Skuntentizza Divina
L-iskuntentizza divina tista’ twassalna biex naġixxu b’ fidi, u nimxu wara l-istedina tas-Salvatur li nagħmlu t-tajjeb u b’ umiltà noffru ħajjitna lilu.
Meta jiena kont nattendi l-iskola elementari, biex imorru lura lejn id-dar aħna konna ngħaddu minn trejqa fil-wita li kienet tisserrep ‘il fuq ‘l hawn u ‘l hinn man-naħa tal-għolja. Kien hemm trejqa oħra, imtarrba, li konna nsejħulha “it-trejqa tas-subien.” It-trejqa tas-subien kienet mogħdija fl-imħarbat li kienet telgħa dritta għal fuq l-għolja. Kienet iqsar iżda ferm aktar wieqfa. Għalkemm kont tifla żgħira, jien kont naf li stajt ngħaddi mill-istess trejqa li kienu jgħaddu minnha s-subien. Aktar importanti minn hekk, jiena kont naf ukoll li kont qed ngħix fl-aħħar jiem u li kien meħtieġ minni li nagħmel affarijiet diffiċli, kif għamlu l-pijunieri—u ridt inkun preparata. Għalhekk kull tant żmien, jien kont ninqata’ lura mill-grupp ta’ sħabi li konna nkunu mexjin fil-wita, kont inneħħi ż-żarbun li nkun liebsa, u nitlaq nimxi ħafja mit-trejqa tas-subien. Jiena kont qed nipprova nħarrax ftit saqajja.
Bħala tifla żgħira tal-Primarja, jien hekk ħsibt li kelli nagħmel biex nipprepara lili nnifsi. Illum naf ftit aħjar minn hekk! Minflok ma noqgħod immur nimxi ħafja tul xi trejqa mal-muntanja, jiena jaf li nista’ nipprepara saqajja ħalli jimxu fit-triq tal-patt billi nwieġeb għall-istedina tal-Ispirtu s-Santu. Għaliex il-Mulej, permezz tal-profeti Tiegħu, qiegħed isejjaħ lil kull wieħed u waħda minna biex ngħixu u nieħdu ħsieb lil ħaddieħor b’ “mod aktar ogħla u qaddis” u “nieħdu pass aktar fil-għoli.”1
Dawn is-sejħiet profetiċi biex aħna nagħmlu xi ħaġa, flimkien mas-sens istintiv tagħna li aħna nistgħu nagħmlu aktar u nkunu nies aħjar, xi kultant jaf joħloq fina dak li l-Presbiteru Neal A. Maxwell iddeskriva bħala “skuntentizza divina.”2 Din l-iskuntentizza divina nesperjenzawha meta aħna nqabblu dak li aħna ma’ “dak li għandna l-qawwa li nsiru.”3 Ilkoll kemm aħna, jekk aħna onesti, inħossu fina spazju li jissepara fejn aħna ninsabu u min aħna bħalissa, u fejn u min jeħtieġ inkunu. Aħna nixtiequ li jkollna kapaċità personali ferm akbar. Aħna nħossuna hekk għaliex aħna wlied Alla, li twelidna bil-Dawl ta’ Kristu fina, li madankollu ninsabu ngħixu f’ dinja mitlufa. Dawn is-sentimenti tahomna Alla u joħolqu fina ċerta urġenza biex nagħmlu xi ħaġa.
Aħna għandna ninkuraġġixxu dawn is-sentimenti ta’ skuntentizza divina li jinkuraġġuna biex nimxu fi triq ogħla, filwaqt li nagħrfu u nevitaw l-imitazzjoni ta’ Satana—l-iskoraġġiment li jipparalizzana. Dan huwa spazju prezzjuż li Satana b’ ħerqa kbira jipprova jimla. Aħna nistgħu nagħżlu li jew nimxu fit-triq ogħla li twassalna biex infittxu lil Alla u s-sliem u l-grazzja Tiegħu, jew inkella nistgħu nagħżlu li nisimgħu lil Satana, li jibbumbardjana b’ messaġġi li aħna qatt mhu se nkunu biżżejjed: sinjuri biżżejjed, intelliġenti biżżejjed, attraenti biżżejjed, kull ħaġa oħra biżżejjed. L-iskuntentizza tagħna nistgħu nsarrfuha f’ xi ħaġa divina—jew distruttiva.
Aġixxu bil-Fidi
Mod kif aħna nistgħu niddistingwu l-iskuntentizza divina mill-imitazzjoni ta’ Satana hu peress li l-iskuntentizza divina twassalna biex nagħmlu għemejjel tajbin. L-iskuntentizza divina mhijiex stedina biex aħna nibqgħu fiż-żona komda tagħna, u lanqas ma twassalna biex niddispraw. Jiena tgħallimt li meta jiena naħli ħini naħseb dwar dak kollu li jiena minix, jiena ma nagħmel l-ebda progress, u nsibha aktar diffiċli li nħoss l-Ispirtu u nimxi warajh.4
Meta kien għadu żagħżugħ, Joseph Smith beda jħossu konxju ħafna tan-nuqqasijiet tiegħu u beda jinkwieta dwar “il-benesseri tar-ruħ immortali tiegħu.” Skont kliemu, “Jiena verament bdejt ninkwieta għaliex bdejt inħoss fija ħtija kbira minħabba dnubieti, u … ħassejtni rrid nibki għal dnubieti u għad-dnubiet tad-dinja.”5 Dan wasslu biex “jirrifletti bis-serjetà u jħossu verament inkwetat.”6 Intom ġieli ħassejtukom bħalu? Tħossukom anzjużi u nkwetati minħabba n-nuqqasijiet tagħkom?
Mela, Joseph għamel xi ħaġa dwar dan. Huwa qal, “Jiena spiss kont ngħid lili nnifsi: X’ jeħtieġ li nagħmel?”7 Joseph aġixxa b’ fidi. Huwa dar lejn l-iskrittura, qara l-istedina li tinsab f’ Ġakbu 1:5, u dar lejn Alla għall-għajnuna. Il-viżjoni li kienet riżultat ta’ dak li huwa għamel tat bidu għar-Restawrazzjoni. Jiena verament grata li l-iskuntentizza divina ta’ Joseph, iż-żmien li huwa għamel inkwetat u konfuż, wassluh biex jaġixxi b’ fidi.
Nimxu Wara s-Suġġerimenti biex Nagħmlu t-Tajjeb
Ħafna drabi d-dinja tuża s-sentiment tal-iskuntentizza bħala skuża biex aħna niffokaw fuqna nfusna, billi nħarsu lura lejn il-passat tagħna u nibdew ninkwetaw fuq min Jien, fuq dak li jien minix, u fuq dak li jien irrid. L-iskuntentizza divina timmotivana biex nimxu wara l-eżempju tas-Salvatur, “li għadda jagħmel il-ġid.”8 Hekk kif aħna nimxu fit-triq li jimxu fiha d-dixxipli, aħna nirċievu ċerta ispirazzjoni kif nistgħu nilħqu lil ħaddieħor.
Storja li jiena smajt snin ilu għenitni nagħraf u mbagħad naġixxi skont is-suġġerimenti li jien nirċievi mill-Ispirtu s-Santu. Sister Bonnie D. Parkin, li kienet President Ġenerali tas-Soċjetà tal-Għajnuna, qalet dan li ġej:
“Susan … kienet ħajjata mill-aqwa. Il-President [Spencer W.] Kimball kien jgħix fil-qasam tagħha. Darba waħda f’ jum il-Ħadd, Susan innotat li huwa kien liebes libsa ġdida. Ftit żmien qabel missierha …kien xtralha biċċa drapp tal-ħarir mill-aktar skwiżit. Susan ħasset li minn dak id-drapp hija setgħet toħroġ ingravata li taqbel mal-libsa l-ġdida tal-President Kimball. Għalhekk l-għada t-Tnejn hija għamlet l-ingravata. Hija geżwritha f’ karta fina u telqet lejn id-dar tal-President Kimball.
“Hekk kif kienet qed toqrob lejn il-bieb ta’ barra, hija waqfet f’ daqqa u qalet bejnha u bejn ruħha, “Jiena min jien biex nagħmel ingravata għall-profeta? Huwa probabbilment għandu ħafna minnhom.’ Hi ddeċidiet li kienet għamlet żball u daret biex titlaq.
“F’ dak il-mument Sister Kimball fetħet il-bieb ta’ barra u qalet, ‘Ara, Susan!’
“Kollha nervuża u imbarazzata, Susan qaltilha, ‘Il-Ħadd rajt lill-President Kimball liebes il-libsa ġdida tiegħu. Missieri għadu kif xtrali ftit ħarir minn New York … għalhekk jiena ħittlu ingravata.’
“Qabel ma Susan kellha ċans tkompli titkellem, Sister Kimball waqfitha, poġġiet idha fuq spallejha u qaltilha: ‘Susan, qatt tinjora xi ħsieb ġeneruż li tkun tħassejt ġewwa fik.’”9
Verament togħġobni din il-frażi! “Qatt tinjora xi ħsieb ġeneruż li tkun tħassejt ġewwa fik.” Xi kultant meta jiena nħoss li għandi nagħmel xi ħaġa għal xi ħadd, ma nkunx ċerta jekk dak li nħoss huwiex suġġeriment mill-Ispirtu jew inkella jkunux sempliċiment il-ħsibijiet tiegħi. Iżda jiena ġejt imfakkra illi “dak li ġej minn Alla jistedinna u jħeġġiġna biex nagħmlu t-tajjeb kontinwament; għalhekk, kull ħaġa li tistedinna u tħeġġiġna biex nagħmlu t-tajjeb, u nħobbu lil Alla, u naqduh, hija ispirata minn Alla.”10
Kemm jekk huma suġġerimenti diretti jew inkella impulsi biex jgħinuna, għemil tajjeb qatt mhu moħli, għaliex il-karità ma tintemm qatt”11—u mhi qatt ħażina.
Ħafna drabi jista’ jkun li l-ħin ikun għalina wieħed inkonvenjenti, u rari ħafna li aħna nagħrfu l-impatt tal-għemejjel żgħar tagħna ta’ servizz. Iżda kultant, aħna nagħrfu li aħna ġejna wżati bħala strumenti f’ idejn Alla u nkunu grati li nsiru nafu li l-mument li fih l-Ispirtu s-Santu beda jaħdem permezz tagħna kien mument li fih rajna manifestazzjoni tal-approvazzjoni ta’ Alla.
Ħuti, jien u intom nistgħu nitolbu biex l-Ispirtu s-Santu jurina “dak kollu li għandna nagħmlu,”12 anke meta l-iskeda ta’ ħwejjeġ li għandna nagħmlu taf tidher mimlija daqs bajda. Meta nħossu fina li għandna nagħmlu dan, aħna għandna nħallu l-borom fis-sink jew nipposponu ċerti affarijiet li ħaddieħor jistenna minna li nagħmlu biex inqattgħu ftit ħin naqraw mat-tfal tagħna, jew inżuru xi ħabiba, jew nieħdu ħsieb it-tfal tal-ġara tagħna jew inżuru t-tempju. Tifhmunix ħażin—jiena waħda li nħobb nagħmel il-listi; inħobb ningassa l-affarijiet li nkun lestejt. Iżda l-paċi niksbuha meta aħna nkunu nafu li nkunu aktar mhux neċessarjament ifisser li jirnexxielna nwettqu aktar. Li jiena weġibt għall-iskuntentizza billi ddeċidejt li nimxi wara ċerti suġġeriment li jien ħassejt fija wassal biex seħħet bidla fil-mod kif jiena bdejt inħares lejn “il-ħin tiegħi,” u kif inħares lejn l-oħrajn, mhux bħala dawk li qed jinterrompuni, iżda bħala l-iskop ta’ ħajti.
L-Iskuntentizza Divina Twassalna ħdejn Kristu
L-iskuntentizza divina twassalna biex nikbru fl-umiltà, u mhux biex noqogħdu nitħassru lilna nfusna jew naqtgħu qalbna, xi ħaġa li hija riżultat ta’ meta aħna noqogħdu nqabblu lilna nfusna ma’ dak kollu li ma jilħaqx l-aspettattivi tagħna. In-nisa li jżommu l-patti jafu jkunu differenti f’ ħafna affarijiet minn xulxin; fil-familji tagħhom, fl-esperjenzi tagħhom tal-ħajja u fiċ-ċirkustanzi varji tagħhom.
Bla dubju, ilkoll kemm aħna mhux dejjem nilħqu l-massimu tal-potenzjal divin tagħna, u xi ftit verità żgur li hemm fir-realizzazzjoni li weħidna m’aħniex biżżejjed. Iżda l-aħbar it-tajba tal-evanġelju hi li bis-saħħa tal-grazzja ta’ Alla, aħna fil-fatt biżżejjed. Bl-għajnuna ta’ Kristu, aħna nistgħu nagħmlu kollox.13 L-iskrittura twegħidna li aħna nistgħu “insibu f’waqtha l-grazzja li neħtieġu.”14
Il-verità sorprendenti hi li d-dgħjufijiet tagħna jistgħu jsarrfu f’ barka meta huma jwasslu biex aħna niċċekknu u jressquna lura lejn Kristu.15 L-iskuntentizza issir divina meta aħna, b’ umiltà nersqu lejn Ġesù Kristu bid-dgħjufijiet tagħna, minflok ma noqogħdu nitħassru lilna nfusna.
Fil-fatt, il-mirakli ta’ Ġesù ħafna drabi jibdew billi wieħed jirrikonoxxi d-dgħjufijiet, il-bżonn, il-falliment u l-inadegwatezza tiegħu. Tiftakru fil-ħobż u l-ħut. Il-kittieba tal-Evanġelju kollha kemm huma jitkellmu kif Ġesù b’ mod mirakoluż tama’ eluf ta’ nies li mxew warajh.16 Iżda l-istorja tibda bid-dixxipli jagħrfu n-nuqqas li huma kellhom; huma rrealizzaw li kellhom biss “ħames ħobżiet tax-xgħir u żewġ ħutiet żgħar; imma dawn x’inhuma għal daqstant nies?”17 Id-dixxipli kellhom raġun: huma ma kellhomx biżżejjed ikel, iżda huma offrew dak kollu li kellhom u mbagħad Hu pprovda l-miraklu.
Ġieli ħsibtu li t-talenti u d-doni tagħkom huma żgħar wisq għall-ħidma li għandkom quddiemkom? Jiena ġieli ħassejtni hekk. Iżda jiena u intom nistgħu noffru dak li għandna lil Kristu, u Hu jimmultiplika l-isforzi tagħna. Dak li intom għandkom x’ toffru huwa aktar minn biżżejjed—minkejja d-debbolizzi u d-dgħjufijiet tagħkom—jekk intom tafdaw fil-grazzja ta’ Alla.
Il-verità hi li aħna lkoll tfal tal-ewwel ġenerazzjoni bħala wlied id-Divinità f’ din id-dinja—ilkoll kemm aħna wlied Alla.18 U l-istess kif Huwa għamel bil-profeti u b’ irġiel u nisa ordinarji tul iż-żminijiet, Missierna tas-Smewwiet irid li jittrasforma lilna wkoll.
C. S. Lewis spjega l-qawwa li tittrasforma ta’ Alla b’ dan il-mod: “Immaġinaw lilkom infuskom bħala dar ħajja. Alla jiġi biex idurha dawra. Jista’ jkun li għall-ewwel tibdew tifhmu xi jkun qed jagħmel. Huwa jsewwi l- problemi fil-katusi u jwaqqaf l-ilma li jkun qed iqattar mis-saqaf, eċċetra; intom kontu tafu li dawk l-affarijiet kien hemm bżonn min idurhom u għalhekk ma tissorpredux ruħkom. Iżda f’ daqqa waħda huwa jibda jagħmel ħafna tibdil kbir fid-dar u dan verament iweġġagħkom lilkom. … Għax araw, Huwa qed jibni dar differenti mhux ħażin minn dik li intom kontu qed timmaġinaw. … Intom ħsibtu li huwa kien se jagħmel minkom daqsxejn ta’ għarix żgħir u diċenti: iżda Huwa jinsab jibni palazz. L-intenzjoni Tiegħu hi li jiġi u jgħix fih Hu stess.”19
Iżda minħabba s-sagrifiċċju tal-att tal-fidwa tas-Salvatur tagħna, aħna nistgħu nkunu kapaċi nwettqu l-ħidma li hemm lesta għalina. Il-profeti għallmu li, hekk kif aħna nimxu fit-triq li jimxu fiha d-dixxipli, aħna nistgħu nitqaddsu permezz tal-grazzja ta’ Kristu. L-iskuntentizza divina tista’ twassalna biex naġixxu b’ fidi, nimxu wara l-istedina tas-Salvatur li nagħmlu t-tajjeb u b’ umiltà noffru ħajjitna lilu. F’ isem Ġesù Kristu, amen.