Fermi u Sodi fil-Fidi Tagħna fi Kristu
Biex aħna nippersistu b’ mod ferm u sod fil-fidi fi Kristu jeħtieġ li l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu jippenetra qalbna u ruħna.
Fl-istorja tat-Testment il-Qadim, aħna naqraw dwar żminijiet suċċessivi meta wlied Iżrael onoraw il-patt tagħhom ma’ Ġehova u qimuh, u żminijiet oħra meta huma injoraw dak il-patt u aduraw allat foloz jew lil Bagħlim.1
Iż-żmien li fih saltan Aħab kien wieħed mill-perjodi ta’ apostasija fis-saltna ta’ fuq ta’ Iżrael. Darba waħda l-profeta Elija qal lis-Sultan Aħab biex jiġbor lill-poplu ta’ Iżrael kif ukoll lill-profeti jew lill-qassisin ta’ Bagħal fuq il-Muntanja tal-Karmel. Meta n-nies inġabru flimkien, Elija qalilhom, “Kemm se ddumu titlajjaw minn naħa għal oħra? [jew fi kliem ieħor, “Meta se tiddeċiedu darba għal dejjem?”] jekk il-Mulej huwa verament Alla, mela morru warajh. Il-poplu ma għarafx iwieġeb.”2 Għalhekk Elija ta ordni biex kemm hu kif ukoll il-profeti ta’ Bagħal jaqbdu gendus, iqattgħuh bċejjeċ, u jqegħduh fuq il-ħatab fuq l-artali rispettivi tagħhom, bla “ma jkebbsu n-nar.”3 Imbagħad, “Intom sejħu l-alla tagħkom, u jiena nsejjaħ isem il-Mulej: dak l-alla li jwieġeb permezz tan-nar, dan ikun hu Alla. “Sewwa!” wieġeb il-poplu kollu.”4
Tiftakru kif il-qassisin ta’ Bagħal għamlu sigħat twal isejħu u jgħajtu lil alla tagħhom li ma kienx jeżisti biex jibgħat in-nar, iżda “ma kien hemm ebda kelma, ebda tweġiba, ebda widen.”5 Meta kien imissu Elija, huwa sewwa l-artal imkisser tal-Mulej, firex fuqu l-ħatab u mbagħad ordna li jinxteħet l-ilma fuqu, mhux darba, iżda tliet darbiet. Ma kienx hemm dubju li la hu u l-ebda qawwa oħra umana ma setgħet tqabbad dak il-ħatab.
“Fil-ħin li joffru s-sagrifiċċju, il-profeta Elija ħareġ fin-nofs u għajjat, Mulej, Alla ta’ Abraham, ta’ Iżakk u ta’ Iżrael, uri llum li inti Alla fost Iżrael, u li jiena l-qaddej tiegħek, u li dan kollu għamiltu għall-kelma tiegħek. …
“U niżel nar mingħand il-Mulej, u ħaraq il-vittma, u l-ħatab, u l-ġebel, u t-trab, sa ma xorob l-ilma fil-gandott.
“U dan rah il-poplu kollu, u nxteħtu wiċċhom fl-art jistqarru, Il-Mulej, Alla hu! il-Mulej, Alla hu.”6
Illum Elija jaf jgħid:
-
Alla, Missierna tas-Smewwiet, jew verament jeżisti jew le, iżda jekk Huwa jeżisti, qimuh.
-
Jew Ġesù Kristu huwa verament Iben Alla, il-Feddej tal-umanità imqajjem mill-imwiet, jew mhuwiex, iżda jekk Hu, imxu warajh.
-
Il-Ktieb ta’ Mormon jew huwa verament il-kelma ta’ Alla jew mhuwiex, iżda jekk hu, “intom tersqu ferm aktar viċin Alla jekk tistudjawh u tobdu l-preċetti li hemm fih.”7
-
Jew Joseph Smith verament ra u tkellem mal-Missier u l-Iben f’ dik l-għodwa tar-rebbiegħa tal-1820, jew le, iżda jekk dan hu minnu, minnu wkoll dak kollu li seħħ wara, inkluż il-mantell profetiku, li jinkludi l-imfietaħ tas-siġill li jiena, Elija, sawwabt fuqu.
Fl-aħħar konferenza ġenerali, il-President Russell M. Nelson iddikjara: “M’għandkomx għalfejn toqogħdu tinkwetaw dwar x’inhu veru [ara Moroni 10:5]. M’għandkomx għalfejn toqogħdu tinkwetaw dwar f’ min għandkom tafdaw. Permezz ta’ rivelazzjoni personali, intom tistgħu tirċievu xhieda personali li l-Ktieb ta’ Mormon huwa l-kelma ta’ Alla, li Joseph Smith huwa profeta, u li din hija l-Knisja tal-Mulej. Jgħid x’ jgħid jew jagħmel x’ jagħmel ħaddieħor, ħadd ma jista’ qatt jeħodlok ix-xhieda li inti rċevejt f’ qalbek u f’ moħħok dwar x’inhu veru.”8
Meta Ġakbu wiegħed li Alla jagħti lil kulħadd b’id miftuħa” lil dawk kollha li jfittxu l-għerf Tiegħu,9 huwa widdeb ukoll:
“Mela ħa jitlob bil-fidi, bla ma jitħasseb xejn. Għax min jitħasseb ikun jixbah lill-mewġ tal-baħar imqanqal u mqalleb bir-riħ.
“Bniedem bħal dan ma għandux jistenna li se jaqla’ xi ħaġa mingħand il-Mulej.
“Hu bniedem mifxul fih innifsu, u mhuwiex żgur mit-triq li jagħżel.”10
Is-Salvatur tagħna, mill-banda l-oħra, kien l-eżempju perfett tal-istabbilità. Huwa qal, “Il-Missier ma telaqnix waħdi, għax jiena dejjem nagħmel dak li jogħġob lilu.”11 Ikkunsidraw din id-deskrizzjoni mill-iskrittura ta’ rġiel u nisa li, bħas-Salvatur, kienu fermi u sodi:
Huma “ġew ikkonvertiti fil-vera fidi; u huma mhux se jitbiegħdu minnha, għaliex huma fermi u sodi, lesti bid-diliġenza kollha li jżommu l-kmandamenti tal-Mulej.”12
“Moħħhom huwa ferm u huma jafdaw f’ Alla kontinwament.”13
“U araw, intom tafu sew, għaliex intom rajtu b’ għajnejkom li dawk kollha li saru jafu bil-verità … huma fermi u sodi fil-fidi, u f’ dik il-ħaġa li permezz tagħha huma nħelsu.”14
“U kienu jżommu sħiħ fit-tagħlim tal-appostli u fl-għaqda ta’ bejniethom, fil-qsim tal-ħobż u fit-talb.”15
Biex aħna nippersistu b’ mod ferm u sod fil-fidi fi Kristu jeħtieġ li l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu jippenetra qalbna u ruħna, jiġifieri li l-evanġelju jsir mhux biss wieħed mill-ħafna influwenzi fil-ħajja ta’ persuna, iżda l-punt fokali li jiddefinixxi l-ħajja u l-karattru tagħha. Il-Mulej jgħid:
“U nagħtikom qalb ġdida, u ruħ ġdida nqiegħed ġo fikom; u nneħħi minn ġisimkom il-qalb tal-ġebel u nagħtikom qalb tal-laħam flokha.
“U nqiegħed ruħi ġo fikom, u nagħmel li timxu skont il-kmandamenti tiegħi, u li żżommu l-preċetti tiegħi u tħarsuhom.
“U … intom tkunu l-poplu tiegħi, u jien inkun l-Alla tagħkom.”16
Dan huwa l-patt li aħna nagħmlu permezz tal-magħmudija tagħna kif ukoll fl-ordinanzi tat-tempju. Iżda xi wħud għadhom ma laqgħux għal kollox l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu f’ ħajjithom. Minkejja li, kif qal Pawlu, huma “indifnu miegħu permezz tal-magħmudija,” huma għandhom neqsin il-parti li “kif Kristu kien imqajjem mill-imwiet … , hekk aħna … ngħixu ħajja ġdida.”17 L-evanġelju ma jiddefinixxihomx. Ħajjithom għadha mhux iċċentrata madwar Kristu. Huma selettivi dwar liema duttrina u kmandamenti għandhom jimxu warajhom u fejn u meta għandhom iservu fil-Knisja. B’ kuntrast għal dan, huwa meta huma jżommu l-patti tagħhom b’ eżattezza li dawk “li huma l-magħżulin skont il-patt”18 jevitaw il-qerq u jibqgħu sodi fil-fidi tagħhom fi Kristu.
Ħafna minna nsibu ruħna f’ dan il-mument fuq kontinwità ta’ bejn il-parteċipazzjoni motivata b’ mod soċjali fir-ritwali tal-evanġelju fuq naħa, u l-impenn żviluppat sewwa kif irid Kristu lejn ir-rieda ta’ Alla, fuq in-naħa l-oħra. X’ imkien tul din il-kontinwità, l-aħbar it-tajba tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu tidħol f’ qalbna u tasal biex tippossedi ruħna. Dan jaf jieħu ż-żmien biex iseħħ, iżda aħna lkoll għandna nimxu lejn dak l-istat imbierek.
Mhijiex ħaġa faċli iżda hu importanti ħafna li aħna nibqgħu fermi u sodi meta nsibu rwieħna qed niġu raffinati “fil-forn tan-niket,”19 xi ħaġa li xi darba jew oħra lkoll kemm aħna se nesperjenzaw f’ din il-ħajja mortali. Mingħajr Alla, dawk l-esperjenzi mudlama għandhom it-tendenza li jwasslu għad-diżordni, għad-disperazzjoni u saħansitra għall-imrar. Jekk ikollna lil Alla magħna, il-faraġ jieħu post l-uġigħ, il-paċi tieħu post il-konfużjoni, u t-tama tieħu post in-niket. Jekk aħna nibqgħu fermi fil-fidi ta’ Kristu aħna jkollna magħna l-grazzja u s-sapport Tiegħu li jsostnuna.20 Huwa jibdel l-isfida f’ barka u, fi kliem Isaija, “jagħti … kuruna flok irmied.”21
Ippermettuli nsemmi tliet eżempji li tagħhom jiena għandi ċertu għarfien personali.
Hemm mara li ssofri minn marda debilitanti u kronaka li baqgħet tippersisti minkejja l-attenzjoni medika, il-barkiet tas-saċerdozju u s-sawm u t-talb. Madankollu, il-fidi tagħha fil-qawwa tat-talb u r-realtà tal-imħabba ta’ Alla għaliha qatt ma naqsu. Hija tkompli tikkumbatti jum wara jum (u xi kultant siegħa wara siegħa) isservi skont is-sejħa tagħha fil-Knisja u, flimkien ma’ żewġha, tieħu ħsieb il-familja u lill-ulied ċkejknin tagħha, u tipprova titbissem kemm tista’. Il-kompassjoni tagħha lejn ħaddieħor hija xi ħaġa għal qalbha ferm u hija spiss tinsa l-problemi tagħha biex timministra lil ħaddieħor. Hija tkompli għaddejja b’ fermezza u n-nies verament iħossuhom kuntenti meta jkunu madwarha.
Wieħed raġel, li trabba fil-Knisja, serva bħala missjunarju full-time u żżewweġ mara mill-aktar meraviljuża, ħassu verament sorpriż meta xi wħud minn ħutu bdew jikkritikaw il-Knisja u l-Profeta Joseph Smith. Wara xi żmien huma telqu l-Knisja u ppruvaw jipperswaduh biex jagħmel l-istess. Kif kważi dejjem jiġri f’ każijiet bħal dawn, huma bbumbardjawh b’ kitbiet, b’ podkasts u b’ vidjos magħmula minn kritiċi, liema kritiċi ħafna minnhom qabel kienu membri li mbagħad telqu l-Knisja. Ħutu għaddew biż-żmien il-fidi tiegħu, fejn qalulu li huwa kien jibla’ kulma jisma’ u qed jiġi mqarraq. Huwa ma kellux tweġiba għal kull ħaġa li bdew jgħidulu, u hu spiċċa jiddubita l-fidi tiegħu taħt daqstant oppożizzjoni kontinwa. Huwa beda jtella’ u jniżżel jekk għandux jieqaf jattendi l-knisja. Huwa tkellem flimkien ma’ martu. Huwa tkellem ma’ nies li kien jafda fihom. Huwa talab. Hekk kif hu beda jimmedita f’ dan l-istat ta’ moħħ mill-aktar diffiċli, huwa ftakar f’ okkażżjoni partikolari li fiha huwa ħass l-Ispirtu s-Santu u rċieva xhieda tal-verità permezz tal-Ispirtu. Huwa kkonkluda, “Jekk jiena rrid inkun onest miegħi nnifsi, jeħtieġ nammetti li jien l-Ispirtu ħassejtu fija b’ qawwa aktar minn darba u t-testimonjanza tal-Ispirtu hija waħda mill-aktar reali.” Huwa għandu sens imġedded ta’ ferħ u paċi li jaqsam flimkien ma’ martu u wliedu.
Raġel u mara li b’ mod konsistenti u b’ ferħ dejjem imxew f’ ħajjithom wara l-kunsill tal-Aħwa bdew iħossuhom imnikktin minħabba d-diffikultà li bdew jesperjenzaw biex ikollhom it-tfal. Huma nefqu ammont ta’ flus mhux ħażin f’ nies mediċi professjonali u kompetenti u, wara xi żmien, huma ġew imbierka b’ tifel. Traġikament, madankollu, wara sena biss, it-tarbija kienet vittma ta’ aċċident li ma kien tort ta’ ħadd iżda li wassal biex huwa jispiċċa fi stat semikomatosi, minħabba ħsara sinifikanti f’ moħħu. Huwa rċieva l-aqwa kura, iżda t-tobba ma jistgħux jipprevedu x’ se jiġri eżatt minnu. It-tifel li din il-koppja ħadmet u talbet tant biex ġabitu fid-dinja spiċċa biex, f’ ċertu sens, ittieħed minnhom, u huma ma jafux jekk huwa għadx jerġa’ lura għandhom. Issa huma jinsabu jitħabtu biex jieħdu ħsieb il-bżonnijiet kritiċi tat-tarbija tagħhom filwaqt li jwettqu r-responsabbiltajiet l-oħra tagħhom. F’ dan il-mument mill-aktar diffiċli, huma daru lejn il-Mulej. Huma jafdaw fil- “ħobż ta’ kuljum” li huma jirċievu mingħandu. Huma għandhom ukoll ċerta għajnuna mingħand ħbieb u membri tal-familja mimlijin kompassjoni u jissaħħu wkoll permezz tal-barkiet tas-saċerdozju. Huma saru aktar viċin xulxin, fejn l-unjoni tagħhom pjuttost li issa saret waħda aktar profonda u aktar kompluta milli qatt ħasbu li kien possibbli.
Fit-23 ta’ Lulju, 1837, il-Mulej ta rivelazzjoni lil dak li kien il-President tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu, Thomas B. Marsh. Kienet tinkludi dan li ġej:
“U itlob għal ħutek tat-Tnax. Widdibhom b’ qawwa f’ ġieħ ismi, u araw li jiġu mwiddbin minħabba dnubiethom kollha, u li għandhom ikunu fidili quddiemi f’ ismi.
“U wara t-tentazzjoni tagħhom u ħafna tribulazzjoni, ara, jiena lilhom nitħassarhom, u jekk huma ma jwebbsux qalbhom u rashom kontrija, huma jaslu biex jikkonvertu u jiena nfejjaqhom.”22
Jiena nemmen li l-prinċipji li hemm f’ dawn il-versi japplikaw għalina lkoll. It-tentazzjoni u t-tribulazzjoni li aħna nesperjenzaw, kif ukoll kull prova li l-Mulej jara li għandu jimponi fuqna, jistgħu jwasslu għall-konverżjoni sħiħa u l-fejqan sħin tagħna. Iżda dan jista’ jseħħ biss jekk aħna ma nwebbsux qalbna u rasna kontrih. Jekk aħna nibqgħu fermi u sodi, jiġri x’ jiġri, aħna niksbu l-konverżjoni li s-Salvatur tkellem dwarha meta Huwa qal lil Pietru, “Meta terġa’ lura għas-sewwa, wettaq lil ħutek,”23 konverżjoni tant kompluta li ma nistgħux nitbiegħdu minnha. Il-fejqan imwiegħed huwa t-tindif u s-santifikazzjoni tar-ruħ imġarrba bid-dnub tagħna, u aħna naslu biex nitqaddsu.
Jiena jiġi f’ moħħi l-kunsill ta’ ommijietna: “Kul il-ħaxix tiegħek; jagħmillek il-ġid.” Ommijietna sewwa kienu jgħidu, u fil-kuntest li nibqgħu sodi fil-fidi tagħna, “kul il-ħaxix tiegħek” ifisser li nitolbu kontinwament, li niffesteġġjaw fuq l-iskrittura kuljum, li naqdu u nqimu fil-Knisja, li kull ġimgħa, b’ mod den, aħna nieħdu sehem fis-sagrament, li nħobbu lil għajrna u li nġorru salibna kuljum f’ ubbidjenza lejn Alla.24
Dejjem ftakru fil-wegħda tal-barkiet li hemm lesti, kemm f’ din il-ħajja kif ukoll fil-ħajja ta’ wara din, għal dawk li huma fermi u sodi fil-fidi tagħhom fi Kristu. Ftakru “fil-ħajja eterna u fil-ferħ tal-Qaddisin.”25 “O intom kollha li intom safja f’ qalbkom, erfgħu raskom ‘il fuq u rċievu l-kelma ħelwa ta’ Alla, u iffesteġġjaw permezz ta’ mħabbtu; u hekk ikun, jekk moħħkom jibqa’ dejjem ferm, għal dejjem.”26 F’ isem Ġesù Kristu, amen.