2010-2019
Ilkoll Għandna Nieħdu Fuqna l-Isem Mogħti mill-Missier
Ottubru 2018


Ilkoll Għandna Nieħdu Fuqna l-Isem Mogħti mill-Missier

Isem is-Salvatur għandu fih qawwa unika u essenzjali. Huwa l-uniku isem li permezz tiegħu hi possibbli s-salvazzjoni.

Ftit ġimgħat ilu, jiena ħadt sehem fil-magħmudija ta’ bosta tfal ta’ tmien snin. Huma bdew jitgħallmu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu mill-ġenituri u l-għalliema tagħhom. Iż-żerriegħa tal-fidi tagħhom fih bdiet tikber. U issa huma riedu jimxu warajh fl-ilmijiet tal-magħmudija biex isiru membri tal-Knisja rrestawrata Tiegħu. Waqt li kont qed nosserva l-antiċipazzjoni tagħhom, jien bdejt nikkontempla kemm huma fil-fatt kienu fehmu wieħed mill-aktar aspetti importanti tal-patt tagħhom tal-magħmudija: li jieħdu fuhom isem Ġesù Kristu.

Mill-bidu nett, Alla ddikjara l-preeminenza tal-isem ta’ Ġesù Kristu fil-pjan Tiegħu għalina. Anġlu għallem dan lill-ewwel missier tagħna, Adam, “Kulma tagħmel inti għandek tagħmlu f’ isem l-Iben, u inti għandek tindem u ssejjaħ lil Alla f’ isem l-Iben għal dejjem.”1

Is-Sultan Benjamin, profeta mill-Ktieb ta’ Mormon, għallem lill-poplu tiegħu, “M’għandu jkun hawn l-ebda isem ieħor jew l-ebda mod ieħor li permezz tiegħu tista’ tinkiseb is-salvazzjoni.”2

Il-Mulej reġa’ enfasizza din il-verità lill-profeta Tiegħu Joseph Smith: “Araw, Ġesù Kristu huwa l-isem li ġie mogħti mill-Missier, u m’hemm l-ebda isem ieħor mogħti li permezz tiegħu l-bniedem jista’ jsalva.”3

Fi żmienna, il-President Dallin H. Oaks għallem li “dawk li jeżerċitaw il-fidi fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu u … jidħlu fil-patt tiegħu … għandhom dritt li jgawdu mis-sagrifiċċju tal-att tal-fidwa ta’ Ġesù Kristu.”4

Missierna tas-Smewwiet irid jagħmilha ċara għall-aħħar li l-isem ta’ Ibnu, Ġesù Kristu, mhuwiex sempliċiment isem fost ħafna ismijiet oħra. Isem is-Salvatur għandu fih qawwa unika u essenzjali. Huwa l-uniku isem li permezz tiegħu hi possibbli s-salvazzjoni. Billi jenfasizza din il-verità f’ kull dispensazzjoni, Missierna li tant iħobbna jiżgura lil uliedu kollha li hemm mod kif huma jistgħu jerġgħu lura għandu. Iżda li Huwa fassal mod ċert għalina ma jfissirx li r-ritorn tagħna huwa awtomatikament żgurat. Alla jgħidilna li aħna jeħtieġ li nagħmlu xi ħaġa: “Għalhekk, il-bnedmin kollha għandhomt jieħdu fuqhom l-isem li ġie mogħti mill-Missier.”5

Sabiex naċċessaw il-qawwa tas-salvazzjoni li niksbuha biss permezz ta’ isem Kristu, aħna għandna “niċċekknu quddiem Alla … u mmorru quddiemu b’ qalb maqsuma u spirtu sogħbien … u nkunu lesti li nieħdu fuqna isem Ġesù Kristu” u b’hekk nikkwalifikaw, bħall-ħbieb tiegħi ta’ tmien snin, biex “niġu milqugħin fil-knisja tiegħu permezz tal-magħmudija.”6

Dawk kollha li b’ sinċerità jixtiequ li jieħdu fuqhom isem is-Salvatur għandhom jikkwalifikaw u jirċievu l-ordinanza tal-magħmudija bħala xhieda fiżika lejn Alla tad-deċiżjoni tagħhom.7 Iżda l-magħmudija hija biss il-bidu.

Il-kelma jieħdu mhijiex kelma passiva. Hija kelma ta’ azzjoni b’ għadd ta’ definizzjonijiet.8 Bl-istess mod, l-impenn tagħna li nieħdu fuqna isem Ġesù Kristu jeħtieġ minna azzjoni u għandu fih għadd ta’ dimensjonijiet.

Per eżempju, tifsira waħda tal-kelma jieħdu hi li jieħdu sehem jew jilqgħu xi ħaġa f’ ġisimhom, bħal meta aħnanieħdu xi ftit ilma. Meta nieħdu fuqna isem Kristu, aħna nkunu qed nikkommettu ruħna li nieħdu t-tagħlim Tiegħu, il-karatteristiċi Tiegħu u ultimament l-imħabba Tiegħu fil-qalb ta’ ruħna ħalli dawn ikunu jistgħu jsiru parti minn dak li verament aħna. B’hekk nistgħu naraw l-importanza tal-istedina tal-President Russell M. Nelson lill-adulti żgħażagħ biex “bl-għajnuna tat-talb u vigorożament huma jfittxu li jifhmu xi jfissru personalment għalihom id-diversi titli u ismijiet mogħtija lis-Salvatur”9 u li jiffesteġġjaw fuq kliem Kristu fl-iskrittura, speċjalment permezz tal-Ktieb ta’ Mormon.10

Tifsira oħra tal-kelma jieħdu hi li taċċetta persuna f’ xi rwol partikolari jew li tħaddan il-verità ta’ xi idea jew prinċipju. Meta aħna nieħdu fuqna isem Kristu, aħna nkunu qed naċċettawh bħala s-Salvatur tagħna u kontinwament inħaddu t-tagħlim Tiegħu bħala l-gwida għal ħajjitna. F’ kull deċiżjoni sinifikanti li nieħdu, aħna nistgħu nieħdu l-evanġelju Tiegħu li hu veru u b’ ubbidjenza ngħixuh b’ qalbna kollha, b’ moħħna kollu, u bil-qawwa tagħna kollha.

Il-kelma jieħdu tista’ tfisser ukoll li tallinja ruħek ma’ xi isem jew kawża. Ħafna minna kellna l-esperjenza li nieħdu fuqna ċerta responsabbiltà fuq ix-xogħol jew nieħdu, jew aħjar, inħaddnu xi kawża jew moviment. Meta aħna nieħdu fuqna isem Kristu, aħna nieħdu fuqna r-responsabbiltajiet tal-vera dixxiplu, aħna niddefendu l-kawża Tiegħu u aħna “nieqfu bħala xhieda Tiegħu f’ kull ħin u f’ kollox u f’ kull post li nistgħu nkunu fih.”11 Il-President Nelson sejjaħ lil “kull żagħżugħa u kull żagħżugħ … biex jinkitbu fil-battaljun taż-żgħażagħ tal-Mulej biex jgħinu fil-ġabra ta’ Iżrael.”12 U lkoll kemm aħna grati li nħaddnu s-sejħa profetika li niddikjaraw l-isem tal-Knisja rrestawrata Tiegħu kif żvelat mis-Salvatur innifsu: Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem.13

Fil-proċess li nieħdu fuqna isem is-Salvatur, tajjeb li aħna nifhmu li l-kawża ta’ Kristu u l-Knisja Tiegħu huma fil-fatt l-istess ħaġa. Ma tistax tisseparahom. Bl-istess mod, l-irwol personali tagħna bħala dixxipli tas-Salvatur u l-mod attiv tagħna bħala membri tal-Knisja Tiegħu huma wkoll inseparabbli. Jekk aħna nfallu fl-impenn tagħna lejn wieħed minnhom, l-impenn tagħna lejn l-ieħor jonqos, b’ garanzija daqs kemm wara l-jum jiġi l-lejl.

Xi wħud isibuha bi tqila jieħdu fuqhom l-isem ta’ Ġesù Kristu u l-kawża Tiegħu għaliex huma jħarsu lejha bħala xi ħaġa verament restrittiva li lilhom tillimitahom. Fil-verità, li aħna nieħdu fuqnu l-isem ta’ Kristu hija ħaġa li twassal biex tilliberana u tgħollina. Tasal biex tqajjem fina x-xewqa li aħna ħassejna meta aċċettajna l-pjan ta’ Alla permezz tal-fidi tagħna fis-Salvatur. B’ din ix-xewqa ħajja f’ qalbna, aħna nistgħu niskopru l-għan veru tad-doni u t-talenti mogħtija lilna b’ mod divin, nistgħu nesperjenzaw l-imħabba setgħana Tiegħu, u nistgħu nikbru fl-interess tagħna għall-benesseri ta’ ħaddieħor. Hekk kif aħna nieħdu fuqna isem is-Salvatur, aħna verament inkunu qegħdin naqbdu ma’ kull ħaġa ġusta u nsiru bħalu.14

Huwa importanti niftakru li huwa impenn b’ patt marbut miegħu li aħna nieħdu fuqna isem is-Salvatur—nibdew bil-patt li aħna nagħmlu fil-magħmudija. Il-President Nelson għallem, “L-impenn tagħkom li timxu wara s-Salvatur billi tagħmlu l-patti Miegħu u mbagħad iżżommu dawk il-patti jwassal biex jinfetaħ bieb għal kull barka u privileġġ spiritwali disponibbli.”15 Wieħed mill-privileġġi divini li niksbu meta nieħdu fuqna isem is-Salvatur permezz tal-magħmudija huwa l-aċċess li jiġi pprovdut lilna biex niksbu l-ordinanza li jmiss fit-triq tal-patt, il-konferma tagħna. Meta jiena staqsejt lil waħda mill-ħbieb tiegħi ta’ tmien snin xi tfisser li tieħu fuqha l-isem ta’ Kristu, hija sempliċiment wieġbet, “Ifisser li jiena jista’ jkolli miegħi l-Ispirtu s-Santu.” Kellha raġun.

Id-don tal-Ispirtu s-Santu nirċevuh permezz tal-konferma wara li nkunu rċevejna l-ordinanza tal-magħmudija. Dan id-don huwa d-dritt u l-opportunità li aħna jista’ jkollna magħna l-Ispirtu s-Santu bħala s-sieħeb kostanti tagħna. Jekk aħna nisimgħu u nobdu leħnu sieket u ċkejken, Huwa jżommna dejjem fit-triq tal-patt li nkunu dħalna fiha permezz tal-magħmudija, iwiddibna meta aħna niġu mġarrbin biex noħorġu minnha, u jħeġġiġna biex nindmu u nagħmlu t-tibdil neċessarju. Wara l-magħmudija, l-importanti hu li aħna nżommu l-Ispirtu s-Santu dejjem magħna ħalli nkunu nistgħu nkomplu navvanzaw fit-triq tagħna tal-patt. L-Ispirtu s-Santu jista’ jkun magħna biss jekk aħna dejjem inżommu ħajjitna nadifa u ħielsa mid-dnub.

Għal din ir-raġuni, il-Mulej ipprovdielna mod kif aħna kontinwament nistgħu nkomplu nġeddu l-effett purifikanti tal-magħmudija tagħna permezz ta’ ordinanza oħra—is-sagrament. Kull ġimgħa aħna nistgħu “nixhdu … li aħna lesti nieħdu fuqna isem l-Iben.”16 għal darb’oħra billi noħorġu jdejna u nieħdu l-emblemi tal-ġisem u d-demm tal-Mulej f’ idejna—il-ħobż u l-ilma—u noħduhom fil-qalba ta’ ruħna. Min-naħa Tiegħu, is-Salvatur jwettaq il-miraklu tat-tindif Tiegħu għal darb’oħra u jikkwalifikana biex ikollna magħna l-influwenza kontinwa tal-Ispirtu s-Santu. Mhijiex din evidenza tal-ħniena infinita li nistgħu nsibu biss fl-isem ta’ Ġesù Kristu? Hekk kif aħna nieħdu l-isem tiegħu fuqna, Huwa jieħu d-dnubiet u n-niket tagħna fuqu, u madankollu “id-driegħ kollu ħniena tiegħu hu merfugħ”17 biex iħaddanna f’ dirgħajn imħabbtu.18

Is-sagrament huma mod kif aħna, ta’ kull ġimgħa, niftakru li li nieħdu fuqna isem Ġesù Kristu huwa sewwasew impenn ħaj u kontinwu, u mhux xi avveniment li jseħħ darba biss fil-jum tal-magħmudija tagħna .19 Aħna nistgħu kontinwament u ripetutament ingawdu “dik l-offerta sagra, li kultant ma nifmuhiex, fejn dnubietna jinħafru u nieħdu s-sagrament.”20 Mhux ta’ b’ xejn mela li kull meta wlied Alla jifhmu l-barkiet setgħana u spiritwali li huma jistgħu jiksbu meta huma jieħdu fuqhom isem Kristu, is-sentiment tagħhom ikun dejjem ta’ ferħ u x-xewqa tagħhom tkun dejjem li jidħlu f’ patt ma’ Alla tagħhom.21

Hekk kif aħna nimxu f’ din it-triq tal-patt imfassla b’ mod divin, l-impenn u l-isforzi tagħna li nieħdu fuqna isem Ġesù Kristu jagħtuna l-qawwa “li nżommu ismu dejjem miktub ġewwa qalbna.”22 Aħna naslu biex dejjem inħobbu lil Alla u lil għajrna u nħossu xewqa li nimministrawlhom. Aħna nżommu l-Kmandamenti Tiegħu u nuru x-xewqa li nersqu viċin Tiegħu billi nidħlu f’ patti oħra Miegħu. U meta aħna nibdew inħossuna dgħajfin u mhux kapaċi naġixxu skont ix-xewqat ġusti tagħna, aħna nitolbu biex niksbu l-qawwa li nistgħu niksbuha biss permezz ta’ ismu u lilu nsibuh lest li jgħinna. U hekk kif aħna nibqgħu nirreżistu b’ fidi, jasal il-jum meta aħna naslu biex lilu narawh u ngħammru Miegħu, u aħna niskopru li fil-fatt inkunu sirna bħalu, u għalhekk nistgħu nikkwalifikaw għar-ritorn tagħna fil-preżenza tal-Missier.

Għaliex il-wegħda tas-Salvatur hija waħda ċerta: dawk li “jemmnu f’ isem Ġesù Kristu, u jqimu lill-Missier f’ ismu, u jibqgħu sodi fil-fidi f’ ismu sat-tmiem”23 huma jsalvaw fis-saltna ta’ Alla. Flimkien magħkom, jiena nifraħ li dawn il-barkiet inkomparabbli jsiru kollha possibbli għaliex aħna nieħdu fuqna l-isem ta’ Ġesù Kristu, li f’ ismu jiena nixhed, amen.

Noti

  1. Moses 5:8.

  2. Mosiah 3:17.

  3. Doctrine and Covenants 18:23.

  4. Dallin H. Oaks, “Taking upon Us the Name of Jesus Christ,” Ensign, Mejju 1985, 82.

  5. Doctrine and Covenants 18:24; enfażi miżjuda.

  6. Doctrine and Covenants 20:37; enfażi miżjuda.

  7. Il-President Dallin H. Oaks għallem: “Aħna nieħdu fuqna isem is-Salvatur tagħna meta aħna nsiru membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem. … Bħala nies li verament nemmnu fi Kristu, bħala Kristjani, aħna nieħdu ismu fuqna b’ ferħ” (“Taking upon Us the Name of Jesus Christ,” 80).

  8. Id-dizzjunarju Merriam-Webster onlajn, isemmi 20 tifsira differenti tal-forma trasversali tal-verb jieħu, li hija l-forma li fiha l-verb huwa wżat fil-frażi “nieħdu fuqna isem Ġesù Kristu” (ara merriam-webster.com/dictionary/take).

  9. Russell M. Nelson, “Prophets, Leadership, and Divine Law” (devozzjonali dinjija għall-adulti żgħażagħ, 8 ta’ Jan., 2017), broadcasts.lds.org.

  10. Ara Russell M. Nelson, “Il-Ktieb ta’ Mormon: Kif Kienet Tkun Ħajjitkom Mingħajru? Liahona, Nov. 2017, 60–63.

  11. Mosiah 18:9.

  12. Russell M. Nelson, “Hope of Israel” (devozzjonali dinjija għaż-żgħażagħ, 3 ta’ Ġunju, 2018), Hopeofisrael.lds.org.

  13. “Il-Mulej kellimni f’ moħħi dwar l-importanza tal-isem li Huwa żvela għall-Knisja Tiegħu, sewwasew il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem. Aħna għandna ħidma quddiemna li nġibu lilna nfusna f’ armonija mar-rieda Tiegħu” (Russell M. Nelson, “L-Isem tal-Knisja” [dikjarazzjoni lill-istampa, 16 ta’ Aww., 2018], mormonnewsroom.org).

  14. Ara Moroni 7:19.

  15. Russell M. Nelson, “Hekk Kif Nimxu ‘l Quddiem Flimkien,” Liahona, Apr. 2018, 7.

  16. Doctrine and Covenants 20:77; enfażi miżjuda.

  17. 3 Nephi 9:14; ara wkoll Alma 5:33–34.

  18. Ara2 Nephi 1:15.

  19. “Meta aħna nixhdu permezz tad-dispożizzjoni tagħna li sejrin nieħdu fuqna isem Ġesù Kristu, aħna nkunu qed nuru l-impenn tagħna li nagħmlu dak kollu li nistgħu biex niksbu l-ħajja eterna fis-saltna ta’ Missierna. Aħna nkunu qed nesprimu l-kandidatura tagħna—id-determinazzjon tagħna li nagħmlu l-almu tagħna biex niksbu—l-eżaltazzjoni fis-saltna ċelestjali. …

    “… Dak li nagħtu xhieda tiegħu mhuwiex li aħna nieħdu fuqna ismu iżda li aħna lesti li nagħmlu dan. F’ dan is-sens, ix-xhieda tagħna hija relatata ma’ avveniment jew status li għad irid iseħħ li l-kisba tiegħu mhijiex f’idejna, iżda tiddependi fuq l-awtorità jew l-inizjattiva tas-Salvatur innifsu” (Dallin H. Oaks, “Taking upon Us the Name of Jesus Christ,” 82, 83).

  20. “O Kbir Etern Missier,” Innijiet u Għanjiet tat-Tfal, paġna 118.

  21. Ara Mosiah 5; 6; 18; 3 Nephi 19.

  22. Mosiah 5:12.

  23. Doctrine and Covenants 20:29.