2010-2019
Il-Missier
Ottubru 2018


Il-Missier

Kull wieħed u waħda minna għandna fina l-potenzjal li nsiru bħall-Missier. Biex nagħmlu dan, jeħtieġ li aħna nqimu lill-Missier f’ isem l-Iben.

Tul ħajjitha kollha, marti Melinda ppruvat b’ qalbha kollha tkun dixxiplu fidil ta’ Ġesù Kristu. Madankollu, minn meta kienet għadha żagħżugħa, hija ħassitha li ma kenitx denja biżżejjed tal-imħabba u l-barkiet ta’ Missierna tas-Smewwiet għaliex hija ma kenitx fehmet sew in-natura Tiegħu. Fortunatament, Melinda kompliet iżżomm il-kmandamenti minkejja n-niket li hija kienet qed tħoss. Ftit tas-snin ilu, hija għaddiet minn ċerti esperjenzi li għenuha tifhem aħjar in-natura ta’ Alla, inkluż l-imħabba Tiegħu għal uliedu u l-gratitudni Tiegħu għall-isforzi mhux dejjem perfetti tagħna li nwettqu l-ħidma Tiegħu.

Hija tispjega kif dan influwenza ħajjitha: “Illum jiena nħossni ċerta li l-pjan tal-Missier jaħdem verament, li Hu investa personalment fis-suċċess tagħha u li Huwa jipprovdilna l-lezzjonijiet u l-esperjenzi li aħna neħtieġu biex nerġgħu lura fil-preżenza Tiegħu. Jiena bdejt aktar inħares lejja nnifsi u lejn ħaddieħor bil-mod li jħares lejna Alla. Jiena sirt kapaċi nieħu ħsieb uliedi, ngħallem u nservi b’ imħabba akbar u b’ anqas biża’. Jiena nħoss fija l-paċi u l-kunfidenza minflok l-anzjetà u l-inċertezza. Minflok ma nħoss li qed inkun iġġudikata, inħoss li qed inkun sostnuta. Il-fidi tiegħi hija aktar ċerta. Jien inħoss l-imħabba ta’ Missieri b’ mod aktar regolari u b’ aktar profond.”1

Li jkollna “idea korretta tal-karattru, tal-perfezzjoni u tal-kwalitajiet ta’ Missierna tas-Smewwiet” hija ħaġa mill-aktar essenzjali biex aħna nkunu nistgħu neżerċitaw fidi biżżejjed biex niksbu l-eżaltazzjoni.2 Għarfien korrett tal-karattru ta’ Missierna tas-Smewwiet jista’ jibdel il-mod kif aħna nħarsu lejna nfusna u lejn ħaddieħor u jgħinna nifhmu l-imħabba tremenda ta’ Alla għal uliedu u x-xewqa kbira Tiegħu li jgħinna nsiru bħalu. Perspettiva inkorretta tan-natura Tiegħu tista’ twassalna biex inħossuna bħallikieku aħna qatt mhu se nkunu kapaċi nerġgħu fil-preżenza Tiegħu.

L-għan tiegħi illum hu li ngħallem il-punti duttrinali ewlenin dwar il-Missier li jagħti ċans lil kull wieħed u waħda minna, iżda speċjalment lil dawk li jiddubitaw jekk Alla verament iħobbhom, biex nifhmu aħjar il-karattru veru Tiegħu u biex neżerċitaw fidi akbar fih, f’ Ibnu, u fil-pjan Tiegħu għalina.

Il-Ħajja Primortali

Fid-dinja primortali, aħna twelidna bħala spirti lil Ġenituri tas-Smewwiet u hemm għexna magħhom bħala familja.3 Huma kienu jafuna, kienu jgħallmuna u kienu jħobbuna.4 Aħna verament ridna nkunu bħal Missierna tas-Smewwiet. Madankollu, biex dan iseħħ, għarafna lkoll li kien jeħtieġ li aħna:

  1. Niksbu ġisem fiżiku gglorifikat u immortali;5

  2. Niżżewġu u niffurmaw familji permezz tal-qawwa tas-siġill tas-saċerdozju;6 u

  3. Niksbu l-għarfien kollu u l-qawwa u l-kwalitajiet divini kollha.7

Konsegwentament, il-Missier ħoloq pjan li permezz tiegħu kien se jagħtina ċ-ċans, jekk aħna nsegwu ċerti kundizzjonijiet,8 li niksbu ġisem fiżiku li jista’ jsir immortali u gglorifikat permezz tar-Resurrezzjoni; niżżewġu u niffurmaw familji fil-mortalità jew, għal dawk il-fidili li ma kellhomx din l-opportunità, wara l-mortalità;9 nimxu ‘l quddiem lejn il-perfezzjoni; u ultimament nerġgħu lura għand il-Ġenituri tagħna tas-Smewwiet u ngħixu magħhom u mal-familji tagħna fi stat ta’ eżaltazzjoni u ferħ etern.10

Dan l-iskrittura ssejjaħlu l-pjan tas-salvazzjoni.11 Aħna tant konna grati għal dan il-pjan li meta ġie ppreżentat lilna, aħna għajjatna bil-ferħ.12 Ilkoll kemm aħna aċċettajna l-kundizzjonijiet tal-pjan, inkluż l-esperjenzi u l-isfidi tal-mortalità li għandhom jgħinuna niżviluppaw ċerti kwalitajiet divini.13

Il-Ħajja Mortali

Tul il-mortalità, Missierna tas-Smewwiet jipprovdilna l-kundizzjonijiet li aħna neħtieġu biex inkunu nistgħu nimxu ‘l quddiem fil-pjan Tiegħu. Il-Missier nissel lil Ġesù Kristu fil-ġisem14 u pprovdielu l-għajnuna divina li kien jeħtieġ biex iwettaq il-missjoni mortali Tiegħu. Bl-istess mod, Missierna tas-Smewwiet jgħin lil kull wieħed u waħda minna jekk aħna nagħmlu l-almu tagħna li nżommu l-Kmandamenti Tiegħu.15 Il-Missier jagħtina l-għażla ħielsa.16 Ħajjitna tinsab f’ idejh, u “jiemna magħrufin” u “mhux se jkunu anqas milli għandhom ikunu.”17 U Huwa jiżgura li eventwalment kollox iseħħ għall-aħjar ta’ dawk kollha li jħobbuh.18

Huwa Missierna tas-Smewwiet li jagħtina l-ħobża ta’ kuljum,19 li tinkludi kemm l-ikel li aħna nieklu u l-qawwa li aħna neħtieġu biex inżommu l-kmandamenti Tiegħu.20 Il-Missier jagħtina rigali tajbin.21 Huwa jisma’ u jwieġeb talbna.22 Missierna tas-Smewwiet jeħlisna mill-ħażen meta aħna nħalluh jagħmel dan.23 Huwa jibki għalina meta aħna nsofru.24 Ultimament, il-barkiet kollha tagħna jaslu għandna mingħand il-Missier.25

Missierna tas-Smewwiet jiggwidana u jagħtina l-esperjenzi li aħna neħtieġu bbażati fuq il-ħiliet, id-dgħjufijiet u l-għażliet tagħna ħalli aħna nkunu nistgħu nipproduċu frott tajjeb.26 Il-Missier jikkoreġina meta jkun hemm bżonn għaliex Huwa jħobbna.27 Huwa “Bniedem ta’ Kunsill,”28 li jikkunsilja magħna jekk aħna nduru lejh u nitolbuh.29

Huwa Missierna tas-Smewwiet li jibgħat f’ ħajjitna kemm l-influwenza kif ukoll id-don tal-Ispirtu s-Santu.30 Permezz tad-don tal-Ispirtu s-Santu, il-glorja—jew l-intelliġenza, id-dawl u l-qawwa—tal-Missier tista’ tgħammar fina.31 Jekk aħna nagħmlu l-almu tagħna biex nikbru fid-dawl u l-verità sakemm ħarsitna tibqa’ ffissata biss fuq il-glorja ta’ Alla, Missierna tas-Smewwiet jibgħat l-Ispirtu s-Santu tal-Wegħda biex jissiġillana mal-ħajja eterna u jiżvela wiċċu quddiemna—jew f’ din il-ħajja jew inkella f’li jmiss.32

Il-Ħajja Postmortali

Fid-dinja postmortali tal-ispirti, Missierna tas-Smewwiet ikompli jixħet fuqna l-Ispirtu s-Santu u jibgħat lill-missjunarji għand dawk li jeħtieġu l-evanġelju. Huwa jisma’ t-talb u jgħin lil dawk li jkunu għadhom ma rċevuwhomx biex jirċievu l-ordinanzi tas-salvazzjoni minn xi ħadd ieħor f’ isimhom.33

Il-Missier qajjem lil Ġesù Kristu mill-imwiet u tah il-qawwa biex iġib fis-seħħ ir-Resurrezzjoni,34 li hija l-mezz kif aħna nistgħu niksbu ġisem immortali. Il-Fidwa u l-Qawmien mill-Imwiet tas-Salvatur iwassluna lura fil-preżenza tal-Missier,fejn aħna lkoll niġu ġġudikati minn Ġesù Kristu.35

Dawk li jafdaw fuq “il-merti, u l-ħniena u l-grazzja tal-Messija Mqaddes”36 jirċievu ġisem igglorifikat bħal tal-Missier37 u jgħammru Miegħu “fi stat ta’ ferħ bla tmiem.”38 Hemmhekk, il-Missier jixxotta d-dmugħ kollu tagħna39 u jgħinna nkomplu bil-vjaġġ tagħna biex insiru bħalu.

Kif qed taraw, Missierna tas-Smewwiet jinsab dejjem hemm għalina.40

Il-Karattru tal-Missier

Biex insiru bħall-Missier, aħna jeħtieġ niżviluppaw ċerti karatteristiċi li jinsabu fil-karattru Tiegħu. Il-perfezzjoni u l-kwalitajiet ta’ Missierna tas-Smewwiet jinkludu dan li ġej:

  • Il-Missier huwa “Bla tmiem u Etern.”41

  • Huwa perfettament ġust, ħanin, kollu sabar u jrid biss dak li hu l-aħjar għalina.42

  • Missierna tas-Smewwiet huwa mħabba.43

  • Huwa jżomm il-patti Tiegħu.44

  • Huwa ma jinbidilx.45

  • Huwa ma jistax jigdeb.46

  • Il-Missier ma jħares lejn wiċċ ħadd.47

  • Huwa jaf kollox—il-passat, il-preżent, u l-futur—mill-bidu taż-żminijiet.48

  • Missierna tas-Smewwiet huwa aktar intelliġenti49 minna lkoll.50

  • Il-Missier għandu l-qawwa kollha51 u jwettaq dak kollu li jkun jixtieq iwettaq.52

Ħuti, aħna nistgħu nafdaw fil-Missier u niddependu minnu. Peress li Huwa għandu perspettiva eterna, Missierna tas-Smewwiet jista’ jara ħwejjeġ li aħna ma narawhomx. Il-ferħ, il-ħidma u l-glorja Tiegħu se jġibu fis-seħħ l-immortalità u l-eżaltazzjoni tagħna.53 Dak kollu li Huwa jagħmel huwa għall-benefiċċju tagħna. Huwa “jixtieq il-ferħ etern tagħna saħansitra aktar milli nixtiquh aħna stess.”54 U Huwa “mhux se jippermettilna li nesperjenzaw mument wieħed ta’ diffikultà iżjed milli hu assolutament meħtieġ għall-benefiċċju tagħna u ta’ dawk li aħna nħobbu.”55 B’ riżultat ta’ dan, Huwa jiffoka fuq li jgħinna nimxu ‘l quddiem, mhux li jiġġudikana u jikkundannana.56

Insiru bħal Missierna

Bħala wlied spirtu ta’ Alla, kull wieħed u waħda minna għandna fina l-potenzjal li nsiru bħall-Missier. Biex nagħmlu dan, jeħtieġ li aħna nqimu lill-Missier f’ isem l-Iben.57 Aħna nagħmlu dan billi nagħmlu l-almu tagħna li nagħmlu r-rieda tal-Missier, kif għamel is-Salvatur,58 u billi nindmu kontinwament.59 Hekk kif aħna nagħmlu dan kollu, aħna “nirċievu grazzja fuq grazzja” sakemm aħna nirċievu l-milja tal-Missier60 u niġu mogħnija bil- “karattru, bil-perfezzjoni u l-kwalitajiet tiegħu.”61

Meta nikkunsidraw id-distanza li hemm bejna n-nies mortali u dak li Missierna tas-Smewwiet diġà sar, ma tkunx sorpriża li xi wħud iħossu li mhijiex sostenibbli li huma jsiru bħall-Missier. Madankollu, l-iskrittura hija ċara. Jekk aħna nintrabtu bil-fidi ma’ Kristu, nindmu u nfittxu l-grazzja ta’ Alla permezz tal-ubbidjenza, eventwalment aħna nsiru bħall-Missier. Jiena nħossni nitfarraġ bil-fatt li dawk li jagħmlu l-almu tagħhom biex ikunu ubbidjenti sejrin “jirċievu grazzja wara grazzja” u ultimament “jirċievu l-milja sħiħa tiegħu.”62 Fi kliem ieħor, ma nistgħux insiru bħall-Missier weħidna.63 Pjuttost, dan iseħħ permezz ta’ rigali ta’ grazzja, li xi ftit minnhom huma kbar iżda l-parti kbira huma żgħar, rigali li dejjem jibqgħu jakkumulaw sakemm aħna niksbu l-milja sħiħa. Iżda, ħuti, dan kollu għad iseħħ!

Jiena nistedinkom biex temmnu li Missierna tas-Smewwiet jaf kif għandu jeżaltakom; fittxu kuljum l-għajnuna Tiegħu li ssostnikom; u ibqgħu mexjin ‘il quddiem b’ fidi fi Kristu anke meta ma tkunux tistgħu tħossu l-imħabba ta’ Alla.

Hemm bosta mistoqsijiet dwar kif aħna nsiru bħall-Missier li għadna ma nistgħux nifhmu.64 Iżda jiena nista’ nixhed b’ ċertezza li kull sagrifiċċju li aħna nagħmlu biex insiru bħall-Missier huwa kollu vallapena.65 Is-sagrifiċċji li aħna nagħmlu fil-mortalità, kbar kemm huma kbar, huma sempliċiment inkomparabbli mal-ferħ, mal-hena u mal-imħabba enormi li aħna se nħossu fil-preżenza ta’ Alla.66 Jekk intom qed issibuha diffiċli biex temmnu li s-sagrifiċċji li qed tagħmlu huma verament vallapena, is-Salvatur qed ikellimkom u jgħidilkom, “Intom għadkom ma fhimtux kemm huma kbar il-barkiet li l-Missier … ħejja għalikom; … bħalissa ma tistgħux tifhmu kollox; madankollu, agħmlu l-qalb, għaliex jiena se nkun qed immexxikom.”67

Jiena nixhed li Missierna tas-Smewwiet lilkom iħobbkom u lilkom iridkom terġgħu lura biex tgħixu Miegħu. F’ isem Ġesù Kristu, amen.