistednin għall-ikla tal-Ħaruf.45

Bħala Ragħaj u Ħaruf, Huwa jsejħilna, Ersqu għal darb’oħra “lejn il-veru għarfien … tal-Feddej tagħkom, … il-veru ragħaj kbir tagħkom.”46 Huwa jwiegħed li “permezz tal-grazzja tiegħu aħna nistgħu nsiru perfetti fi Kristu.”47

F’dan iż-żmien tal-Għid, aħna nfaħħruh:

“Jistħoqqlu l-Ħaruf!”48

“Osanna lill-Missier u l-Ħaruf!”49

Jiena nixhed dwaru, ir-Ragħaj it-Tajjeb perfett tagħna, il-Ħaruf ta’ Alla perfett. Huwa jsejħilna b’isimna, f’ismu—sewwasew l-isem sagru u mqaddes ta’ Ġesù Kristu—amen.

Ipprintja