L-Irwol tal-Ktieb ta’ Mormon fil-Konverżjoni
Aħna qed niġbru flimkien lil Iżrael għall-aħħar darba u qed nagħmlu dan permezz tal-Ktieb ta’ Mormon, li hu fost l-aktar għodda effettiva għall-konverżjoni.
Ħafna nies illum jafu jiddubitaw dwar ir-realtà ta’ Alla u r-relazzjoni tagħna Miegħu. Ħafna huma dawk li jew ma jafu xejn jew inkella jafu ftit li xejn dwar il-pjan kbir Tiegħu, il-pjan ta’ ferħ. Aktar minn 30 sena ilu, il-President Ezra Taft Benson osserva li “il-parti l-kbira … tan-nies tad-dinja llum jiċħdu d-divinità tas-Salvatur. Huma jiddubitaw it-twelid mirakoluż Tiegħu, il-ħajja perfetta Tiegħu u r-realtà tal-qawmien mill-imwiet glorjuż Tiegħu.”1
Fi żmienna, dawn id-dubji mhumiex biss dwar is-Salvatur tagħna iżda wkoll dwar il-Knisja Tiegħu—Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem—li Huwa rrestawra permezz tal-Profeta Joseph Smith. Ħafna drabi, dawn id-dubji jiffokaw fuq l-istorja, it-tagħlim jew id-drawwiet tal-Knisja tas-Salvatur.
Il-Ktieb ta’ Mormon Jgħinna Nikbru fit-Testimonjanza
Minn Ippriedka l-Evanġelju Tiegħi, aħna naqraw: “Ftakru li l-għarfien tagħna dwar Missierna tas-Smewwiet u l-pjan Tiegħu ta’ ferħ nistgħu niksbuh mill-profeti ta’ żmienna—Joseph Smith u s-suċċessuri tiegħu—li jirċievu rivelazzjoni diretta mingħand Alla. Għalhekk, l-ewwel mistoqsija li dak li jkun għandu jwieġeb hi jekk Joseph Smith kienx verament profeta, u hu jista’ jkollu tweġiba għal din il-mistoqsija billi jaqra u jitlob dwar il-Ktieb ta’ Mormon.”2
Jiena komplejt insaħħaħ it-testimonjanza tiegħi dwar is-sejħa divina tal-Profeta Joseph Smith billi, bl-għajnuna tat-talb, jiena nistudja regolarment il-Ktieb ta’ Mormon: Testment Ieħor ta’ Ġesù Kristu. Jiena għamilt dak li stedinna nagħmlu Moroni biex “nitolbu lil Alla, il-Missier Etern, f’ isem Ġesù Kristu,” biex inkunu nafu dwar il-verità tal-Ktieb ta’ Mormon.3 Jiena naqsam magħkom it-testimonjanza tiegħi li naf li dan huwa veru. Dan l-għarfien jien ksibtu, kif tistgħu tiksbuh intom ukoll, “bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.”4
L-introduzzjoni tal-Ktieb ta’ Mormon tiddikjara: “Dawk li jiksbu din ix-xhieda divina tal-Ktieb ta’ Mormon permezz tal-Ispirtu s-Santu jsiru jafu wkoll bl-istess qawwa li Ġesù Kristu huwa s-Salvatur tad-dinja, li Joseph Smith huwa r-rivelatur u l-profeta Tiegħu f’ dawn l-aħħar jiem, u li l-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem hija s-saltna tal-Mulej mwaqqfa għal darb’oħra fid-dinja, bi tħejjija għat-Tieni Miġja tal-Messija.”5
Meta jien kont għadni missjunarju żagħżugħ sejjer lejn iċ-Ċili, jiena tgħallimt lezzjoni li bidlitli ħajti dwar il-qawwa tal-konverżjoni tal-Ktieb ta’ Mormon. Is-Sur Gonzalez għadda snin twal iservi f’ pożizzjoni rispettata fil-knisja tiegħu. Huwa kien għadda minn taħriġ reliġjuż estensiv, kif ukoll kien gradwat fit-teoloġija. Huwa kien kburi mhux ħażin bil-kompetenza bibblika tiegħu. Għalina kienet ħaġa mill-aktar ovvja li huwa kien studjuż reliġjuż.
Huwa kien jaf sew dwar il-missjunarji tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem hekk kif hu kien jinnotahom għaddejjin bil-ħidma tagħhom ġewwa l-belt ta’ Lima, il-Peru, il-belt li kien ġej minnha hu. Huwa minn dejjem ried jiltaqa’ magħhom ħalli jkun jista’ jurihom x’ jaf dwar il-Bibbja.
Darba waħda, kważi bħal rigal li waqa’ mis-sema, kif għallinqas ħaseb hu, żewġ missjunarji waqqfuh fit-triq u staqsewh jekk setgħux imorru jżuruh fid-dar tiegħu u jaqsmu miegħu l-iskrittura. Din għalih kienet ħolma li kienet se ssir realtà! It-talb tiegħu ġie mismugħ. Finalment, huwa seta’ juri lil dawn iż-żgħażagħ kemm huma kienu żbaljati. Huwa qalilhom li kien il-pjaċir tiegħu li jilqagħhom ġewwa daru biex jiddiskutu l-iskrittura.
Kien jinsab fuq ix-xwiek biex jiltaqa’ magħhom. Huwa kien jinsab lest li juża l-Bibbja biex jikkontradixxi t-twemmin tagħhom. Huwa kien jinsab ċert li permezz tal-Bibbja huwa kien se jurihom b’ mod ċar u artikolat kemm huma kienu żbaljati. Waslet il-lejla li fiha kellhom jiltaqgħu, u l-missjunarji ħabbtulu fuq il-bieb tiegħu. Ħassu verament eċċitat. Il-mument li kien ilu jistenna fl-aħħar wasal.
Huwa mar jiftaħ il-bieb u stieden lill-missjunarji ġewwa daru. Wieħed mill-missjunarji tah ktieb blu u qasam miegħu t-testimonjanza sinċiera tiegħu li hu kien jaf li fil-ktieb kien hemm il-kelma ta’ Alla. Il-missjunarju l-ieħor qasam ukoll it-testimonjanza ċerta tiegħu dwar il-ktieb, u xehed li kien ġie tradott minn profeta ta’ Alla ta’ żmienna, jismu Joseph Smith, u li kien jitkellem dwar Kristu. Il-missjunarji skużaw ruħhom għaliex kellhom bżonn imorru u telqu.
Is-Sur Gonzales ħassu verament iddiżappuntat. Iżda huwa fetaħ il-ktieb, u beda jqalleb u jifli l-paġni tiegħu. Huwa qara l-ewwel paġna. Huwa kompla jaqra paġna wara paġna wara paġna u baqa’ jaqra kontinwament sal-għada wara nofsinhar. Huwa spiċċa biex qara l-ktieb kollu u kien jaf li kien veru. Kien jaf x’ kellu jagħmel. Huwa ċempel lill-missjunarji, irċieva l-lezzjonijiet mingħandhom, u abbanduna l-ħajja li minn dejjem kien jaf u sar membru tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem.
Dan ir-raġel twajjeb kien l-għalliem tiegħi taċ-ĊTM ġewwa Provo, Utah. L-istorja ta’ konverżjoni ta’ Brother Gonzalez u l-qawwa tal-Ktieb ta’ Mormon ħallew effett kbir fuqi.
Meta jiena wasalt iċ-Ċili, il-president tal-missjoni tiegħi, il-President Royden J. Glade stedinna biex kull ġimgħa aħna naqraw it-testimonjanza tal-Profeta Joseph Smith kif insibuha f’ Joseph Smith—L-Istorja. Huwa għallimna li testimonjanza tal-Ewwel Viżjoni għandha influwenza diretta fuq it-testimonjanza tagħna tal-evanġelju u t-testimonjanza tagħna tal-Ktieb ta’ Mormon.
Jiena ħadt l-istedina tiegħu b’ serjetà kbira. Jiena qrajt ir-rakkonti tal-Ewwel Viżjoni; jiena qrajt il-Ktieb ta’ Mormon. Jiena tlabt kif mitlub nagħmel minn Moroni biex nistaqsi lil “Alla, il-Missier Etern, f’ isem Kristu”6 jekk il-Ktieb ta’ Mormon huwiex veru. Jiena naqsam magħkom ix-xhieda tiegħi llum li l-Ktieb ta’ Mormon, kif qal il-Profeta Joseph Smith, huwa “l-aktar ktieb korrett fost il-kotba kollha fid-dinja, u l-ġebla tax-xewka tar-reliġjon tagħna, u li l-bniedem jersaq aktar viċin Alla jekk jobdi l-preċetti li hemm fih, milli kieku jimxi wara xi ktieb ieħor.”7 Il-Profeta Joseph iddikjara wkoll: “Warrab il-Ktieb ta’ Mormon u r-rivelazzjonijiet, u x’ jibqa’ mir-reliġjon tagħna? Ma jibqa’ xejn.”8
Il-Konverżjoni Personali
Hekk kif aħna nifhmu aħjar min aħna verament u x’ inhuma l-għanijiet tal-Ktieb ta’ Mormon, il-konverżjoni tagħna tissaħħaħ u ssir waħda aktar ċerta. Aħna nissaħħu fl-impenn tagħna li nżommu l-patti li aħna għamilna ma’ Alla.
L-għan prinċipali tal-Ktieb ta’ Mormon hu li niġbru flimkien lil ulied Iżrael mill-artijiet fejn jinsabu mxerrdin. Lill-ulied kollha ta’ Alla, din il-ġabra tagħtihom l-opportunità li jidħlu fit-triq tal-patt u, jekk huma jonoraw dawk il-patti, jerġgħu lura fil-preżenza tal-Missier. Hekk kif aħna ngħallmu l-indiema u ngħammdu lil dawk li jikkonvertu, aħna nkunu qed niġbru flimkien lil ulied Iżrael mill-artijiet fejn huma jinsabu mxerrdin.
Fil-Ktieb ta’ Mormon insibu 108 referenza għad-dar ta’ Iżrael. Fil-bidu tal-Ktieb ta’ Mormon, Nefi għallem, “Għax l-intenzjoni tal-milja taż-żmien hi li jiena nipperswadi lill-bnedmin biex jersqu lejn Alla ta’ Abraham u Alla ta’ Iżakk u Alla ta’ Ġakobb, u jsalvaw.”9 L-Alla ta’ Abraham, Iżakk u Ġakobb huwa Ġesù Kristu, l-Alla tat-Testment il-Qadim. Aħna nsalvaw hekk kif nersqu lejn Kristu billi ngħixu l-evanġelju Tiegħu.
Aktar tard, Nefi kiteb:
“Iva, anke missieri tkellem ħafna dwar il-Ġentili, kif ukoll dwar id-dar ta’ Iżrael, li lilhom nistgħu nqabblu ma’ siġra taż-żebbuġ, li l-friegħi tagħha għandhom jinqatgħu u għandhom jitferrxu madwar id-dinja kollha. …
“U wara li ulied id-dar ta’ Iżrael jispiċċaw jinfirxu ma’ kullimkien huma se jerġgħu jinġabru flimkien għal darb’oħra; jew aħjar, wara li l-Ġentili jkunu rċevew il-milja tal-Evanġelju, il-fergħat naturali tas-siġra taż-żebbuġ, jew il-fdalijiet tad-dar ta’ Iżrael, għandhom jiġu milqugħin lura, jew jaslu għall-għarfien tal-veru Messija, il-Mulej u l-Feddej tagħhom.”10
Bl-istess mod, fl-aħħar tal-Ktieb ta’ Mormon, il-profeta Moroni jfakkarna dwar il-patti tagħna, billi jgħid, “Sabiex intom ma tħossukomx aktar imħawdin, biex il-patti tal-Missier Etern li Huwa għamel magħkom, O dar ta’ Iżrael, jiġu fis-seħħ.”11
Il-Patti tal-Missier Etern
X’ inhuma “il-patti tal-Missier Etern” li jirreferi għalihom Moroni? Aħna naqraw fil-ktieb ta’ Abraham:
“Jisimni Ġehova, u jiena naf it-tmiem mill-bidu; għalhekk idi se tkun dejjem fuqek.
“U jien se nagħmel minnek ġens kbir, u se nbierkek bil-kbir, u se nara li ismek ikun setgħan fost il-ġnus, u li inti tkun barka għal nislek li ġew warajk, li huma se jkunu dawk li se jħaddnu dan il-ministeru u s-Saċerdozju fost il-ġnus.”12
Il-President Russell M. Nelson għallem f’ xandira dinjija riċenti li “dawn bla dubju huma l-aħħar jiem, u l-Mulej jinsab iħaffef il-ħidma Tiegħu biex jiġbor flimkien lil Iżrael. Din il-ġabra hija l-aktar ħaġa importanti li qed isseħħ illum fid-dinja. M’hawn xejn li tista’ tqabblu magħha fil-kobor, xejn li tista’ tqabblu magħha fl-importanza, xejn li tista’ tqabblu magħha fil-majestà. U jekk din hija l-għażla tagħkom, jekk intom tridu, intom tistgħu tkunu part importanti minnha. Intom tistgħu tkunu parti importanti minn xi ħaġa kbira, xi ħaġa grandjuża, xi ħaġa majestuża!
“Meta aħna nitkellmu dwar il-ġabra, aħna sempliċiment inkunu qed intennu din il-verità fundamentali: l-ulied kollha ta’ Missierna tas-Smewwiet, fuq iż-żewġ naħat tal-velu, jistħoqqilhom li jisimgħu l-messaġġ tal-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu. Għandhom jiddeċiedu huma jekk iridux isiru jafu aktar.”13
Huwa dan li aħna qed nagħmlu bħala membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem: aħna qed infittxu li nwasslu lid-dinja sabiex tifhem—u tikkonverti għal—l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Aħna dawk li qed “niġbru l-ġnus fl-aħħar jiem.”14 Il-missjoni tagħna hija waħda ċara. Ħuti, ejjew nibqgħu nissemmew bħala dawk li ħadna b’ serjetà kbira l-wegħda ta’ Moroni, u li tlabna u rċevejna tweġiba biex sirna nafu li l-Ktieb ta’ Mormon huwa veru, u mbagħad naqsmu dan l-għarfien ma’ ħaddieħor, kemm bil-fomm u, aktar importanti, bl-għemil.
L-Irwol tal-Ktieb ta’ Mormon fil-Konverżjoni
Il-Ktieb ta’ Mormon fih il-milja tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.15 Imexxina lejn il-patti tal-Missier, li jekk aħna nżommuhom jiżgurawlna l-akbar rigal Tiegħu—il-ħajja eterna.16 Il-Ktieb ta’ Mormon hu ċ-ċavi ċentrali tal-konverżjoni tal-ulied kollha ta’ Missierna tas-Smewwiet.
Biex nikkwota lill-President Nelson: “Hekk kif intom … taqraw kuljum mill-Ktieb ta’ Mormon, intom titgħallmu d-duttrina tal-ġabra, titgħallmu għadd ta’ veritajiet dwar Ġesù Kristu, dwar l-Att tal-Fidwa Tiegħu, u dwar il-milja tal-evanġelju Tiegħu li ma ssibuhomx fil-Bibbja. Il-Ktieb ta’ Mormon huwa importanti ħafna għall-ġabra ta’ Iżrael. Fil-fatt, jekk ma kien hawn l-ebda Ktieb ta’ Mormon, l-imwiegħda ġabra ta’ Iżrael ma kenitx tista’ tiġi fis-seħħ.”17
Ippermettuli nikkonkludi bi kliem is-Salvatur hekk kif Huwa kien qed jgħallem lin-Nefiti dwar il-barkiet imwiegħda: “Intom ulied il-profeti; u intom mid-dar ta’ Iżrael; u intom parti mill-patt li l-Missier għamel ma’ missirijietkom, meta qal lil Abraham: F’nislek jitbierku l-ġnus kollha tal-art.”18
Jiena nixhed li aħna wlied Alla, nisel Abraham, id-dar ta’ Iżrael. Aħna qed niġbru flimkien lil Iżrael għall-aħħar darba u qed nagħmlu dan permezz tal-Ktieb ta’ Mormon—ktieb li, flimkien mal-Ispirtu tal-Mulej, huwa l-aktar għodda effettiva għall-konverżjoni. Aħna ninsabu mmexxija mill-profeta ta’ Alla, il-President Russell M. Nelson, li qed imexxi l-ġabra ta’ Iżrael fi żmienna. Il-Ktieb ta’ Mormon huwa veru. Lili bidilli ħajti. Inwegħidkom, kif għamel Moroni u kif għamlu bosta profeti tul iż-żminijiet, li jista’ jibdel ukoll ħajjitkom.19 F’ isem Ġesù Kristu, amen.