Il-Viżjoni u l-Fidwa tal-Mejtin
Jiena nixhed li l-viżjoni li rċieva l-President Joseph F. Smith hija veru. Jiena nixhed li kull persuna tista’ ssir taf il-verità tagħha.
Ħuti, jiena ħejjejt id-diskors tiegħi ftit taż-żmien qabel mal-għażiża marti, Barbara, għaddiet għal ħajja oħra. Jiena u l-familja tiegħi nirringrazzjakom għall-imħabba tagħkom u t-tjubija li intom urejtu. Nitlob li l-Mulej iberikni hekk kif jien se nkellimkom dalgħodu.
F’ Ottubru 1918, sewwasew 100 sena ilu, il-President Joseph F. Smith irċieva viżjoni mill-aktar glorjuża. Wara kważi 65 sena ta’ servizz dedikat lejn il-Mulej fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem u ftit ġimgħat biss qabel il-mewt tiegħu fid-19 ta’ Novembru, 1918, huwa poġġa bilqiegħda fil-kamra tiegħu u beda jixtarr dwar is-sagrifiċċju tal-att tal-fidwa ta’ Kristu u beda jaqra d-deskrizzjoni tal-Appostlu Pietru dwar il-ministeru tas-Salvatur fid-dinja tal-Ispirti wara l-Kruċifissjoni Tiegħu.
Huwa kiteb: “Jien u naqra, verament ħassejtni impressjonat. … Hekk kif bdejt nixtarr dwar dawn il-ħwejjeġ … , l-għajnejn tal-għarfien tiegħi nfetħu, u l-Ispirtu tal-Mulej niżel fuqi u jiena rajt l-eżerċti tal-mejtin.”1 It-test komplet tal-viżjoni nsibuh f’ Duttrina u Patti 138.
Ippermettuli nipprovdilkom xi ftit informazzjoni sabiex aħna nkunu nistgħu napprezzaw b’ mod sħiħ lil Joseph F. li għadda ħajtu kollha jħejji lilu nnifsu biex jirċievi din ir-rivelazzjoni meraviljuża.
Fl-1906, meta huwa kien President tal-Knisja, huwa mar iżur Nauvoo u hemmhekk beda jirrifletti dwar memorja li kellu ta’ meta kien għad kellu 5 snin. Huwa qal: “Dan huwa l-post eżatt fejn jiena kont meta [iz-ziju Joseph u missieri, Hyrum] waqfu hawn biż-żiemel fi triqithom lejn Carthage. Mingħajr ma niżel minn fuq iż-żiemel, missieri inklina ruħu minn fuq is-sarġ u refagħni. Huwa biesni għall-aħħar darba u reġa’ niżżilni u jien rajtu jerġa’ jibda jitbiegħed minn ħdejja.”2
Il-jum li fih Joseph F. reġa’ rahom quddiemu, ommu, Mary Fielding Smith, refgħatu f’ dirgħajha biex ikun jista’ jara iż-żewġ martri mimdudin ħdejn xulxin wara li huma kienu nqatlu b’ mod mill-aktar brutali ġewwa ċ-Ċella ta’ Carthage fis-27 ta’ Ġunju, 1844.
Sentejn wara, Joseph F., flimkien mal-familja tiegħu u ma’ ommu Mary Fielding Smith, mara mill-aktar fidila, ħallew darhom ġewwa Nauvoo u telqu lejn Winter Quarters. Minkejja li lanqas biss kien għad kellu tmien snin, Joseph F. kien jeħtieġ li jsuq wieħed mill-gruppi tal-gniedes, minn Montrose, Iowa, sa Winter Quarters u aktar tard kellu jerġa’ jsuqhom sal-Wied ta’ Salt Lake, fejn waslu meta huwa kellu kważi 10 snin. Nittama li intom is-subien u l-ġuvintur tinsabu lkoll tisimgħuni u nittama li intom tirrealizzaw x’ responsabbiltà kien qed iġorr Joseph F. meta huwa kien għadu daqsxejn ta’ tifel u kemm kien mistenni minnu.
Erba’ snin biss wara, fl-1852, meta huwa kellu 13-il sena, l-għażiża ommu mietet— ħalliet warajha lil Joseph u lil ħutu ltiema.3
Fl-1854, Joseph F. ġie msejjaħ sabiex jaqdi missjoni fil-Gżejjer tal-Hawaii meta huwa kien għad kellu biss 15-il sena. Din il-missjoni, li damet aktar minn tliet snin, kienet il-bidu ta’ ħajja ta’ servizz fil-Knisja.
Meta, fl-1859, Joseph F. reġa’ lura f’ Utah, huwa żżewweġ.4 Fis-snin ta’ wara, ħajtu kienet waħda mill-aktar attiva minħabba x-xogħol li kellu, id-dmirijiet tal-familja, kif ukoll minħabba li serva żewġ missjonijiet oħra. Fl-1 ta’ Lulju, 1866, fl-età ta’ 27 sena, il-ħajja ta’ Joseph F. inbidlet għal dejjem meta huwa ġie ordnat bħala Appostlu minn Brigham Young. F’ Ottubru tas-sena ta’ wara, huwa mela l-vojt li kien hemm fil-Kunsill tat-Tnax.5 Huwa serva bħala l-kunsillier ta’ Brigham Young, John Taylor, Wilford Woodruff u Lorenzo Snow qabel ma huwa stess sar President fl-1901.6
Joseph F. u martu Julina laqgħu fil-familja l-ewwel tarbija tagħhom, Mercy Josephine.7 Hija kellha biss sentejn u nofs meta hi għaddiet għal ħajja oħra. Ftit wara, Joseph F. kiteb: “Ilbieraħ għalaqna xahar minn meta mietet … l-għażiża tiegħi Josephine. O! li kieku kelli l-qawwa li nsalvaha u kont naraha tikber u ssir mara. Nimmissjaha kuljum u veru nħossni ninħakem minn solitudni. … Jalla Alla jaħfirli d-dgħjufija tiegħi jekk mhux sew li tħobb liċ-ċkejknin tiegħek kemm inħobbhom jien.”8
Tul ħajtu, il-President Smith tilef lil missieru, lil ommu, lil wieħed minn ħutu s-subien, lil tnejn minn ħutu l-bniet, lil tnejn min-nisa tiegħu, u tlettax il-tifel u tifla. Huwa kien jaf x’ jiġifieri li tkun imnikket u titlef lil maħbubin tiegħek.
Meta ibnu Albert Jesse miet, Joseph F. kiteb lil oħtu Martha Anna li huwa kien talab lill-Mulej biex jeħilsu u staqsa, “Għaliex ġara dan? O Alla għalfejn kellu jiġri hekk?”9
Minkejja t-talb li talab f’ dak il-mument, Joseph F. ma rċieva l-ebda tweġiba dwar dan.10 Huwa qal lil Marta Ann li “Alla qisu ma jridx jaf” dwar is-suġġett tal-mewt u d-dinja tal-ispirti. Madankollu, il-fidi tiegħu fil-wegħdiet eterni tal-Mulej kienet waħda mill-aktar ferma u soda.
Fil-mument li għażel il-Mulej, il-President Smith, permezz ta’ viżjoni mill-aktar meraviljuża li huwa kellu, f’ Ottubru tal-1918, irċieva aktar tweġibiet għat-talb tiegħu u aktar faraġ u għarfien dwar id-dinja tal-ispirti, li tant kien ilu jixtieq ikun jaf dwarha.
Dik is-sena kienet waħda partikolarment diffiċli għalih. Huwa kien imnikket ħafna minħabba n-numru ta’ mwiet fil-Gwerra Dinjija l-Kbira, liema mwiet komplew dejjem jiżdiedu biex aktar minn 20 miljun ruħ spiċċaw tilfu ħajjithom. Barra minn hekk, pandemija tal-influwenza kienet qed tinfirex mad-dinja, u ħalliet warajha aktar minn 100 miljun ruħ mejta.
Matul dik is-sena, il-President Smith tilef ukoll tliet membri għeżież oħra tal-familja tiegħu. Il-Presbiteru Hyrum Mack Smith tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu, li kien l-ewwel iben tiegħu u li jiġi wkoll in-nannu tiegħi, miet bla mistenni meta nfaqgħetlu l-appendiċi.
Il-President Smith kiteb: “Inħossni bla kliem—in-niket inħossu jikkunsmani! … Qalbi nħossha tinqasam; nixtieq nista’ nġibu lura! … O! Kemm kont inħobbu! … Se nibqa’ nħobbu għal dejjem. U l-istess nista’ ngħid għal uliedi kollha li jien tlift, iżda hu kien l-ewwel tifel li jiena kelli, l-ewwel wieħed li ġabli l-ferħ u t-tama ta’ isem mill-aktar etern u onorabbli fost il-bnedmin. … Mill-profondità ta’ ruħi jiena nirringrazzja lil Alla talli għoġbu jagħtihuli! Iżda … O! Kemm għandi bżonnu! Ilkoll kemm aħna għandna bżonnu! Kien verament utli għall-Knisja. … U issa, … O! x’ se nagħmel! … O! Alla għinni!”11
Ix-xahar ta’ wara, ħaten il-President Smith, Alonzo Kesler, miet f’ aċċident traġiku.12 Il-President kiteb fid-djarju tiegħu, “Dan l-aċċident fatali mill-aktar terribbli u dipressanti reġa’ għal darb’oħra tefa’ lill-familja kollha tagħna f’ niket enormi.”13
Seba’ xhur wara, f’ Settembru 1918, il-mara tat-tifel tal-President Smith, li tiġi n-nanna tiegħi, Ida Bowman Smith, mietet wara li hija welldet il-ħames tarbija tagħha, iz-ziju Hyrum.14
U kien fit-3 ta’ Ottubru, 1918, wara li kien esperjenza niket mill-aktar intens minħabba miljuni ta’ nies li dik is-sena kienu mietu minħabba l-gwerra u l-mard, kif ukoll minħabba l-imwiet tal-membri tal-familja tiegħu, li l-President Smith irċieva r-rivelazzjoni mis-smewwiet magħrufa bħala “il-viżjoni tal-fidwa tal-mejtin.”
L-għada, fis-sezzjoni tal-ftuħ tal-konferenza ġenerali ta’ Ottubru, huwa rrefera għar-rivelazzjoni li huwa kellu. Saħħet il-President Smith kienet sejra lura, madankollu huwa tkellem fil-qosor: “Jiena mhux se noqgħod insemmi dak kollu li għandi f’ moħħi dalgħodu, għax se nipposponi dan kollu għal xi jum ieħor fil-futur, jekk Alla jrid, iżda se nipprova nkellimkom dwar xi ftit minn dawk l-affarijiet li għandi f’ moħħi li jinsabu wkoll ġewwa qalbi. F’ dawn l-aħħar ħames xhur, jiena ma kontx qed ngħix waħdi. Jiena kont qed ngħammar fi spirtu ta’ talb, ta’ fidi u ta’ determinazzjoni; u għaddejt ħin nitkellem mal-Ispirtu tal-Mulej kontinwament.”15
Ir-rivelazzjoni li huwa rċieva fit-3 ta’ Ottubru farrġitlu qalbu u pprovdieltu tweġiba għall-bosta mistoqsijiet li huwa kellu. Aħna wkoll nistgħu nitfarrġu u nitgħallmu aktar dwar l-istess futur tagħna għal meta aħna u l-maħbubin tagħna mmutu u mmorru fid-dinja tal-ispirti, billi nistudjaw din ir-rivelazzjoni u nixtarru s-sinifikat tagħha bil-mod li bih aħna ngħixu ħajjitna kuljum.
Fost il-bosta affarijiet li l-President Smith ra kien hemm iż-żjara tas-Salvatur fost il-fidili fid-dinja tal-ispirtu wara li Huwa miet fuq is-salib. Minn din il-viżjoni jiena se nikkwota:
“Araw, minn fost it-twajbin, huwa organizza l-forzi tiegħu u ħatar messaġġiera, mlibbsin bil-qawwa u bl-awtorità, u bagħathom sabiex imorru u jieħdu magħhom id-dawl tal-evanġelju lil dawk li kienu jinsabu fid-dalma, sewwasew lill-ispirti kollha tal-bnedmin;16 u b’ dan il-mod l-evanġelju ġie ppridkat ukoll lill-mejtin. …
“Dawn ġew mgħallmin il-fidi f’ Alla, l-indiema minn dnubiethom, il-magħmudija f’ isimhom għall-maħfra ta’ dnubiethom u d-don tal-Ispirtu s-Santu permezz tat-tqegħid tal-idejn,
“U l-prinċipji l-oħra kollha tal-evanġelju li kienu neċessarji li huma jkunu jafu sabiex ikunu jistgħu jikkwalifikaw ħalli huma jkunu jistgħu jiġu ġġudikati skont il-bnedmin fil-ġisem, iżda jgħixu skont Alla fl-ispirtu. …
“Għax il-mejtin kienu jħarsu lejn iż-żmiel twil li l-ispirtu tagħhom jgħaddi mingħajr ġisem bħala żmien ta’ jasar.
“Lil dawn il-Mulej għallem u tahom il-qawwa li jqumu mill-imwiet, wara r-reżurezzjoni tiegħu mill-mewt, biex jidħlu fis-saltna ta’ Missieru, u hemmhekk jiġu inkurunati bl-immortalità u l-ħajja eterna,
“U jkunu jistgħu jkomplu bil-ħidma tagħhom, kif wiegħed il-Mulej, u jgawdu mill-barkiet kollha li jinsabu jistennew lil dawk kollha li jħobbuh.”17
Fil-viżjoni, il-President Smith ra lil missieru, Hyrum, u lill-Profeta Joseph Smith. Kienu għaddew 74 sena mill-aħħar darba li kien rahom, meta huwa kien għadu daqsxejn ta’ tifel ċkejken ġewwa Nauvoo. Nistgħu nimmaġinaw il-ferħ li ħass meta ra lill-għeżież missieru u zijuh. Huwa jaf ħass ġewwa fih ċerta ispirazzjoni u faraġ hekk kif hu sar jaf li l-ispirti kollha jibqgħu jixbhu l-mod kif huma kien jidhru fil-ġisem mortali tagħhom u li huma jinsabu anzjużi jistennew il-jum tar-resurrezzjoni mwiegħda tagħhom. Din il-viżjoni żvelat ferm aħjar il-profondità u l-kobor tal-pjan ta’ Missierna tas-Smewwiet għal uliedu u għall-imħabba feddejja ta’ Kristu u l-qawwa bla paragun tal-Att tal-Fidwa Tiegħu.18
F’ dan il-100 anniversarju mill-aktar speċjali, jiena nistedinkom biex taqraw sewwa u bil-ħsieb din ir-rivelazzjoni. Hekk kif intom tagħmlu dan, jalla l-Mulej iberikkom biex tifhmu u tapprezzaw aħjar l-imħabba ta’ Alla u l-pjan ta’ ferħ u salvazzjoni Tiegħu għal uliedu.
Jiena nixhed li l-viżjoni li rċieva l-President Joseph F. Smith hija vera. Jiena nixhed kull persuna tista’ taqra din il-viżjoni u ssir taf il-verità tagħha. Dawk li f’ din il-ħajja ma jirċevux dan l-għarfien, żgur li għad isiru jafu bil-verità tiegħu meta huma jaslu lkoll fid-dinja tal-ispirti. Hemmhekk, ilkoll se nħobbu u nfaħħru lil Alla u l-Mulej Ġesù Kristu għall-pjan kbir tas-salvazzjoni u l-barkiet tar-Resurrezzjoni mwiegħda, meta l-ġisem u l-ispirtu tagħna jerġgħu, għal darb’oħra, jingħaqdu flimkien, fejn qatt aktar ma jkunu sseparati minn xulxin.19
Kemm jiena grat li jie naf fejn tinsab verament l-għażiża tiegħi Barbara u li aħna se nerġgħu nkunu flimkien, mal-familja tagħna, għall-eternità kollha. Li l-paċi tal-Mulej tibqa’ ssostnina issa u għal dejjem hija t-talba umli tiegħi f’ isem il-Mulej Ġesù Kristu, amen.