2010-2019
Nirgħu l-Erwieħ
Ottubru 2018


Nirgħu l-Erwieħ

Aħna nilħqu lil ħaddieħor b’ imħabba għaliex huwa sewwasew dak li talabna nagħmlu s-Salvatur.

F’ konverżazzjoni li kelli riċentiment ma’ ħabib tiegħi, huwa qalli li meta kien għadu daqsxejn ta’ tfajjel, ftit biss wara li tgħammed fil-Knisja, hu ma damx wisq ma ħassu li postu ma kienx aktar fil-qasam fejn kien jattendi. Il-missjunarji li għallmuh kienu ġew trasferiti u hu beda jħossu bħallikieku jinsab fil-periferija. Mingħajr ebda ħbieb fil-qasam, huwa mar ifittex lil sħabu li kellu qabel u beda jingaġġa ruħu magħhom f’ attivitajiet li żammewh ‘il bogħod milli jipparteċipa fil-knisja—tant li huwa beda jitbiegħed mill-merħla. B’ għajnejh kollha dmugħ, huwa ddeskriva kemm ħassu grat meta membru ieħor mill-istess qasam urieh l-id tal-ħbiberija u, b’ imħabba u b’ mod esklussiv, stiednu biex jerġa’ lura. Wara ftit xhur, huwa reġa’ lura fis-sigurtà tal-merħla, isaħħaħ kemm lil ħaddieħor kif ukoll lilu nnifsu. M’għandniex aħna lkoll inkunu grati għal dak ir-ragħaj fil-Brażil li mar ifittex lil dan it-tfajjel, il-Presbiteru Carlos A. Godoy, li issa jinsab bilqiegħda warajja bħala membru tal-Presidenza tas-Sebgħin?

Mhijiex ħaġa mill-aktar meraviljuża kif daqsxejn ta’ sforz żgħir jista’ jkollu konsegwenzi daqstant eterni? Din il-verità nistgħu nsibuha fil-qalba tal-isforzi tal-ministeru tal-Knisja. Missierna tas-Smewwiet jista’ jaqbad l-isforzi żgħar tagħna ta’ kuljum u jibdilhom f’ xi ħaġa mill-aktar mirakoluża. Għaddew sitt xhur minn meta l-President Russell M. Nelson ħabbar li “il-Mulej għamel diversi tibdil importanti fil-mod li aħna nieħdu ħsieb xulxin,”1 u spjega, “Aħna se nimplimentaw atteġġjament aktar ġdid u qaddis biex nieħdu ħsieb u nimministraw lil ħaddieħor. Aħna se nirreferu għal dan l-isforz bħala “ministeru.’”2

Il-President Nelson spjega wkoll: “Karatteristika ewlenija tal-Knisja vera u ħajja tal-Mulej dejjem se kun l-isforz organizzat u dirett tagħna li nimministraw lill-ulied individwali ta’ Alla u lill-familji tagħhom. Peress li din hija l-Knisja Tiegħu, aħna bħala l-qaddejja Tiegħu se nimministraw persuna, persuna, kif għamel Hu. Aħna nimministraw f’ ismu, bil-qawwa u l-awtorità Tiegħu, u bit-tjubija kollha mħabba Tiegħu.”3

Minn dak inhar ta’ dik it-tħabbira ‘l hawn, ir-rispons tagħkom kien wieħed inkredibbli! Aħna rċevejna rapporti ta’ suċċess mill-aktar kbir fl-implimentazzjoni ta’ dan it-tibdil kważi f’ kull wited li hawn fid-dinja kif immexxi mill-profeta ħaj tagħna. Per eżempju, l-aħwa tal-ministeru ġew assenjati lill-familji, ġew organizzati s-sieħba fil-ministeru—fosthom il-ġuvintur u t-tfajliet—u bdew isiru l-intervisti tal-ministeru.

Ma naħsibx li kienet koinċidenza li sitt xhur qabel it-tħabbira rivelatorja tal-bieraħ—“bilanċ ġdid u konnessjoni bejn it-tagħlim tal-evanġelju fid-dar u fil-Knisja”4—ġiet mogħtija t-tħabbira rivelatorja dwar il-ministeru. Minn Jannar li ġej, hekk kif aħna nqattgħu siegħa anqas fil-qima tagħna fil-knisja, dak kollu li aħna tgħallimna fil-ministeru se jgħinna nibbilanċjaw mill-ġdid dak il-vojt b’ esperjenza ta’ jum is-Sabbath ogħla u aktar qaddis, iċċentrata madwar id-dar flimkien mal-familja tagħna u mal-maħbubin tagħna.

B’ dawn l-istrutturi organizzattivi f’ posthom, aħna nafu nistaqsu, “Kif nistgħu nkunu nafu li aħna qegħdin nimministraw bil-mod kif irid Mulej? Qegħdin aħna verament nassistu lir-Ragħaj it-Tajjeb bil-mod li jrid Hu?”

F’ diskussjoni riċenti li jien kelli mal-President Henry B. Eyring, huwa faħħar verament lill-Qaddisin bil-mod kif huma aġġustataw ruħhom għal dan it-tibdil mill-aktar importanti iżda esprima miegħi ukoll tama sinċiera li l-membri jagħrfu li l-ministeru huwa aktar minn “sempliċiment inkunu simpatiċi mal-oħrajn.” Dan ma jfissirx li tkun simpatiku hija xi ħaġa insinifikanti, iżda dawk li jifhmu l-ispirtu veru tal-ministeru jirrealizzaw li hu jmur li lhinn minn sempliċiment li wieħed ikun simpatiku. Meta nwettquh bil-mod kif irid il-Mulej, il-ministeru jaf iħalli influwenza għat-tajjeb mill-aktar wiesgħa li tibqa’ tinħass tul l-eternità kollha, kif ġara fil-kas tal-Presbiteru Godoy.

“Is-Salvatur wera bl-eżempju Tiegħu xi tfisser li timministra hekk kif Huwa serva lill-oħrajn sforz l-imħabba li kellu lejhom. … Huwa … għallem, farraġ, u bierek lil dawk ta’ madwaru u talab għalihom, fejn stieden lil kulħadd biex jimxu warajh. … Hekk kif il-membri tal-Knisja jimministraw b’ mod ogħla u aktar qaddis, bl-għajnuna tat-talb, huma jfittxu li jservu kif iservi Hu—li … ‘ jħarsu dejjem lill-membri tal-knisja, u jkunu magħhom u jsaħħuhom,’ ‘iżuru d-dar ta’ kull membru,’ u jgħinu lil kulħadd biex isir veru dixxiplu ta’ Ġesù Kristu.”5

Aħna nifhmu li ragħaj vera jħobb lin-nagħaġ tiegħu, jafhom kollha b’ isimhom, u “għandu interess personali” fihom.6

Nagħaġ fil-muntanji

Ħabib tiegħi li jien ili nafu żmien twil għadda ħajtu jaħdem fir-ranċ, jaħdem iebes irabbi l-baqar u n-nagħaġ fl-għoljiet imħattba tar-Rocky Mountains. Darba huwa beda jirrakkontali l-isfidi u l-perikli assoċjati mat-trobbija tan-nagħaġ. Huwa ddeskriva li fil-bidu tar-rebbiegħa, meta s-silġ fuq dil-medda mill-aktar espansiva tal-muntanja jkun kważi nħall għal kollox, huwa kien jieħu l-merħla sħiħa tiegħu ta’ bejn wieħed u ieħor 2,000 nagħġa fil-muntanji biex jgħaddu s-sajf hemmhekk. Huwa jibqa’ hemm, jirgħa n-nagħaġ, sal-aħħar tal-ħarifa, iż-żmien li fih jgħaddihom mill-klima tas-sajf għal waħda tax-xitwa fid-deżert. Huwa ddeskriva kemm kien diffiċli li tieħu ħsieb merħla nagħaġ daqstant kbira, fejn hu jkollu jqum kmieni ħafna u jorqod tard ħafna—fejn ikollu jqum qabel iż-żerniq u jibqa’ għaddej jaħdem ħin sewwa wara li jkun dalam. Ma kienx possibbli jagħmel dan waħdu.

Ħaddiema tar-ranċ bin-nagħaġ

Kien hemm oħrajn li kienu jgħinuh bil-merħla, inkluż grupp ta’ ħaddiema tar-ranċ ta’ esperjenza kif ukoll oħrajn aktar żgħażagħ li kienu qegħdin jibbenefikaw mill-għerf ta’ sħabhom. Huwa kien jiddependi wkoll minn żewġt iżwiemel anzjani, żewġt ifliewi, żewġt iklieb anzjani, u xi żewġt iklieb oħra li kienu għadhom ġriewi. Tul il-perjodu tas-sajf, sieħbi u n-nagħaġ tiegħu jiffaċċjaw riħ qawwi u maltempati bix-xita, mard, korriment, nixfa u tista’ tgħid kull diffikultà oħra li wieħed jista’ jimmaġina. Kien hemm snin li fihom kien ikollhom jgħaddu sajf sħiħ iġorru wkoll l-ilma magħom biex in-nagħaġ ma jmutux bil-għatx. Imbagħad, kull sena, lejn tmiem il-ħarifa, meta jibda riesaq it-temp xitwi u n-nagħaġ ikunu tniżżlu minn fuq il-muntanja u ġew magħduda, normalment kien ikun hemm aktar minn 200 waħda li tkun intilfet.

Jgħasses in-nagħaġ
Merħla nagħaġ

Il-merħla ta’ 2,000 nagħġa li kienu jittieħdu fil-muntanji fil-bidu tar-rebbiegħa kienu jonqsu għal anqas minn 1,800. Il-parti l-kbira tan-nagħaġ li kienu jonqsu ma kenux jintilfu minħabba xi mard jew xi mewta naturali iżda minħabba ċerti predaturi bħall-iljun tal-muntanja jew l-ilpup. Dawn il-predaturi normalment kienu jfittxu l-ħrief li jkunu nqatgħu minn mal-merħla li kienet tkun ‘il bogħod mill-periklu, u fejn kienu jitbiegħdu wkoll mill-protezzjoni tar-ragħaj tagħhom. Tistgħu timmaġinaw ftit dak li jiena għadni kif iddeskrivejt f’ kuntest spiritwali? Min hu r-ragħaj? Min huma l-merħla? Min huma dawk li qed jassistu lir-ragħaj?

Ir-Ragħaj it-Tajjeb

Il-Mulej Ġesù Kristu Nnifsu qal, “Jiena r-ragħaj it-tajjeb; jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi, … u għan-nagħaġ tiegħi nagħti ħajti.”7

Ġesù jitma’ n-nagħaġ Tiegħu

Il-profeta Nefi għallem bl-istess mod li Ġesù “jitma’ lin-nagħaġ tiegħu, u fih huma għandhom isibu l-mergħa.”8 Jiena nsib il-paċi dejjiema għaliex naf li “il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi9 u Hu jaf lil kull wieħed u waħda minna u qed iħarisna. Meta aħna niffaċċjaw ir-riħ u l-maltemp, il-mard, il-korriment u n-nixfa tal-ħajja, il-Mulej—ir-Ragħaj tagħna—ikun hemm biex jimministralna. Huwa jirrestawra ruħna.

Bl-istess mod li sieħbi kien jirgħa n-nagħaġ tiegħu bl-għajnuna ta’ ħaddiema żgħażagħ u anzjani, kif ukoll bl-għajnuna taż-żwiemel u l-klieb, il-Mulej jeħtieġ ukoll l-għajnuna f’ din il-ħidma mill-aktar diffiċli li jieħu ħsieb il-merħlaTiegħu.

Ġesù Kristu jimministra

Bħala wlied Missierna tas-Smewwiet li tant iħobbna u bħala nagħaġ fil-merħla Tiegħu, aħna ngawdu l-barka li lkoll kemm aħna niġu mministrati individwalment minn Ġesù Kristu. Simultanjament, aħna għandna r-responsabbiltà li nipprovdu l-għajnuna tal-ministeru lil dawk ta’ madwarna fl-irwol tagħna ta’ rgħajja. Aħna nisimgħu kliem il-Mulej li qalilna “aqduni u morru f’ ismi, u … iġbru flimkien in-nagħaġ tiegħi.”10

Min hu ragħaj? Kull raġel u mara, u kull tifel u tifla fis-saltna ta’ Alla huwa ragħaj. L-ebda sejħa mhi meħtieġa. Mill-mument li fih aħna noħorġu mill-ilmijiet tal-magħmudija, aħna niġu kkummissjonati għal din il-ħidma. Aħna nilħqu lil ħaddieħor b’ imħabba għaliex huwa dak li talabna nagħmlu s-Salvatur. Alma enfasizza: “Għaliex liema ragħaj … li jkollu ħafna nagħaġ ma jħarishomx, biex l-ilpup ma jidħlux qalb il-merħla tiegħu u jibilgħuhom? … Ma jkeċċihomx hu?”11 Kull meta l-proxxmu tagħna jkun għaddej minn ċerta tbatija, kemm temporali kif ukoll spiritwali, aħna għandna mmorru ngħinuh. Aħna nġorru t-tagħbija ta’ xulxin, sabiex tkun ħafifa. Aħan nibku ma’ dawk li jibku. Aħna nfarrġu lil dawk li għandhom bżonn il-faraġ.12 Dan hu dak li b’ imħabba jistenna minna l-Mulej. U l-jum jasal meta aħna nkunu rridu nagħtu rendikont ta’ kemm aħna ħadna ħsieb nimministraw il-merħla Tiegħu.13

Ir-ragħaj ħabib tiegħi qasam miegħi element importanti għal wieħed li jirgħa n-nagħaġ. Huwa ddeskriva li n-nagħaġ il-mitlufa kienu partikolarment vulnerabbli għall-periklu tal-predaturi. Fil-fatt, kważi 15 fil-mija tal-ħin, hu u t-tìm tiegħu kienu jiddedikawh ifittxu n-nagħaġ il-mitlufa. Aktar ma jsibuhom malajr lin-nagħaġ il-mitlufa, qabel ma jispiċċaw jinqatgħu wisq ‘il bogħod mill-merħla, anqas kien hemm ċans li n-nagħaġ jispiċċaw fil-periklu. Biex jirkupraw in-nagħaġ il-mitlufa kienu jeħtieġu ħafna paċenzja u dixxiplina.

Xi snin ilu, jiena sibt artiklu f’ gazzetta lokali li tant kien interessanti li żammejtu. It-titlu prinċipali fil-faċċata kien jgħid, “Kelb Determinat Ma Jabbandunax in-Nagħaġ il-Mitlufa.”14 L-artiklu kien jiddeskrivi numru żgħir ta’ nagħaġ li kienu jagħmlu parti minn operazzjoni viċin propjetà tal-ħabib tiegħi, illi b’ xi mod kienu nqatgħu mill-kumplament u baqgħu weħdihom fil-post li kienu fih fis-sajf. Wara xi xahrejn jew tnejn, huma spiċċaw weħidhom qalb il-muntanji kollha silġ. Meta n-nagħaġ sabu rwieħhom weħidhom, il-kelb baqa’ hemmhekk magħhom, għaliex kien id-dmir tiegħu li jieħu ħsiebhom u jipproteġihom. Lanqas mument wieħed ma kien iħallihom weħidhom! Huwa kien baqa’ dejjem hemm—xhur sħaħ idur man-nagħaġ il-mitlufa f’ temp mill-aktar kiesaħ u fis-silġ, iservi bħala protezzjoni kontra l-ilpup, l-iljuni tal-muntanja jew xi predatur ieħor li seta’ jweġġa’ lin-nagħaġ. Huwa baqa’ hemm man-nagħaġ sakemm kien kapaċi jmexxihom lejn post ‘il bogħod mill-periklu, ħdejn ir-ragħaj u l-merħla. L-immaġni li dehret fil-faċċata ta’ dan l-artiklu kienet tagħti ċans lil dak li jkun li f’ għajnejn dan il-kelb u fl-imġiba tiegħu jaraw riflessjoni tal-karattru tiegħu.

Il-karattru fl-għajnejn u fl-imġiba tal-kelb

Fit-Testment il-Ġdid, aħna nsibu parabbola u tagħlim mingħand is-Salvatur li jipprovdu għarfien akbar relatat mar-responsabbiltà tagħna bħala rgħajja, bħala aħwa fil-ministeru, tan-nagħaġ il-mitlufa.

“Min hu dak fostkom li jkollu mitt nagħġa u jitlef waħda minnhom, u ma jħallix id-disgħa u disgħin l-oħra fid-deżert biex imur wara l-mitlufa sa ma jsibha?

“U meta jsibha, jifraħ biha u jerfagħha fuq spallejh.

“U jmur id-dar, isejjaħ għandu lil ħbiebu u l-ġirien, u jgħidilhom, Ifirħu miegħi, għax sibt in-nagħġa li kienet intilfitli.”15

Hekk kif aħna nagħtu ħarsa lejn il-lezzjoni li nistgħu nitgħallmu f’ din il-parabbola, aħna nsibu dan il-kunsill mill-aktar prezzjuż:

  1. Aħna għandna nidentifikaw in-nagħaġ il-mitlufa.

  2. Aħna għanda nibqgħu nfittxuhom sakemm jinstabu.

  3. Meta nsibuhom, jaf ikollna nġorruhom fuq spallejna biex inwassluhom lura d-dar.

  4. Meta jerġgħu lura ndawruhom bil-ħbieb.

Ħuti, l-akbar sfidi tagħna kif ukoll l-akbar sodisfazzjon tagħna nesperjenzawhom hekk kif aħna nimministraw lin-nagħaġ il-mitlufa. Il-membri tal-Knisja fil-Ktieb ta’ Mormon “ħadu ħsieb in-nies tagħhom, u sostnewhom bis-sewwa kollu.”16 Aħna nistgħu nimxu wara l-eżempji tagħhom u niftakru li l-ministeru għandu jkun “mmexxi mill-Ispirtu, … flessibbli, u … personalizzat skont il-bżonnijiet ta’ kull membru.” Hija wkoll ħaġa kritika li aħna “nfittxu li ngħinu l-individwi u l-familji jitħejjew għal dik l-ordinanza li jmisshom iwettqu, iżommu l-patti tagħhom … , u jsiru jafu jfendu għal rashom.”17

Kull ruħ hija prezzjuża għal Missierna tas-Smewwiet. L-istedina personali Tiegħu biex nimministraw hija għalih ta’ valur mill-aktar kbir u ta’ importanza mill-aktar kbira, għaliex hija sewwasew il-ħidma u l-glorja Tiegħu. Hija letteralment il-ħidma tal-eternità. Kull wieħed u waħda minn uliedu għandhom potenzjal enormi f’ għajnejh. Lilkom Huwa jħobbkom b’ imħabba li lanqas biss tistgħu timmaġinaw. Bħall-kelb mill-aktar devot, il-Mulej jibqa’ fuq il-muntanja biex lilkom jipproteġikom fir-riħ, fil-maltemp, fis-silġ u f’ kollox.

Fl-aħħar konferenza, il-President Russell M. Nelson għallimna: “Il-messaġġ tagħna lid-dinja huwa wieħed sempliċi u sinċier: aħna nistiednu lill-ulied kollha ta’ Alla fuq iż-żewġ naħat tal-velu biex huma jersqu lejn is-Salvatur, jirċievu l-barkiet tat-tempju mqaddes, ikollhom ferħ dejjiem u jikkwalifikaw għall-ħajja eterna.18

Jalla aħna ngħollu għajnejna lejn din il-viżjoni profetika ħalli aħna nkunu nistgħu nirgħu l-erwieħ lejn it-tempju u ultimament lejn is-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. Huwa ma jistenniex li aħna nwettqu l-mirakli. Huwa jitlobna biss li aħna nressqu lil ħutna lejh, għaliex Hu għandu l-qawwa li jifdi l-erwieħ. Hekk kif aħna nagħmlu dan, aħna nkunu nistgħu nkunu ċerti minn din il-wegħda: “U meta jidher ir-Ragħaj il-Kbir, intom tiksbu l-kuruna tal-glorja minsuġa minn ward li ma jidbielx.”19 Dwar dan jiena nixhed—u dwar Ġesù Kristu bħala s-Salvatur u l-Feddej tagħna—f’ isem Ġesù Kristu, amen.