2010-2019
In-Nisa u t-Tagħlim tal-Evanġelju fid-Dar
Ottubru 2018


In-Nisa u t-Tagħlim tal-Evanġelju fid-Dar

Is-Salvatur huwa l-eżempju perfett tagħkom kif intom tistgħu tieħdu rwol mill-aktar importanti fl-isforz Tiegħu li jagħmel enfażi akbar fuq it-tagħlim tal-evanġelju fil-familja.

Għeżież ħuti, kemm hi ħaġa sabiħa li qed niltaqa’ magħkom. Dan huwa żmien eċċitanti fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem. Il-Mulej jinsab isawwab l-għarfien fuq il-Knisja Tiegħu kif Huwa kien wiegħed li kien se jagħmel.

Tiftakru meta Huwa qal: “L-ilma mmewweġ kemm se jdum impur? Liema qawwa tista’ żżomm lura s-smewwiet? Daqs kemm bniedem jista’ joħroġ id-driegħ dgħajjef tiegħu biex jipprova jwaqqaf ix-xmara Missouri milli tkompli għaddejja bil-korsa determinanti tagħha, jew li jdawwar id-direzzjoni tagħha, daqstant ieħor jista’ jżomm lis-Setgħan milli jixħet l-għarfien Tiegħu mis-sema fuq ras il-Qaddisin tal-Aħħar Jiem.”1

Parti mill-għarfien li bħalissa l-Mulej irid jaqsam magħna huwa dwar il-fatt li Huwa se jaċċellera l-qawwa li biha Hu lest isawwab il-verità eterna fuq ras u qalb il-poplu Tiegħu. Huwa għamilha ċara li l-ulied nisa ta’ Missierna tas-Smewwiet se jkollhom irwol ewlieni f’ din l-aċċelerazzjoni mirakoluża. Evidenza ta’ dan il-miraklu huwa l-mod kif huwa qed imexxi lill-profeti ħaj Tiegħu ħalli jagħmel enfażi ferm akbar fuq it-tagħlim tal-evanġelju fid-dar u fil-familja.

Intom tafu tistaqsu, “Dan kif jagħmel mill-aħwa nisa fidili forza ewlenija li tgħin lill-Mulej jixħet l-għarfien fuq il-Qaddisin Tiegħu? Il-Mulej jagħtina tweġiba għal dan f’ “Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja.” Il-kliem intom żgur tiftakruh sew, iżda hemm ċans li se tibdew taraw fih tifsira ġdida u tagħrfu li l-Mulej ppreveda dan it-tibdil eċċitanti, li qed iseħħ bħalissa. Fil-proklamazzjoni, Huwa talab lill-aħwa nisa biex ikunu l-edukaturi tal-evanġelju ewlenin fil-familja permezz ta’ dan il-kliem: “L-ommijiet huma responsabbli l-ewwelnett mit-trobbija ta’ wliedhom.”2 Dan jinkludi n-natura tal-verità u l-għarfien tal-evanġelju.

Il-proklamazzjoni tkompli: “Il-missierijiet u l-ommijiet għandhom l-obbligu li jgħinu lil xulxin bħala sħab indaqs.”3 Huma sħab ugwali, ugwali fil-potenzjal tagħhom għat-tkabbir spiritwali, u biex jinkiseb l-għarfien, u għalhekk huma magħqudin biex jgħinu lil xulxin. Huma ugwali fid-destin divin tagħhom li jiġu eżaltati flimkien. Fil-fatt, l-irġiel u n-nisa ma jistgħux jiġu eżaltati weħidhom.

Għalfejn, mela, bint Alla f’ relazzjoni unita u ugwali tirċievi r-responsabbiltà ewlenija li tieħu ħsieb uliedhom bl-aktar nutrijent importanti li lkoll għandna nirċievu, għarfien tal-verità li ġejja mis-sema? Minn kif nista’ nifhem jien, dan minn dejjem kien il-mod tal-Mulej minn kemm ilhom li ġew maħluqin il-familji f’ din id-dinja.

Per eżempju, kienet Eva li rċeviet l-għarfien li Adam kien jeħtieġ li jiekol mill-frotta tas-siġra tal-għarfien biex huma jkunu jistgħu jżommu l-kmandamenti kollha ta’ Alla u jifformaw familja. Ma nafx għalfejn kienet Eva li rċeviet l-ewwel dan l-għarfien, iżda Adam u Eva kienu magħqudin b’ mod perfett meta l-għarfien ġie mogħti lil Adam.

Eżempju ieħor fejn il-Mulej uża d-doni tat-trobbija tan-nisa huwa fil-mod kif Huwa saħħaħ l-ulied Ħilaman. Titlagħli oħla fi griżmejja meta naqra r-rakkont u niftakar fil-kliem sieket ta’ assigurazzjoni li lissnet ommi hekk kif jiena tlaqt mid-dar biex immur inservi fil-militar.

Ħilaman kiteb:

“Huma kienu ġew mgħallmin minn ommhom, li jekk ma jiddubitawx, Alla kien se jeħlishom.

“U huma rrepetewli kliem ommhom, u qalu: Aħna ma niddubitawx li ommijietna kienu jafu dan.”4

Minkejja li jien ma nafx ir-raġunijiet kollha li l-Mulej kellu li jafda r-responsabbiltà ewlenija tat-trobbija fil-familja f’ idejn l-aħwa nisa fidili, jiena nemmen li dan hu minħabba l-kapaċità tagħhom li jħobbu. Jirrikjedi mħabba mill-aktar kbira biex xi ħadd iħoss il-bżonnijiet ta’ xi ħaddieħor aktar mill-bżonnijiet tiegħu stess. Din hija l-imħabba safja ta’ Kristu għal dik il-persuna li intom tkunu qed tieħdu ħsieb. Dak is-sentiment ta’ karità tħossu l-persuna magħżula biex tieħu ħsieb l-ulied li tikkwalifika għall-effetti tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu. Jidhirli li l-motto tas-Soċjetà tal-Għajnuna, li jien rajt fl-eżempju ta’ ommi, huwa wieħed ispirat: “Il-Karità Ma Tintemm Qatt.”

Bħala wlied nisa ta’ Alla, intom għandkom ġo fikom il-kapaċità kbira li tħossu x’ inhuma l-bżonnijiet ta’ ħaddieħor u li tħobbu. Dan, min-naħa l-oħra, jagħmilkom aktar suxxettibbli għal-leħen sieket tal-Ispirtu. Imbagħad l-Ispirtu jkun jista’ jiggwida dak li intom taħsbu, dak li intom tgħidu u dak li intom tagħmlu biex tieħdu ħsieb ħaddieħor ħalli l-Mulej ikun jista’ jsawwab fuqhom l-għarfien, il-verità, u l-kuraġġ.

Intom l-aħwa nisa li qed tisimgħuni bħalissa tinsabu lkoll f’ post uniku fi vjaġġ tagħkom tul il-ħajja. Xi wħud minnkom intom tfajliet żgħar li qed tattendu għall-ewwel darba sezzjoni ġenerali tan-nisa. Xi wħud minnkom intom tfajliet li qed titħejjew biex tkunu n-nisa li jieħdu ħsieb l-oħrajn kif iridkom tkunu Alla. Xi wħud minnkom għadkom miżżewġin friski u għadkom bla tfal; xi oħrajn intom ommijiet żgħażagħ b’ tarbija waħda jew aktar. Xi wħud intom ommijiet ta’ adoloxxenti u oħrajn b’ ulied li jinsabu fl-għalqa tal-missjoni. Xi wħud għandkom ulied li l-fidi tagħhom ddgħajfet xi ftit u jinsabu ‘l bogħod mid-dar. Xi wħud tinsabu tgħixu weħidkom mingħajr ebda sieħeb fidil. Xi wħud minnkom intom nanniet.

Madankollu, huma x’inhuma ċ-ċirkustanzi personali tagħkom, intom parti—parti ewlenija—mill-familja ta’ Alla u mill-istess familja tagħkom, kemm jekk din tkun fil-futur, f’ din id-dinja, jew fid-dinja tal-ispirti. Il-fiduċja li għandu fikom Alla hi li intom tieħdu ħsieb kemm tistgħu għadd ta’ membri mill-familja Tiegħu u mill-istess familja tagħkom bl-imħabba tagħkom u bil-fidi tagħkom fil-Mulej Ġesù Kristu.

L-isfida prattika tagħkom hi li tkunu tafu lil min għandkom tieħdu ħsieb, kif, u meta. Intom teħtieġu l-għajnuna tal-Mulej. Huwa jaf x’ hemm fil-qalb tal-oħrajn, u Huwa jaf meta huma jkunu jinsabu lesti li jaċċettaw li intom tieħdu ħsiebhom. It-talb ta’ fidi tagħkom ikun is-sigriet tagħkom għas-suċċess. Intom tistgħu tiddependu li se tirċievu l-gwida Tiegħu.

Huwa tana dan il-kliem ta’ inkuraġġiment: “Itolbu lill-Missier f’ ismi b’ fidi, filwaqt li temmnu li intom tistgħu tirċievu, u intom ikollkom magħkom l-Ispirtu s-Santu, li jurikom dak kollu li jaqbel għalilkom.”5

Minbarra t-talb, l-istudju serju tal-iskrittura għandu jagħmel parti mill-qawwa dejjem tikber fil-ħidma biex nieħdu ħsieb ħaddieħor. Din hija l-wegħda: “Toqogħdx lanqas taħseb minn qabel x’ għandek tgħid; iżda għożż f’ moħħok kontinwament kliem il-ħajja, u fil-mument propju jingħatalek dak li għandek twassal lil kull bniedem.”6

Għalhekk intom tiddedikaw aktar ħin biex titolbu, biex tixtarru u biex timmeditaw fuq ħwejjeġ spiritwali. Fuqkom jinżel għarfien tal-verità u intom tikbru fil-qawwa tagħkom li tieħdu ħsieb membri oħra tal-familja tagħkom.

Ikun hemm żminijiet meta intom tħossu li m’ intomx tagħmlu progress daqs kemm tixtiequ dwar kif intom tieħdu ħsieb aħjar ħaddieħor. Hemm bżonn tal-fidi biex intom tibqgħu tippersistu. Huwa takom dan il-kliem ta’ inkuraġġiment:

“Għalhekk, qatt tieqfu tagħmlu t-tajjeb, għaliex intom qed tibnu l-pedament ta’ ħidma mill-aqwa. U minn ħwejjeġ żgħar joħorġu ħwejjeġ kbar.

“Araw, il-Mulej jeħtieġ il-qalb u moħħ lest għalih; u dawk li jinsabu lesti u obbidjenti għandhom jieklu l-frott bnin tal-art ta’ Sijon f’ dawn l-aħħar jiem.”7

Il-preżenza tagħkom illejla hija evidenza li intom lesti li taċċettaw l-istedina tal-Mulej li tieħdu ħsieb l-oħrajn. Dan huwa minnu anke għall-iċken waħda fostkom hawn illejla. Intom tistgħu tkunu tafu lil min għandkom tieħdu ħsieb fil-familja tagħkom. Jekk intom titolbu b’ intenzjoni ġenwina, żgur li f’ moħħkom ifeġġ xi isem xi ħadd jew taraw imaġini tiegħu jew tagħha. Jekk intom titolbu biex tkunu tafu x’ għandkom tagħmlu jew tgħidu, intom żgur li taslu biex tħossu fikom x’ inhi t-tweġiba. Kull darba li intom tobdu, il-qawwa tagħkom li tieħdu ħsieb l-oħrajn tikber. Intom tkunu qed tħejju għall-jum li fih intom tibdew tieħdu ħsieb uliedkom.

L-ommijiet tal-adoloxxenti tistgħu titolbu biex tkunu tafu kif għandkom tieħdu ħsieb dawk uliedkom li jafu jidhru li mhux qed jagħtu kas ta’ dak li qed tagħmlu biex tieħdu ħsiebhom. Tafu titolbu biex tkunu tafu min għandu l-influwenza spiritwali li uliedkom jeħtieġu u li hemm aktar ċans li jaċċettawh. Alla jisma’ u jwieġeb dan it-talb ħiereġ mill-qalb ta’ ommijiet inkwetati, u Huwa jibgħat l-għajnuna Tiegħu.

Xi nanna minnkom li tinsab hawn illejla taf tħoss fiha l-uġigħ il-qalb riżultat tal-istress u d-diffikultajiet ta’ wliedha u wlied uliedha. Intom tistgħu tiksbu l-kuraġġ u d-direzzjoni mill-esperjenzi tal-familji fl-iskrittura.

Minn żmien Eva u Adam, sa żmien Missierna Iżrael u f’ kull familja fil-Ktieb ta’ Mormon, tistgħu titgħallmu lezzjoni waħda ċerta dwar x’ tistgħu tagħmlu dwar in-nieket li hu riżultat ta’ wlied li ma jridux jisimgħu: qatt tieqfu tħobbuhom.

Aħna għandna l-eżempju inkuraġġanti tas-Salvatur hekk kif huwa ħa ħsieb l-ulied spirti ribellużi ta’ Missieru tas-Smewwiet. Anke meta huma u aħna nikkawżawlu l-uġigħ, id is-Salvatur dejjem tkun hemm biex tgħinna.8 Fit-3 ktieb ta’ Nefi Huwa tkellem dwar ħutu spirti, li Huwa pprova jieħdu ħsieb mingħajr ebda suċċess: “O Poplu … li inti minn dar Iżrael, kemm-il darba ġbartkom flimkien kif qroqqa tiġbor il-flieles taħt ġwinħajha, u ħadt ħsiebkom.”9

Lilkom l-aħwa nisa f’ kull fażi tal-vjaġġ tal-ħajja, f’ kull sitwazzjoni tal-familja u hi x’inhi l-kultura li ġejjin minnha, is-Salvatur huwa l-eżempju perfett tagħkom kif intom tistgħu tieħdu rwol importanti fil-pass Tiegħu li jagħmel enfażi akbar fuq it-tagħlim tal-evanġelju fid-dar u l-familja.

Intom twasslu biex permezz tas-sentiment inerenti tagħkom ta’ karità tibdlu l-attivitajiet u d-drawwiet fil-familja tagħkom. Dan iwassal għal tkabbir spiritwali akbar. Meta intom titolbu kemm mal-membri tal-familja kif ukoll meta titolbu għalihom, intom tħossu l-imħabba tagħkom u tas-Salvatur għalihom. Dan jibda jiżviluppa fid-don spiritwali tagħkom hekk kif intom tagħmlu li tistgħu biex tiksbuh. Il-membri tal-familja tagħkom jibdew iħossuh hekk kif intom titolbu b’ fidi akbar.

Meta l-familja tinġabar flimkien biex taqra l-iskrittura, intom tkunu diġà qrajtuha minn qabel u tlabtu dwarha biex tħejju lilkom infuskom. Intom tkunu sibtu mumenti biex titolbu ħalli l-Ispirtu jdawwal moħħkom. Imbagħad, meta jkun immiss lilkom biex taqraw, il-membri tal-familja iħossu l-imħabba tagħkom għal Alla u għall-kelma Tiegħu. Huma jiġu mrawmin minnu u mill-Ispirtu Tiegħu.

L-istess barkiet jistgħu jinżlu fuq kwalunkwe familja jekk intom titolbu u tippjanaw għal dan. Dan jaf jirrikkjedi minnkom kemm ċertu sforz kif ukoll ħin, iżda dan jista’ verament iwassal għall-mirakli. Jiena għadni niftakar lezzjoni li għallmitni ommi meta jiena kont għadi żgħir. Għadni nista’ nara b’ mod ċar ġewwa moħħi l-mappa kkulurita li hija kienet għamlet dwar il-vjaġġi tal-Appostlu Pawlu. Jiena ma nafx kif hija sabet il-ħin u l-enerġija biex tagħmel dan. U sal-lum jiena nħossni mbierek permezz tal-imħabba tagħha għal dak l-Appostlu fidil.

Intom ilkoll issibu modi kif tistgħu tikkontribwixxu għan-nixxiegħa ta’ verità fuq il-familji tagħkom fil-Knisja rrestawrata tal-Mulej. Ilkoll kemm intom titolbu, tistudjaw u tixtarru biex tkunu tafu x’ se jkun il-kontribut uniku tagħkom. Iżda dan jiena naf b’ ċertezza: ilkoll kemm intom, sħab ugwali ma’ wlied Alla, se tkunu parti ewlenija minn miraklu ta’ tagħlim u għixien tal-evanġelju li se jħaffef il-ġabra ta’ Iżrael u se jħejji l-familja ta’ Alla għar-ritorn glorjuż tal-Mulej Ġesù Kristu. Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kistu, amen.