Il-Ferħ ta’ Servizz Altruwista
Aħna wegħidna lil Missierna tas-Smewwiet li aħna se nservu lilu u lil ħaddieħor b’ imħabba u se nagħmlu r-rieda Tiegħu f’ kollox.
Wara l-aħħar konferenza ġenerali, ħafna nies ġew jistaqsuni l-istess mistoqsija: “Dawk is-siġġijiet komdi?” It-tweġiba tiegħi kienet dejjem waħda: “Dawk is-siġġijiet huma komdi ħafna jekk ma jkollokx għalfejn titkellem.” Sewwa qed ngħid? Is-siġġu tiegħi ma kienx daqstant komdu f’ din il-konferenza, iżda jiena verament grata għall-barka u l-unur li ġejt mogħtija li nkellimkom illejla.
Xi kultant waqt li nkunu qed inservu, ikun jeħtieġ li noqogħdu bilqiegħda f’ siġġijiet differenti. Xi wħud huma komdi tassew u xi oħrajn mhumiex, iżda aħna wegħidna lil Missierna tas-Smewwiet li aħna se nservu lilu u lil ħaddieħor b’ imħabba u se nagħmlu r-rieda Tiegħu f’ kollox.
Ftit tas-snin ilu, iż-żgħażagħ fil-Knisja tgħallimtu li “meta intom ‘timbarkaw fis-servizz ta’ Alla’ [Duttrina u Patti 4:2], intom tkunu sseħibtu mal-akbar vjaġġ li tistgħu tissieħbu miegħu. Intom qed tgħinu lil Alla jħaffef il-ħidma Tiegħu, u hija verament esperjenza kbira, meraviljuża u li timliekom bil-ferħ.”1 Huwa vjaġġ disponibbli għal kulħadd—hi x’inhi l-età—u huwa wkoll vjaġġ li joħodna tul dik li l-maħbub profeta tagħna jsejħilha “it-triq tal-patt.”2
Sfortunatament, madankollu, aħna ngħixu f’ dinja egoista fejn in-nies kontinwament jistaqsu, “Jien x’ se nakkwista?” minflok ma jistaqsu, “Lil min nista’ ngħin illum?” jew “Kif nista’ nservi aħjar lill-Mulej fis-sejħa Tiegħi?” jew “Jien qed nagħti dak kollu li nista’ lill-Mulej?”
Eżempju kbir f’ ħajti ta’ servizz altruwista hija Sister Victoria Antonietti. Victoria kienet waħda mill-għalliema tal-Primarja fil-fergħa li kont fiha meta jien kont għadni qed nikber ġewwa l-Arġentina. Kull nhar ta’ Tlieta wara nofsinhar, meta konna ninġabru għall-Primarja, hija kienet iġġibilna kejk taċ-ċikkulata. Kulħadd kien iħobb il-kejk—jew aħjar, kulħadd ħlief jien. Jiena verament ma kontx inħobb il-kejk taċ-ċikkulata! U avolja hija kienet tipprova taqsam il-kejk miegħi, jien dejjem kont nirrifjuta.
Darba waħda wara li hi kienet qasmet il-kejk taċ-ċikkulata mal-kumplament tat-tfal, jien staqsejtha, “Għalfejn ma ġġibux ta’ xi ħaġa oħra—bħal per eżempju tal-larinġ jew tal-vanilla?”
Wara li daħqet ftit, hija staqsietni, “Inti għalfejn ma’ tippruvax idduq biċċa? Dan il-kejk huwa magħmul minn ingredjenti speċjali, u nwiegħdek li jekk idduqu, jogħġbok żgur!”
Jiena ħarist ħarsa madwari, u b’ sorpriża għalija, kulħadd kien jidher li l-kejk kien qed jogħġbu. Jiena aċċettajt li nduqu. X’ taħsbu li ġara? Għoġobni! Dik kienet l-ewwel darba li jiena qatt ħadt gost niekol kejk taċ-ċikkulata.
Kellhom jgħaddu bosta snin biex jien sirt naf x’ kienu l-ingredjenti sigrieti fil-kejk taċ-ċikkulata ta’ Sister Antonietti. Jiena u wliedi konna mmorru kull ġimgħa naraw lil ommi. F’ waħda minn dawn iż-żjajjar, jien u Ommi konna qed nieħdu gost nieklu biċċa kejk taċ-ċikkulata, u jiena bdejt nirrakkontalha kif spiċċajt inħobb il-kejk. Imbagħad hija fakkritni fil-kumplament tal-istorja.
“Għax ara, Cris,” qaltli ommi, “Victoria u l-familja tagħha ma tantx kellhom flus, u kull ġimgħa hija kellha tagħżel bejn li tħallas għal tal-linja biex tkun tista’ twassal lilha u l-erba’ wliedha għall-Primarja jew inkella li tixtri l-ingredjenti biex bihom tagħmel kejk taċ-ċikkulata għall-klassi tagħha tal-Primarja. Hija dejjem għażlet il-kejk taċ-ċikkulata minflok il-karozza tal-linja, u hi u wliedha kienu jispiċċaw ikollhom jimxu aktar minn żewġ mili, ‘l hemm u ‘l hawn, xemx u xita.”
Dak inhar jiena bdejt napprezza aktar il-kejk taċ-ċikkulata tagħha. Aktar importanti minn hekk, jiena tgħallimt li l-ingredjent sigriet fil-kejk ta’ Victorja kien l-imħabba li hija kellha għal dawk li kienet isservi u s-sagrifiċċju altruwista tagħha għal ġid tagħna.
Li nikkontempla dwar il-kejk ta’ Victoria jgħinni biex niftakar dwar sagrifiċċju mill-aktar altruwista f’ lezzjonijiet eterni mgħallma mill-Mulej lid-dixxipli Tiegħu hekk kif Huwa kien miexi lejn il-maħżen tat-tempju. Intom tafuha l-istorja. Il-Presbiteru James E. Talmage għallem li kien hemm 13-il senduq, “u f’ kull wieħed minnhom in-nies xeħtu l-kontribuzzjoni tagħhom għal għanijiet differenti indikati skont l-iskrizzjonijiet li kien hemm fuq il-kaxxi.” Ġesù beda josserva lid-donaturi li kienu jinsabu ringiela wara l-oħra, magħmulin minn kull tip ta’ nies. Xi wħud offrew ir-rigali tagħhom b’ “għan sinċier” filwaqt li oħrajn tefgħu “għadd kbir ta’ fidda u deheb,” jittamaw li xi ħadd jarahom, jinnotahom u jfaħħarhom għad-donazzjonijiet tagħhom.
“Fost dawn il-ħafna kien hemm waħda armla fqira, li … xeħtet f’ wieħed mis-sniedaq tal-maħżen żewġ muniti żgħar tal-bronż magħrufin bħala ħabbiet; il-kontribuzzjoni tagħha kienet tammonta għal anqas minn nofs ċenteżmu fi flus Amerikani. Il-Mulej sejjaħ lid-dixxipli Tiegħu madwaru, talabhom iħarsu lejn dik l-armla fqira u jinnutaw il-ġest tagħha u qalilhom: ‘Tassew ngħidilkom, li din l-armla fqira tefgħet iktar minn dawk kollha li tefgħu fit-teżor: Għax dawk kollha tefgħu miż-żejjed tagħhom, imma hi, fil-faqar tagħha, tefgħet kull ma kellha, dak kollu li kellha biex tgħix’ [Mark 12:43–44].”3
L-armla ma kenitx tidher li kienet tħaddan xi pożizzjoni importanti fis-soċjetà ta’ żmienha. Fil-fatt hija kienet tħaddan xi ħaġa aktar importanti: l-intenzjoni tagħha kienet safja, u hija tat dak kollu li setgħet. Huwa veru li hija tat anqas mill-oħrajn, b’ mod aktar sieket mill-oħrajn, b’ mod differenti mill-oħrajn. F’ għajnejn xi wħud, dak li hija tat kien insinifikanti, iżda f’ għajnejn is-Salvatur, “dak li jgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb,”4 hija kienet tat dak kollu li kellha.
Ħuti, qegħdin aħna nagħtu kull m’għandna lill-Mulej mingħajr ebda riserva? Qegħdin aħna nissagrifikaw il-ħin u t-talenti tagħna ħalli l-ġenerazzjoni li għadha tielgħa tkun tista’ titgħallem tħobb lill-Mulej u żżomm il-kmandamenti Tiegħu? Qegħdin aħna nimministraw kemm lil dawk ta’ madwarna kif ukoll lil dawk assenjati lilna b’ imħabba u b’ diliġenza—nissagrifikaw il-ħin u l-enerġija li stajna qed nużaw għal xi ħaġa oħra? Qegħdin aħna ngħixu ż-żewġ kmandamenti l-kbar—li nħobbu lil Alla u nħobbu lil uliedu?5 Ħafna drabi din l-imħabba narawha fis-servizz.
Il-President Dallin H. Oaks għallem: “Is-Salvatur tagħna ta lilu nnifsu permezz ta’ servizz mill-aktar altruwista. Huwa għallem li lkoll kemm aħna għandna nimxu warajh billi niċħdu lilna nfusna minn kull interess egoista sabiex inservu lil ħaddieħor.”
Huwa kompla:
“Eżempju familjari kif aħna nistgħu niddedikaw ruħna għas-servizz tal-oħrajn … huwa permezz tas-sagrifiċċju li l-ġenituri jagħmlu għal uliedhom. L-ommijiet isofru l-uġigħ u jissagrifikaw ċerti prijoritajiet u kumditajiet personali biex huma jrabbu u jieħdu ħsieb uliedhom. Il-missirijiet jagħmlu ċertu tibdil f’ ħajjithom u fil-prijoritajiet tagħhom biex jissapportjaw il-familja. …
“… Aħna nirrikonoxxu wkoll lil dawk kollha li jinsabu jieħdu ħsieb il-membri tal-familja tagħhom b’diżabilità u l-ġenituri anzjani tagħhom. L-ebda persuna li tkun qed isservi b’ dan il-mod qatt ma tistaqsi, jien x’ se nakkwista? F’ dan kollu jeħtieġ li wieħed iwarrab fil-ġenb il-konvenjenza personali u minflok joffri s-servizz altruwista tiegħu. …
“U f’ dan kollu naraw il-prinċipju etern li fil-verità aħna nkunu ferm aktar kuntenti u sodisfatti meta aħna naġixxu u naqdu għal dak li nagħtu u mhux għal dak li nistgħu niksbu.
“Is-Salvatur tagħna jgħallimna sabiex nimxu warajh billi nagħmlu s-sagrifiċċji neċessarji li niddedikaw ruħna f’ servizz altruwista lejn ħaddieħor.”6
Bl-istess mod, il-President Thomas S. Monson għallem li “probabbilment meta aħna għad niġu wiċċ imb wiċċ mal-Ħallieq tagħna, Huwa mhux se jistaqsina, ‘Kemm il-pożizzjoni għolja inti kellek?’ iżda pjuttost, ‘Kemm il-persuna inti għent?’ Fil-verità, inti qatt ma tista’ tħobb lill-Mulej jekk lilu inti ma taqdix billi taqdi l-poplu Tiegħu.”7
Fi kliem ieħor, ħuti, mhux se tagħmel differenza jekk aħna qagħdniex bilqiegħda fis-siġġijiet il-komdi jew jekk aħna għaddejna l-laqgħa bilqiegħda fuq siġġijiet imsaddin, minn dawk li jingħalqu fir-ringiela ta’ wara. Lanqas mhi se tagħmel differenza jekk aħna, għall-konvenjenza, ħriġniex f’ xi intrata biex infarrġu tarbija li kienet qed tibki. Li se tagħmel differenza hi li aħna kellna x-xewqa li nservu, li aħna nnotajtna lil dawk li lilhom għandna nimministraw u lilhom ilqajna b’ ferħ, u li aħna introduċejna lilna nfusna ma’ dawk li kienu jinsabu ħdejna fir-ringiela ta’ siġġijiet li jingħalqu—li nilħqu lil ħaddieħor permezz tal-id ta’ ħbiberija avolja aħna ma ġejniex assenjati sabiex lilhom nimministraw. U m’hemmx dubju li tagħmel differenza li aħna nagħmlu dan kollu li nagħmlu permezz tal-ingredjent speċjali tas-servizz flimkien mal-ingredjenti tal-imħabba u tas-sagrifiċċju.
Jiena tgħallimt li m’hemmx għalfejn nagħmlu xi kejk taċ-ċikkulata biex inkunu għalliema tal-Primarja dedikati u ta’ suċċess, għaliex l-argument fil-verità mhuwiex il-kejk. Huwa l-imħabba wara l-għemil.
Jiena nixhed li dik l-imħabba ssir waħda sagra permezz tas-sagrifiċċju—is-sagrifiċċju ta’ għalliema u aktar minn hekk permezz tas-sagrifiċċju l-kbir u etern ta’ Iben Alla. Jiena nagħti x-xhieda tiegħi li Huwa jgħix! Jiena nħobbu u nixtieq neħles mix-xewqat egoisti kollha tiegħi sabiex inkun nista’ verament inħobb u nimministra bħalu. F’ isem Ġesù Kristu, amen.