Emmen, Ħobb, Aġixxi
Aħna niksbu l-ħajja bil-kotra billi nsiru dixxipli vera ta’ Ġesù Kristu—billi nimxu kif iridna Hu u ninaġġaw ruħna fil-ħidma Tiegħu.
Għeżież ħuti, hija verament okkażżjoni mill-aktar sabiħa li ninsab hawn magħkom illum f’ din is-sezzjoni meraviljuża tal-konferenza ġenerali: biex nisimgħu l-messaġġi spirati; biex nisimgħu dan il-kor meraviljuż ta’ missjunarji li qed jirrappreżenta l-bosta eluf ta’ missjunarji madwar id-dinja—lil uliedna—u speċjalment biex inkunu magħqudin fil-fidi tagħna llum, biex insostnu għal darb’oħra lill-President u profeta għażiż tagħna, il-President Russell M. Nelson, kif ukoll insostnu lill-Ewwel Presidenza u l-Uffiċjali Ġenerali tal-Knisja. X’ jum ta’ ferħ li ninsab hawn magħkom illum.
Is-Sultan Salamun tal-qedem kien wieħed mill-aktar nies li materjalment irnexxew fl-istorja tad-dinja.1 Kien jidher li ma kien jonqsu xejn—flus, setgħa, adorazzjoni, unur. Iżda hekk kif kien riesaq lejn it-tmiem ta’ ħajtu, wara snin twal jissodisfa x-xewqat personali tiegħu u jgħix fil-lussu, kif iddeskriva ħajtu s-Sultan Salamun?
“Kollox frugħa,”2 huwa qal.
Dan ir-raġel, li kellu kulma ried, spiċċa disilluż, pessimist u mdejjaq, minkejja dak kollu li kellu.3
Fil-Ġermaniż hemm kelma, Weltschmerz. Fi ftit kliem, tfisser diqa li ġejja minn meta wieħed joqgħod jehwden kontinwament dwar kif id-dinja hija inferjuri għal dik li jaħseb li għandha tkun.
Jista’ jkun li hemm xi ftit ta’ Weltschmerz f’ kull wieħed u waħda minna.
Meta niket sieket itappan ftit ftit lil ħajjitna. Meta l-jiem u l-iljieli tagħna jkunu kkaraterizzati minn diqa kontinwa. Meta f’ ħajjitna u fil-ħajja tal-għeżież tagħna aħna nesperjenzaw xi traġedja jew inġustizzja. Meta nħossu li ħajjitna hi sfortuna waħidha, li ħlief uġigħ m’għandniex meta missna qed ingawdu t-trankwillità—nafu wkoll tiġina t-tentazzjoni li nispiċċaw naqblu ma’ Salamun li l-ħajja hija biss frugħa u verament bla sens.
It-Tama l-Kbira
L-aħbar it-tajba hi, li tama teżisti. Hemm soluzzjoni għall-vojt li nħossu fina, għall-Weltschmerz tal-ħajja. Hemm soluzzjoni saħansitra għall-akbar disprazzjoni u qtigħ ta’ qalb li intom tistgħu qegħdin tħossu.
Din it-tama tinsab fil-qawwa trasformattiva tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu u fil-qawwa tal-fidwa tas-Salvatur li tista’ tfejjaqna mill-isfidi spiritwali tagħna.
“Jiena ġejt,” iddikjara Ġesù, “biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra.”4
Aħna niksbu l-ħajja bil-kotra mhux billi noqogħdu niffokaw fuq il-bżonnijiet tagħna jew fuq dak li rnexxielna niksbu iżda billi nsiru dixxipli vera ta’ Ġesù Kristu—billi nimxu kif iridna Hu u ningaġġaw ruħna fil-ħidma Tiegħu. Aħna niksbu l-ħajja bil-kotra billi ninsew lilna nfusna u ningaġġaw ruħna fil-kawża kbira ta’ Kristu.
U x’inhi l-kawża ta’ Kristu? Hi li nemmnu fih, inħobbu kif ħabb Hu u naġixxu bħalu.
Ġesù “għadda jagħmel il-ġid.”5 Huwa mexa fost il-foqra, l-abbandunati, il-morda u l-imħawdin. Huwa mministra lil min kien vulnerabbli, lid-dgħajfin u lil dawk li kienu jinsabu weħidhom. Huwa qatta’ ħin magħhom; Huwa tkellem magħhom. “U fejjaqhom kollha.”6
Kull fejn Huwa mar, is-Salvatur għallem “l-aħbar it-tajba”7 tal-evanġelju. Huwa qasam magħhom ċerti veritajiet eterni li wasslu biex ħelsu lin-nies kemm spiritwalment kif ukoll temporalment.
Dawk li jiddedikaw lilhom infushom għall-kawża ta’ Kristu jiskopru l-verità tal-wegħda tas-Salvatur: “Min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isibha.”8
Salamun kien żbaljat, għeżież ħuti—il-ħajja mhijiex “frugħa.” Għall-kuntrarju, tista’ tkun waħda mill-aktar sinifikanti, waħda ta’ paċi.
L-idejn li jfejqu ta’ Ġesù Kristu jilħqu lil dawk kollha li jfittxuh. Jiena sirt naf mingħajr ebda dubju li meta aħna nemmnu f’ Alla u nħobbuh u nagħmlu l-almu tagħna biex nimxu wara Kristu, dan jista’ jwassal biex isseħħ bidla f’ qalbna,9 l-uġigħ tagħna jonqos u ruħna timtela “b’ ferħ mill-aktar kbir.”10
Emmen, Ħobb, Aġixxi
Bla dubju, aħna għandna nagħmlu ferm aktar milli sempliċiment niksbu għarfien intelletwali tal-evanġelju biex hu jkun jista’ jħalli f’ ħajjitna l-influwenza tal-fejqan tiegħu. Aħna għandna ninkorporawh f’ ħajjitna—nagħmluh parti minn dak li aħna u minn dak li nagħmlu.
Ippermettuli nissuġġerixxi li biex aħna nkunu dixxipli jeħtieġ nibdew bi tliet kelmiet sempliċi:
Emmen, ħobb, u Aġixxi.
Li nemmnu f’ Alla jwassalna biex ikollna l-fidi fih u niżviluppaw il-fiduċja fil-kelma Tiegħu. Il-fidi twassal biex qalbna tikber fl-imħabba tagħna lejn Alla u lejn l-oħrajn. Hekk kif din l-imħabba tikber, aħna nispiraw ruħna biex nimitaw lis-Salvatur hekk kif aħna nkomplu mexjin fil-vjaġġ kbir tagħna fit-triq tagħna bħala dixxipli.
“Iżda,” tafu tgħidu, “din tidher xi ħaġa sempliċi wisq. Il-problemi tal-ħajja, għall-inqas il-problemi tiegħi, huma wisq aktar kumplessi għal preskrizzjoni daqstant sempliċi. Mhux possibbli tfejjaq il-Weltschmerz permezz ta’ tliet kelmiet sempliċi: Emmen, ħobb, aġixxi.”
Mhijiex l-aforiżma li tfejjaq. Hija l-imħabba ta’ Alla li teħlisna, tirrestawrana u tagħtina mill-ġdid il-ħajja.
Alla jafkom. Intom uliedu. Huwa jħobbkom.
Anke meta intom taħsbu li ħadd ma jħobbkom, Huwa jkun jinsab hemm għalikom.
Illum stess—kull jum—Huwa jinsab hemm għalikom, jixtieq ifejjaqkom, jgħinkom u minflok il-vojt li tħossu ġewwa qalbkom huwa jimliekom b’ ferħ dejjiem. Huwa jixtieq ineħħi kull dalma li qed iddallam ħajjitkom u minflok jimla l-ħajja tagħkom bid-dawl sagru u brillanti tal-glorja bla tmiem Tiegħu.
Jiena stess nista’ ngħid li esperjenzajt dan.
U hija x-xhieda tiegħi bħala Appostlu tal-Mulej Ġesù Kristu li dawk kollha li jersqu lejn Alla—dawk kollha li verament jemmnu, iħobbu, u jaġixxu—jistgħu wkoll jesperjenzaw dan.
Aħna Nemmnu
L-iskrittura tgħallimna li “mingħajr il-fidi ma jistax ikun li wieħed jogħġob lil Alla: għax kull min jersaq lejn Alla jeħtieġlu jemmen li Huwa jeżisti.”11
Għal xi wħud, li huma jemmnu hija ħaġa diffiċli. Xi kultant, il-kburija tagħna taf iżżommna milli nemmnu. Jista’ jkun li aħna naħsbu li peress li aħna intelliġenti, ta’ skola jew nies b’ esperjenza, aħna sempliċiment ma nistgħux nemmnu f’ Alla. U aħna nibdew inħarsu lejn ir-reliġjon bħala tradizzjoni kollha bluha.12
Mill-esperjenza tiegħi, it-twemmin mhuwiex bħal xi pittura li nħarsu lejha, nammirawha, u li dwarha aħna niddiskutu u noħorġu b’ ċerti teoriji. Huwa aktar bħall-moħriet li aħna nieħdu ġewwa l-għelieqi u, permezz tal-għaraq ta’ ġbina aħna noħolqu ċerti trinek fl-art, liema art taċċetta fiha ż-żerriegħa u tasal biex tagħti frott li jibqa’.13
Ersqu lejn Alla, u hu jersaq lejkom.14 Din hi l-wegħda għal dawk kollha li jfittxu li jemmnu.
Aħna Nħobbu
L-iskrittura tiżvela li aktar ma aħna nħobbu lil Alla u lil uliedu, aktar aħna nsiru kuntenti.15 L-imħabba li tkellem dwarha Ġesù, madankollu, mhijiex xi ħaġa li nistgħu nużawha skont l-eżiġenza, li wara li nużawha narmuha, jew li wara li nagħrfuha nkunu nistgħu ngħaddu għal xi ħaġa oħra. Mhijiex imħabba li l-ewwel nitkellmu dwarha u mbagħad ninsewha. Mhijiex imħabba ta’ “jekk ikollok bżonni, għidli.”
L-imħabba li Alla jitkellem dwarha hija t-tip ta’ mħabba li tidħol f’ qalbna meta aħna nqumu filgħodu, tibqa’ magħna tul il-jum u nħossuha tikber f’ qalbna hekk kif aħna noffru t-talb ta’ gratitudni tagħna filgħaxija.
Din hi l-imħabba li diffiċli niddiskrivuha li Missierna tas-Smewwiet għandu għalina.
Hija din il-kompassjoni bla tmiem li tagħtina ċ-ċans li nħarsu b’ aktar ċarezza lejn l-oħrajn u naraw min verament huma. Permezz tal-lenti tal-imħabba safja, aħna naraw quddiemna ħlejjaq immortali b’ potenzjal u valur infinit li huma wlied Alla s-Setgħan.
La darba aħna nħarsu minn din il-lenti, aħna qatt ma nistgħu nwarbu lil xi ħadd, jew ninjorawh, jew niddiskriminaw kontrih.
Aħna Naġixxu
Fil-ħidma tas-Salvatur, huwa spiss permezz ta’ “ħwejjeġ żgħar u sempliċi li jitwettqu ħwejjeġ kbar.”16
Aħna nafu li huwa meħtieġ minna li aħna nipprattikaw kontinwament biex insiru tajbin f’ xi ħaġa. Kemm biex indoqqu l-klarinett, kemm biex nixxuttjaw ballun ġewwa x-xibka, kemm biex insewwu karozza jew saħansitra biex intajru ajruplan, huwa biss permezz tal-prattika li aħna nistgħu nsiru dejjem aħjar f’ dak li nagħmlu.17
L-organizzazzjoni li s-Salvatur tagħna ħoloq fid-dinja—Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem—tgħinna biex nagħmlu eżattament dan. Toffrilna post biex fih aħna nipprattikaw il-mod li għallem Hu u nbierku lill-oħrajn kif għamel Hu.
Bħala membri tal-Knisja, aħna niġu mogħtija ċerti sejħiet, responsabbiltajiet u opportunitajiet biex nilħqu lil ħaddieħor b’ kompassjoni u biex nimministraw lill-oħrajn.
M’ilux, il-Knisja reġgħet għamlet enfażi ġdida fuq il-ministeru jew li nservu u nħobbu lill-oħrajn. Kien jirrikjedi ħafna ħsieb biex finalment aħna ddeċidejna x’ konna se nsejħu din l-enfażi speċjali.
Wieħed mill-ismijiet ikkunsidrati kien nirgħu n-nagħaġ, referenza xierqa għall-istedina ta’ Kristu: “Irgħa n-nagħaġ tiegħi.”18 Madankollu, kien se jkun hemm tal-anqas kumplikazzjoni waħda: jekk konna se nużaw dak it-terminu jien kont se nispiċċaGerman shepherd. Konsegwentament, jiena nħossni kuntent bit-terminu ministeru.
Din il-Ħidma hi għal Kulħadd
M’hemmx dubju, din l-enfażi mhijiex xi ħaġa ġdida. Hija sempliċiment tipprovdilna mill-ġdid opportunità raffinata biex nipprattikaw il-kmandament tas-Salvatur biex “inħobbu lil xulxin,”19 mod raffinat kif nimplimentaw u nipprattikaw l-għan tal-Knisja.
Aħsbu ftit dwar il-ħidma missjunarja; il-mod kuraġġjuż, umli u kunfidenti kif naqsmu l-evanġelju huwa eżempju meraviljuż kif aħna nistgħu nimministraw lill-oħrajn, huma min huma, fil-bżonnijiet spiritwali tagħhom.
Jew meta aħna nwettqu l-ħidma tat-tempju—infittxu l-ismijiet tal-antenati tagħna u noffrulhom il-barkiet tal-eternità. X’ mod divin kif nimministraw.
Ikkunsidraw ftit l-att li aħna nfittxu lill-foqra u lil dawk fil-bżonn, ngħinu lill-batut jew inbierku lill-morda jew lill-mifluġa. Mhumiex dawn l-għemejjel vera tal-ministeru mill-aktar pur li l-Mulej ipprattika meta Huwa mexa fid-dinja?
Jekk intom mhux membri tal-Knisja, jien nistedinkom biex “tiġu u taraw.”20 Ejjew, Ingħaqdu Magħna. Jekk intom membri tal-Knisja iżda bħalissa m’intomx tipparteċipaw b’ mod attiv, nistedinkom, jekk jogħġobkom ejjew lura. Aħna għandna bżonnkom!
Ejjew, żidu l-ħiliet tagħkom ma’ tagħna.
Minħabba t-talenti, l-abbiltajiet uniċi u l-personalità unika tagħkom, intom tistgħu tgħinuna nsiru nies aħjar u aktar kuntenti. Mill-banda l-oħra, aħna nistgħu ngħinukom ukoll issiru nies aħjar u aktar kuntenti.
Ejjew, għinuna nibnu u nsaħħu l-kultura tal-fejqan, tat-tjubija u tal-ħniena lejn l-ulied kollha ta’ Alla. Għaliex aħna lkoll qed nagħmlu l-almu tagħna biex insiru ħlejjaq ġodda fejn “il-qadim għadda” u “daħal … il-ġdid.”21 Is-Salvatur uriena d-direzzjoni fejn għandna mmorru—’il quddiem u ‘l fuq. Huwa jgħidilna “Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi.”22 Ejjew naħdmu flimkien biex insiru l-poplu li Alla jixtieqna nkunu.
Din hija t-tip ta’ kultura tal-evanġelju li aħna nixtiequ li tiġi kkultivata mill-membri kollha tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu. Aħna nfittxu li nsaħħu l-Knisja biex tkun post fejn aħna naħfru lil xulxin. Fejn aħna nirreżistu t-tentazzjoni li nfittxu d-difetti tal-oħrajn, li ngħidu fuq ħaddieħor jew li nbaxxu l-moral ta’ dak li jkun. Fejn, minflok ma nippuntaw subgħajna lejn ħaddieħor, aħna nissapportjaw u ngħinu lil xulxin biex noħorġu l-potenzjal li hemm fina.
Ippermettuli nerġa’ nistedinkom. Ejjew u araw. Ingħaqdu Magħna. Aħna għandna bżonnkom.
Nies Imperfetti
Intom issibu li din il-Knisja hija mimlija bl-aqwa nies li din id-dinja għandha x’ toffri. Huma nies b’ dirgħajhom miftuħin, li jafu jħobbu, ġentili u sinċiera. Huma nies ħabrieka, lesti jissagrifikaw u xi kultant huma anke erojċi.
U sfortunatament huma wkoll nies imperfetti.
Huma jiżbaljaw.
Minn żmien għall-ieħor huma jgħidu affarijiet li ma misshomx jgħiduhom. Huma jagħmlu affarijiet li jixtiequ li qatt ma għamluhom.
Iżda huma għandhom ħaġa waħda komuni—huma jixtiequ jsiru nies aħjar u jersqu aktar viċin tal-Mulej, is-Salvatur tagħna, l-istess Ġesù Kristu.
Huma qed jippruvaw jagħmlu dak li hu xieraq.
Huma jemmnu. Huma jħobbu. Huma jaġixxu.
Huma jridu jsiru anqas egoisti u aktar raffinati, iridu juru aktar kompassjoni u jsiru aktar bħal Ġesù.
Il-Mod Kif Niksbu l-Ferħ
Iva, xi kultant il-ħajja taf tkun waħda diffiċli. M’hemmx dubju li lkoll kemm aħna xi kultant ngħaddu minn żminijiet ta’ disperazzjoni u qtigħ ta’ qalb.
Iżda l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu joffri t-tama. U, fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu, aħna ningħaqdu ma’ oħrajn li qed ifittxu post fejn aħna nistgħu nħossuna komdi—post li fih nistgħu nikbru, fejn flimkien, aħna nistgħu nemmnu, inħobbu u naġixxu.
Minkejja d-differenzi tagħna, aħna nfittxu li nħaddnu lil xulxin bħala wlied l-għażiż Missierna tas-Smewwiet.
Jiena grat bis-sħiħ li jien membru tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem u li naf li Alla jħobb lil uliedu biżżejjed li jagħtihom mod kif huma jistgħu jiksbu l-ferħ u li jkunu jafu x’inhu l-għan ta’ ħajjithom u jagħtihom mod kif huma jistgħu jesperjenzaw il-ferħ etern fis-swali ta’ glorja fil-ħajja li jmiss.
Jiena grat li Alla tana mod kif aħna nistgħu nfiequ mill-isfidi spiritwali u mill-Weltschmerz tal-ħajja.
Jiena nixhed magħkom u nħallikom bil-barka tiegħi li hekk kif aħna nemmnu f’ Alla, hekk kif aħna nħobbuh u nħobbu lil uliedu b’ qalbna kollha, u nagħmlu l-almu tagħna biex naġixxu kif għallimna Alla, aħna nsibu l-fejqan, il-paċi u l-hena u nagħrfu x’inhu l-għan tal-ħajja. Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kistu, amen.