2010-2019
Nibdnu l-Pedament ta’ Ħidma Kbira
Ottubru 2018


Nibnu l-Pedament ta’ Ħidma Kbira

Il-lezzjonijiet li aħna ngħallmu permezz tad-drawwiet li aħna nistabbilixxu ġewwa djarna, minkejja li jafu jidhru bħala xi ħaġa żgħira u sempliċi, aktar ma jmorru aktar qed isiru importanti fid-dinja tal-lum.

Bħala ġenituri f’ Sijon, aħna għandna responsabbiltà sagra li ngħinu lil uliedna irawmu fihom ċerta passjoni u impenn għall-ferħ, għad-dawl u l-veritajiet tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Hekk kif aħna nkunu qed inrabbu lil uliedna, aħna nistabbilixxu ċerti drawwiet ġewwa djarna u nibnu mudell ta’ komunikazzjoni u mġieba fir-relazzjonijiet tagħna bħala familja. Filwaqt li nagħmlu dan, id-drawwiet li aħna nistabbilixxu għandhom irawmu f’ uliedna karatteristiċi mill-aktar b’ saħħithom u sodi ta’ tjubija li jimlewhom bil-qawwa biex jikkonfrontaw l-isfidi tal-ħajja.

Għal ħafna snin, aħna bħala familja gawdejna flimkien id-drawwa annwali li mmorru nikkampjaw fuq l-għoli tal-Muntanji Uintah fil-grigal ta’ Utah. Aħna nivvjaġġaw 20 mil tul triq imtarrba sakemm naslu f’ wied ħadrani mill-isbaħ, imdawwar b’ irdum verament għoli u li minn bejnu tgħaddi xmara b’ ilma mill-aktar ċar u frisk. Kull sena, bit-tama li nirriaffermaw il-valur tad-duttrina u d-drawwiet tal-evanġelju f’ qalb uliedna u wlied uliedna, jiena u Susan nistaqsu lil kull wieħed minn uliedna s-subien u l-familji tagħhom biex iħejju messaġġ qasir dwar xi suġġett li huma jħossu li huwa element importanti fis-sisien ta’ dar iċċentrata fuq Kristu. Imbagħad aħna ninġabru għal devozzjonali tal-familja f’ post xi ftit maqtugħ, u lkoll kemm huma jippreżentaw il-messaġġ tagħhom.

Messaġġi miktuba fuq il-ġebel

Din is-sena, in-neputijiet tagħna kitbu s-suġġett tal-messaġġi tagħhom fuq ġebel żgħir, u mbagħad, wieħed, wieħed u waħda, difnuhom ħdejn xulxin, bħala rappreżentazzjoni tal-pedament sod li fuqu għandna nistabbilixxu ħajja kuntenta. Minsuġa fost is-sitt messaġġi tagħhom kien hemm il-verità immutabbli u eterna li Ġesù Kristu huwa l-ġebla tax-xewka ta’ dak il-pedament.

Fi kliem Isaija, “Hekk dan jgħid Sidi l-Mulej, Jien inqiegħed fis-sod ġebla f’Sijon, ġebla magħżula u prezzjuża, ġebla tax-xewka, msejsa sewwa, u min jemmen fiha ma jitħarrikx.”1 Ġesù Kristu huwa dik il-ġebla tax-xewka prezzjuża fil-pedament ta’ Sijon. Kien Hu li żvela lill-Profeta Joseph Smith: “Għalhekk, qatt tieqfu tagħmlu t-tajjeb, għaliex intom qed tibnu l-pedament ta’ ħidma mill-aqwa. U minn ħwejjeġ żgħar joħorġu ħwejjeġ kbar.”2

Il-lezzjonijiet li aħna ngħallmu permezz tad-drawwiet li aħna nistabbilixxu ġewwa djarna, minkejja li jafu jidhru bħala xi ħaġa żgħira u sempliċi, aktar ma jmorru aktar qed isiru importanti fid-dinja tal-lum. X’inhuma l-ħwejjeġ żgħar u sempliċi li, meta nistabbilixxuhom, jaslu biex iġibu fis-seħħ ħidma mill-aktar importanti fil-ħajja ta’ wliedna?

M’ilux il-President Russell M. Nelson indirizza kongregazzjoni kbira ħdejn Toronto, il-Kanada, u b’ mod mill-aktar kommoventi huwa fakkarna, lilna l-ġenituri, dwar ir-responsabbiltà sagra li għandna li ngħallmu lil uliedna. Fost ir-responsabbiltajiet essenzjali li huwa identifika, il-President Nelson enfasizza d-dmirijiet li aħna għandna bħala ġenituri li ngħallmu lil uliedna jifhmu għalfejn huma jieħdu sehem fis-sagrament, is-sinifikat li huma twieldu fil-patt u l-importanza li huma jitħejjew biex jirċievu barka patrijarkali, u huwa ħeġġeġ lill-ġenituri biex ikunu huma li jikkordinaw il-qari flimkien tal-iskrittura bħala familja.3 Permezz ta’ dawn l-isforzi, il-profeta maħbub tagħna talabna b’ ħerqa biex nagħmlu minn djarna “santwarji ta’ fidi.”4

Fil-Ktieb ta’ Mormon, Enos kiteb dwar il-gratitudni mill-aktar profonda li huwa ħass għall-eżempju ta’ missieru, li “għallmu bil-lingwa tiegħu, kif ukoll fid-dixxiplina u t-twiddib tal-Mulej.” B’ mod mill-aktar emozzjonali, Enos iddikjara, “U mbierek ikun l-isem ta’ Alla għal dan.”5

Jiena verament ngħożż id-drawwiet żgħar u sempliċi li aħna drajna nosservaw f’ darna tul il-35 sena ta’ żwieġ tagħna. Bosta mit-tradizzjonijiet tagħna huma sottili madankollu sinifikanti. Per eżempju:

  • Fil-ħinijiet ta’ filgħaxija meta jiena kont inkun ninsab ‘il bogħod mid-dar, jiena kont naf li taħt id-direzzjoni ta’ Susan, l-ikbar fost it-tfal preżenti fid-dar dak il-ħin kien jieħu fuqu r-responsabbiltà li jmexxi l-familja fl-istudju tal-iskrittura u t-talb tal-familja.6

  • Drawwa oħra––aħna qatt ma nħallu darna jew intemmu xi konverżazzjoni bit-telefon mingħajr ma’ ngħidu lil xulxin, “Inħobbok.”

  • Ħajjitna ġiet imbierka għaliex aħna niddedikaw ħin fuq bażi regolari biex b’ ferħ nintervistaw personalment lil kull wieħed minn uliedna. Waqt waħda minn dawn l-intervisti jiena staqsejt lit-tifel tagħna dwar ix-xewqat li huwa kellu u t-tħejjija tiegħu biex iservi missjoni. Wara li ddiskutejna xi ftit bejnietna, għaddejna mument ta’ silenzju riflessiv; imbagħad huwa dar lejja u b’ leħen ta’ qima ddikjara, “Pa, tiftakar meta jiena kont tifel ċkejken u inti bdejt tagħmilli l-intervisti ta’ missier?” Jiena weġibtu, “Iva.” “Sewwa,” qalli hu, “Jiena wegħidtek li jien kont se nservi missjoni, u int u ommi wegħidtuni li kontu sejrin isservu wkoll missjoni meta tixjieħu.” Imbagħad kien hemm bħal pawsa. “Jaqaw intom għandkom xi problema li qed iżżomkom milli sservu—forsi jien nista’ ngħinkom?”

Drawwiet xierqa fil-familja li jinkludu t-talb, il-qari tal-iskrittura, il-lejla d-dar mal-familja, u l-attendenza fil-laqgħat tal-Knisja, għalkemm jidhru bħala ħwejjeġ żgħar u sempliċi, joħolqu fil-familja kultura ta’ mħabba, rispett, għaqda u sigurtà. Fl-ispirtu li jakkumpanja dawn l-isforzi tagħna, uliedna jkunu aktar protetti mill-vleġeġ kollha nar tal-avversarju li huma parti ewlenija mill-kultura ta’ żmienna fid-dinja.

Tajjeb li aħna niftakru fil-kunsill għaqli ta’ Ħilaman lil uliedu s-subien: “Ftakru li intom għandkom tibnu l-pedament tagħkom fuq il-blata tal-Feddej tagħna, li hu Kristu, l-Iben t’ Alla; ħalli meta x-xitan jibgħat l-irwiefen qawwija tiegħu, iva, meta jixħtilkom il-lanez tiegħu, iva, meta l-forza tas-silġ u tat-tempesta tiegħu tinżel fuqkom, dan kollu ma jkollu l-ebda qawwa biex lilkom jitfgħakom ‘l isfel sal-abbiss tal-miżerja u l-inkwiet bla tmiem, minħabba l-blata li intom tinsabu mibnijin fuqha, li hija pedament fiż-żgur, pedament li jekk il-bnedmin jibnu fuqu ma jfallu qatt.”7

Snin ilu, meta jien kont qed inservi bħala isqof żagħżugħ, wieħed raġel twajjeb ried jiltaqa’ miegħi. Huwa ddeskriva t-tluq tiegħu mill-Knisja kif ukoll id-drawwiet tajbin tal-ġenituri tiegħu meta kien għadu żagħżugħ. Huwa ddeskriva fid-dettall l-uġigħ il-qalb li huwa esperjenza f’ ħajtu hekk kif beda jfittex bla suċċess l-hena fil-ferħ momentarju li toffri d-dinja. Illum, fis-snin avvanzati tal-ħajja, huwa esperjenza is-sensazzjoni ħelwa u siekta u xi kultant persistenti tal-Ispirtu ta’ Alla tiggwidah lura lejn il-lezzjonijiet, id-drawwiet, is-sentimenti u s-sigurtà spiritwali taż-żogħżija tiegħu. Huwa esprima l-gratitudni tiegħu għad-drawwiet tal-ġenituri tiegħu, u permezz ta’ kliem aktar modern, huwa rrepeta d-dikjarazzjoni ta’ Enos: “Imbierek ikun isem Alla għal dan.”

Mill-esperjenza tiegħi, ir-ritorn lura lejn l-evanġelju ta’ dan ir-raġel twajjeb tixbah l-esperjenza ta’ ħafna oħrajn fost ulied Alla li telqu għal xi żmien, u wara reġgħu lura għat-tagħlim u d-drawwiet ta’ żogħżithom. F’ dawk il-mumenti, aħna nesperjenzaw l-għerf li tkellem dwaru l-kittieb tal-proverbji, li eżorta lill-ġenituri, “Ħarreġ tifel jimxi fit-triq it-tajba; ma joħroġx minnha lanqas meta jixjieħ.”8

Il-ġenituri kollha jiffaċċjaw mumenti ta’ frustrazzjoni u livelli varji ta’ determinazzjoni u qawwa waqt li jkunu qed irabbu lil uliedhom. Madankollu, meta l-ġenituri jeżerċitaw il-fidi billi jgħallmu lil uliedhom b’ mod konsistenti, b’ onestà u bi mħabba, u billi jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jgħinuhom tul it-triq, huma jirċievu tama akbar li ż-żerriegħa li huma żergħu tasal biex tikber fil-qalb u l-moħħ ta’ wliedhom.

Mosè fehem sew il-bżonn fundamentali li aħna ngħallmu lil uliedna b’ mod kostanti. Huwa ta’ dan il-kunsill, “Tennihom lil uliedek, u tkellem fuqhom meta tkun f’darek, u meta tkun miexi fit-triq, u meta timtedd, u meta tqum.”9

Aħna ninżlu għarkupptejna ma’ wliedna waqt it-talb tal-familja, aħna nieħdu ħsiebhom permezz tal-isforzi tagħna li ninġabru flimkien bħala familja għall-qari tal-iskrittura, naraw li bil-paċenzja kollha u b’ imħabba nieħdu ħsiebhom hekk kif nipparteċipaw flimkien fil-lejla d-dar mal-familja u aħna nitolbu b’ qalb maqsuma għalihom meta nkunu għarkupptejna nlissnu t-talb privat tagħna. O, kemm nixtiequ li ż-żerriegħa li aħna niżirgħu tasal biex tikber fil-qalb u fil-moħħ ta’ wliedna.

Jien nemmen li huwa anqas importanti li noqogħdu ninkwetaw jekk uliedna qegħdinx “jifhmu kollox” waqt li nkunu qed ngħallmuhom, bħal meta huma jkunu qed isibuha diffiċli biex jaqraw l-iskrittura jew li joqogħdu għal-lejla d-dar mal-familja jew li jattendu l-laqgħa Mutwali u xi laqgħat oħra tal-Knisja. Jekk f’ dawk il-mumenti huma qegħdinx jifhmu l-importanza ta’ dawk l-attivitajiet hija inqas importanti minn jekk aħna, bħala ġenituri, qegħdinx neżerċitaw fidi biżżejjed biex nimxu wara l-kunsill tal-Mulej biex b’ diliġenza ngħixu, ngħallmu, niddiskutu magħhom u nistabbilixxu ċerti aspettattivi li huma ispirati mill-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Huwa sforz immexxi mill-fidi tagħna––it-twemmin tagħna li xi darba ż-żerriegħa li jaħsdu fiż-żogħżija tagħhom tasal biex tinbet u tibda tikber.

Dak li aħna nitkellmu dwaru, dak li aħna nippridkaw u ngħallmu dwaru jiddetermina dak li se jiġri minna. Hekk kif aħna nistabbilixxu ċerti drawwiet tajbin li jaslu biex jgħallmu d-duttrina ta’ Kristu, l-Ispirtu s-Santu jagħti xhieda tal-verità tal-messaġġi tagħna u jsostni ż-żerriegħa tal-evanġelju li tkun ġiet miżrugħa fil-fond ta’ qalb uliedna permezz tal-isforzi tagħna tul it-triq. Jiena nixhed dan f’ isem Ġesù Kristu, amen.