L-Isem Korrett tal-Knisja
Ġesù Kristu talabna biex nirreferu għall-Knisja bl-isem Tiegħu għaliex hija l-Knisja Tiegħu, mimlija bil-qawwa Tiegħu.
Għeżież ħuti, f’ dan jum is-Sabbath mill-isbaħ aħna nifirħu flimkien għal bosta barkiet li aħna rċevejna mill-Mulej. Aħna verament grati għat-testimonjanzi tagħkom tal-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu, għas-sagrifiċċji li intom għamiltu biex tibqgħu fit-triq tal-patt jew terġgħu lura fiha, u għas-servizz ikkonsagrat tagħkom fil-Knisja Tiegħu.
Illum inħoss li għandi niddiskutu magħkom xi ħaġa ta’ importanza kbira. Ftit ġimgħat ilu, jiena ħriġt dikjarazzjoni dwar li aħna għandna nirreferu għall-Knisja bl-isem korrett tagħha.1 Jiena għamilt dan għaliex il-Mulej kellimni f’ moħħi dwar l-importanza tal-isem li Huwa żvela għall-Knisja Tiegħu, sewwasew il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem.2
Kif tistgħu tistennew, ir-reazzjoni għal din id-dikjarazzjoni u għall-gwida riveduta dwar l-istil3 kienet waħda mħallta. Kienu ħafna l-membri li b’ mod immedjat ikkoreġew l-isem tal-Knisja fuq il-blogs tagħhom u fil-paġni tagħhom tal-midja soċjali. Xi oħrajn staqsew għalfejn kien neċessarju, meta wieħed jikkonsidra x’ għaddej fid-dinja bħalissa, li aħna nenfasizzaw xi ħaġa daqstant “insinifikanti.” U xi wħud qalu li din il-ħaġa diffiċli sseħħ, mela għalfejn se noqogħdu nippruvaw? Ippermettuli nispjega għaliex din il-ħaġa aħna qed noħduha b’ daqstant serjetà. Iżda l-ewwel ippermettuli niddikjara dak kollu li dan l-isforz żgur mhuwiex:
-
Żgur mhuwiex bidla fl-isem.
-
Żgur mhuwiex dehra ġdida.
-
Żgur mhuwiex xi ħaġa kosmetika.
-
Żgur mhuwiex kapriċċ.
-
U żgur mhuwiex xi ħaġa insinifikanti.
Minflok, huwa korrezzjoni. Huwa l-kmand tal-Mulej. Ma kienx Joseph Smith li ta l-isem lill-Knisja li ġiet irrestawrata permezz tiegħu; lanqas kien Mormon. Kien is-Salvatur innifsu li qal, “Għax hekk għandkom issejħulha l-Knisja Tiegħi fl-aħħar jiem, sewwasew il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem.”4
Anke snin qabel, fis-sena 34 WK, il-Mulej tagħna, imqajjem mill-imwiet, qal ħaġa mill-aktar simili lill-membri tal-Knisja Tiegħu meta Huwa żarhom fil-Kontinent Amerikan. U dak iż-żmien Huwa qal:
“Għandkom tirreferu għall-knisja permezz ta’ ismi. …
“U kif tista’ tkun il-knisja tiegħi, jekk ma tkunx imsemmija għalija? Għaliex jekk knisja tkun imsemmija f’ isem Mosè, allura tkun il-knisja ta’ Mosè; jew jekk tkun imsemmija f’ isem xi bniedem, allura tkun il-knisja ta’ bniedem; iżda jekk tkun imsemmija f’ ismi, allura tkun il-knisja tiegħi.”5
Għalhekk, l-isem tal-Knisja mhuwiex negozjabbli. Meta s-Salvatur jiddikjara b’ mod ċar x’għandu jkun l-isem tal-Knisja Tiegħu u saħansitra jibda d-dikjarazzjoni Tiegħu bil-kliem, “Għalhekk il-knisja tiegħi għandha tissejjaħ,” għandna neħduh b’ serjetà kbira. U jekk aħna nippermettu l-użu ta’ dawk il-laqmijiet, jew anki nadottaw aħna stess jew saħansitra nippromwovuhom, aħna nkunu qed noffenduh.
Imma l-isem x’ differenza jagħmel, u f’ dan il-każ, il-laqam? Meta nitkellmu dwar ċerti ismijiet li jintużaw għall-Knisja, bħal “Knisja QAJ”, “il-Knisja Mormona,” jew “il-Knisja tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem,” l-aktar ħaġa importanti f’ dawk l-ismijiet huwa n-nuqqas tal-isem tas-Salvatur. Li nneħħu isem il-Mulej mill-Knisja tal-Mulej tkun vittorja ewlenija għal Satana. Meta aħna narmu isem is-Salvatur, b’ mod sottili aħna nkunu qed ninjoraw dak kollu li Ġesù Kristu għamel għalina—saħansitra l-istess Att tal-Fidwa Tiegħu.
Ikkunsidraw dan mill-perspettiva Tiegħu: fil-ħajja Primortali, Huwa kien Ġehova, l-Alla tat-Testment il-Qadim. Taħt id-direzzjoni ta’ Missieru, Huwa kien il-Ħallieq ta’ din id-dinja u dinjiet oħra.6 Huwa għażel li jissottometti r-rieda ta’ Missieru u jagħmel xi ħaġa għal ulied kollha ta’ Alla, ħaġa li ħadd aktar ma seta’ jwettaq! Billi kkondixxenda ruħu li jiġi f’ din id-dinja bħala l-Imnissel Waħdieni tal-Missier fil-ġisem, Huwa ppermetta li b’ mod mill-aktar brutali Huwa jiġi mgħajjar, mgħoddi biż-żmien, imsawwat, u ħalla lil min jobżoq fuqu. Fil-Ġnien tal-Ġetsemani, is-Salvatur tagħna ħa fuqu nnifsu kull uġigħ, kull dnub, u kull diqa ta’ qalb u sofferenza li qatt nistgħu nesperjenzaw int u jien, kif ukoll kull bniedem li qatt għex u li qatt irid jgħix fid-dinja. Taħt il-piż ta’ dik it-tagħbija mill-aktar doloruża, Huwa ċarċar demmu mill-pori kollha Tiegħu.7 Is-sofferenza kollha tiegħu intensifikat ruħha hekk kif Huwa ġie msallab b’ mod krudili fuq is-salib tal-Kalvarju.
Permezz ta’ dawn l-esperjenzi mill-aktar dolorużi u tar-Resurrezzjoni sussegwenti Tiegħu—L-Att tal-Fidwa infinit Tiegħu—Huwa kkonċeda l-immortalità lil kulħadd u feda lil kull wieħed u waħda minna mill-effetti tad-dnub, bil-kundizzjoni li aħna nindmu.
Wara r-Resurrezzjoni tas-Salvatur u l-mewt tal-Appostli Tiegħu, id-dinja spiċċat marret lura għal sekli sħaħ ta’ dalma. Imbagħad fis-sena 1820, Alla l-Missier u Ibnu, Ġesù Kristu, dehru lill-Profeta Joseph Smith u taw bidu għar-Restawrazzjoni tal-Knisja tal-Mulej.
Wara dak kollu li Huwa għadda minnu—u wara dak kollu li Huwa għamel għall-umanità—jiena nirrealizza b’ dispjaċir kbir li aħna mingħajr ma konna konxji ta’ dan spiċċajna biex drajna li l-Knisja rrestawrata tal-Mulej nirreferu għaliha b’ ismijiet oħra, li lkoll kemm huma jħallu barra l-isem sagru ta’ Ġesù Kristu!
Kull nhar ta’ Ħadd hekk kif b’ mod den aħna nieħdu sehem fis-sagrament, aħna nerġgħu nġeddu l-wegħda sagra tagħna ma’ Missierna tas-Smewwiet li aħna lesti li nieħdu fuqna isem Ibnu, Ġesù Kristu.8 Aħna nwiegħdu li nimxu warajh, nindmu, inżommu l-kmandamenti Tiegħu, u dejjem niftakru fih.
Meta aħna nneħħu l-Isem Tiegħu mill-Knisja Tiegħu, aħna involontarjament inkunu qed inneħħu Lilu lilu miċ-ċentru ta’ ħajjitna.
Li nieħdu fuqna isem is-Salvatur jinkludi li aħna niddikjaraw u nixhdu ma’ ħaddieħor—permezz ta’ għemilna u ta’ kliemna—li Ġesù hu l-Kristu. Tgħid aħna tant bżajna li noffendu lil xi ħadd li jsejħilna “Mormoni” li bqajna lura milli niddefendu lis-Salvatur innifsu, li niddefenduh saħansitra anke permezz tal-isem li għandha tissejjaħ bih il-Knisja Tiegħu?
Jekk aħna bħala poplu u bħala individwi rridu li jkollna aċċess għall-qawwa tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu—liema qawwa tkun tista’ tnaddafna u tfejjaqna, issaħħana u ultimament teżaltana—aħna lilu għandna nagħrfuh b’ mod ċar bħala s-sors ta’ dik il-qawwa. Aħna nistgħu nibdew billi nirreferu għall-Knisja Tiegħu bl-isem li Huwa stess iddikjara.
Għal parti kbira mid-dinja, il-Knisja tal-Mulej qed tinħeba bħalissa wara l-isem “il-Knisja Mormona.” Iżda aħna bħala membri tal-Knisja tal-Mulej nafu min hu l-mexxej tagħha: Ġesù Kristu nnifsu. Sfortunatament, ħafna li jisimgħu t-terminu Mormon jafu jaħsbu li aħna nqimu lil Mormon. Żgur mhux hekk! Aħna nonoraw u nirrispettaw lil dan il-profeta kbir tal-Amerka tal-qedem.9 Iżda aħna m’aħniex dixxipli ta’ Mormon. Aħna dixxipli tal-Mulej.
Fl-ewwel żminijiet tal-Knisja rrestawrata, ċerti termini bħal Knisja Mormona u Mormoni 10 ħafna drabi kienu jintużaw bħala epiteti—bħala termini krudili, termini abbużivi—intenzjonati biex iwaqqfu l-id divina ta’ Alla milli tirrestawra l-Knisja ta’ Ġesù Kristu f’ dawn l-aħħar jiem .11
Ħuti, kienu ħafna li argumentaw bil-mod kif taħseb id-dinja kontra li jiġi rrestawrat l-isem korrett tal-Knisja. Minħabba d-dinja diġitali li ninsabu ngħixu fiha u permezz tal-ottimizzazzjoni tas-serċ enġin li tgħin lilna lkoll insibu ċerta informazzjoni li aħna nkunu neħtieġu b’ mod immedjat—inkluż ċerta informazzjoni dwar il-Knisja tal-Mulej, il-kritiċi jgħidu li mhijiex ħaġa għaqlija li ssir din il-korrezzjoni issa. Oħrajn iħossu li peress li aħna magħrufin ma’ kulħadd bħala “Mormoni” u bħala “l-Knisja Mormona,” aħna għandna nipprofittaw ruħna kemm nistgħu minn dan.
Jekk din hija diskussjoni dwar x’isem aħna għandna nagħtu lil xi organizzazzjoni magħmula mill-bniedem, dawn l-argumenti jafu jreġu. Iżda f’ din il-ħaġa mill-aktar kruċjali, aħna nħarsu lejn Dak li Tiegħu hi din il-Knisja u nagħrfu li l-mod kif irid il-Mulej mhuwiex u qatt mhu se jkun il-mod kif irid il-bniedem. Jekk aħna nuru ftit paċenzja u jekk, b’ mod xieraq, aħna nagħmlu l-parti tagħna, il-Mulej imexxina f’ din il-ħidma mill-aktar importanti. Wara kollox, aħna nafu li l-Mulej jgħin lil dawk li jfittxu li jagħmlu r-rieda Tiegħu, kif Huwa għen lil Nefi jwettaq il-biċċa xogħol li huwa kellu li jibni vapur biex bih ikunu jistgħu jaqsmu l-baħar.12
Jeħtieġ li aħna nuru ċerta korteżija u paċenza fl-isforzi tagħna li nikkoreġu dawn l-iżbalji. Il-midja responsabbli għandha tifhem u tirrispondi b’ mod xieraq għat-talba tagħna.
F’ waħda mill-konferenzi ġenerali ta’ qabel, il-Presbiteru Benjamín De Hoyos tkellem dwar din il-ħaġa. Huwa qal:
“Xi snin ilu, meta jiena kont qed inservi fl-uffiċċju tal-affarijiet pubbliċi tal-Knisja fil-Messiku, jiena u sieħeb tiegħi ġejna mistednin biex nipparteċipaw f’ programm tar-radju. … Wieħed mid-diretturi tal-programm staqsiena, ‘Għalfejn il-Knisja għandha isem daqshekk twil? …’
“Jien u sieħbi tbissimna għal dik il-mistoqsija daqstant intriganti u mbagħad bdejna nispjegaw li l-isem tal-Knisja ma ġiex magħżul minn xi bniedem. Ġie mogħti mis-Salvatur. … B’ mod immedjat u mill-aktar rispettuż, id-direttur tal-programm wieġeb, ‘Mela għalhekk se jkun pjaċir tagħna li aħna nirreferu għaliha b’ dan il-mod.’”13
Dak ir-rapport ipprovdilna abbozz li stajna nimxu fuqu. Wieħed wieħed u waħda waħda, l-isforzi kbar tagħna bħala individwi se jkunu meħtieġa biex aħna nsewwu l-iżbalji li maż-żmien, bil-mod il-mod, spiċċaw biex ġew aċċettati.14 Il-kumplament tad-dinja jafu jiddeċiedu li jimxu max-xewqa tagħna li jirreferu għalina bl-isem korrett u jafu le. Iżda żgur li ma nkunux sinċiera magħna nfusna jekk aħna nħossuna frustrati li l-maġġoranza tad-dinja ssejjaħ lill-Knisja u l-membri tagħha bl-isem żbaljat jekk anke aħna nagħmlu l-istess.
Il-gwida riveduta dwar l-istil għandha tkun ta’ għajnuna. Tiddikjara: “Fl-ewwel referenza, l-isem sħiħ tal-Knisja huwa preferut: ‘Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem.’ Meta jkun hemm bżonn ta’ referenza aktar fil-qosor, [tat-tieni referenza] inħeġġukom tużaw it-termini “il-Knisja” jew “il-Knisja ta’ Ġesù Kristu.” It-terminu ‘Knisja rrestawrata ta’ Ġesù Kristu’ huwa wkoll preċiż u nħeġġukom tużawh.”15
Jekk xi ħadd jistaqsikom, “Inti Mormon?” intom għandkom twieġbu, “Jekk inti qed tistaqsini jekk jiena iniex membru tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem, iva, hekk hu!”
Jekk xi ħadd jistaqsikom, “Inti Qaddis tal-Aħħar Jiem?”16 intom tistgħu twieġbu, “Iva, hekk hu. Jien nemmen f’ Ġesù Kristu u jiena membru tal-Knisja rrestawrata Tiegħu.”
Għeżież ħuti, jiena nwegħidkom li jekk aħna nagħmlu l-almu tagħna biex nirrestawraw l-isem korrett tal-Knisja tal-Mulej, Dak illi tiegħu hija din il-Knisja jixħet fuq il-Qaddisin tal-Aħħar Jiem,17 il-qawwa u l-barkiet Tiegħu b’ abbundanza li qatt ma ġiet esperjenzata qabel. Aħna jkollna l-għarfien u l-qawwa ta’ Alla li jgħinuna naqsmu l-barkiet tal-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu ma’ kull ġens, razza, ilsien u poplu, u nħejju d-dinja għat-Tieni Miġja tal-Mulej.
Għalhekk x’ differenza tagħmel, x’ isem nużaw? Jekk qed nitkellmu dwar l-isem tal-Knisja tal-Mulej, l-isem huwa “Kollox!” Ġesù Kristu talabna biex nirreferu għall-Knisja bl-isem Tiegħu għaliex hija l-Knisja Tiegħu, mimlija bil-qawwa Tiegħu.
Jiena naf li Alla jgħix. Ġesù hu l-Kristu. Huwa jinsab imexxi l-Knisja Tiegħu llum. Jiena nixhed dan fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.