2010-2019
Nieħdu fuqna Isem Ġesù Kristu.
Ottubru 2018


Nieħdu fuqna Isem Ġesù Kristu.

Jalla aħna b’ fedeltà nieħdu fuqna isem Ġesù Kristu—billi nħarsu lejn l-oħrajn kif iħares lejhom Hu, billi nservu kif iservi Hu, u billi jkollna fiduċja li l-grazzja Tiegħu hija suffiċjenti.

Għeżież ħuti, m’ilux meta jiena kont qed nixtarr dak li talab minna l-President Russell M. Nelson biex meta aħna nirreferu għall-Knisja aħna nużaw l-isem tagħha kif kien ġie żvelat, jien dort għall-iskrittura fejn is-Salvatur kien qed jgħallem lin-Nefiti dwar l-isem tal-Knisja.1 Hekk kif jiena bdejt naqra kliem is-Salvatur, laqatni ferm il-mod kif Huwa qal ukoll lin-nies li “intom għandkom tieħdu fuqkom isem Kristu.”2 Dan wassalni biex jiena ħarist ħarsa lejja nnifsi u staqsejt, “Qiegħed jiena nieħu fuqi nnifsi isem is-Salvatur kif jixtieqni nagħmel Hu?”3 Illum nixtieq naqsam magħkom xi wħud mill-impressjonijiet li jiena ħassejt bi tweġiba għall-mistoqsija tiegħi.

L-ewwel, li nieħdu fuqna isem Kristu ifisser li aħna b’fedeltà nagħmlu l-almu tagħna li nħarsu lejn l-oħrajn kif iħares lejhom Alla.4 Ki iħares lejna Alla? Joseph Smith qal, “Filwaqt li parti mir-razza umana tinsab tiġġudika u tikkundanna lill-parti l-oħra mingħajr ebda ħniea, il-Ġenitur il-Kbir tal-univers qed iħares lejn il-familja umana kollha b’ imħabba ta’ missier,” għaliex “imħabbtu hi akbar milli qatt nistgħu nimmaġinaw.”5

Ftit tas-snin ilu oħti akbar minni għaddiet għal ħajja oħra. Hija esperjenzat bosta sfidi f’ ħajjitha. Hija kienet issibha diffiċli timxi mal-evanġelju u tista’ tgħid li qatt ma kienet attiva verament. Żewġha abbanduna ż-żwieġ tagħhom u ħallieha trabbi erbat itfal weħidha. Fil-lejla li fiha għaddiet għal ħajja oħra, bl-erba’ wliedha preżenti fil-kamra, jiena tajtha barka biex terġa’ lura d-dar fis-sliem. F’ dak il-mument irrealizzajt li ħafna drabi jiena kont niddefinixxi l-ħajja ta’ oħti permezz tal-isfidi tagħha u n-nuqqas ta’ attività tagħha fil-Knisja. Hekk kif f’ dik il-lejla jiena poġġejt idejja fuq rasha, jiena ħassejt l-Ispirtu jċanfarni b’ mod mill-aktar sever. Jiena ħassejtni verament konxju tat-tjubija tagħha u ppermettejt lili nnifsi li nħares lejha kif kien iħares lejha Alla—mhux bħala persuna li f’ ħajjitha kellha ċerti sfidi u bil-mod kif kienet timxi fit-triq tal-evanġelju iżda bħala persuna li kellha tħabbat wiċċha ma’ ċerti sfidi li jiena ma kellix inħabbat wiċċi magħhom. Jiena ħarist lejha bħala omm meraviljuża li, minkejja ċerti ostakli kbar, rabbiet erbat itfal mill-aktar meraviljużi. Ħarist lejha bħala l-ħabiba ta’ ommna li ddedikat ħin biex tieħu ħsiebha u tkun is-sieħba tagħha wara li missierna ħalla din il-ħajja.

Waqt din l-aħħar lejla flimkien ma’ oħti, jien nemmen li Alla kien qed jistaqsini, “M’intix tinduna li kull persuna madwarek hija sagra?”

Brigham Young għallem:

“Nixtieq nitlob b’ ħerqa lilkom il-Qaddisin … biex tifhmu lin-nies kif fil-fatt huma huma u mhux tifhmuhom kif intom intom.”6

“Kemm-il darba smajna—‘Dik il-persuna m’għamlitx sewwa, u għalhekk żgur mhijiex Qaddisa.’ … Xi wħud nisimgħuhom jitkellmu ħażin u jigdbu … [jew] ma jqaddsux is-Sabbath. … Tiġġudikawx lil dawn il-persuni, għaliex intom ma tafux il-pjan li l-Mulej għandu għalihom. … [Pjuttost,] għandkom tieħdu paċenzja bihom.”7

Jista’ xi ħadd minnkom jimmaġina lis-Salvatur tagħna ma jagħtix kas tagħkom jew tat-tagħbija li intom qed iġġorru? Is-Salvatur ħares lejn is-Samaritan, lejn l-adulterà, lejn il-kollettur tat-taxxa, lejn l-imġiddem, lejn dak li hu marid mentalment u lejn il-midneb bl-istess mod. Ilkoll kienu wlied Missieru. Ilkoll setgħu jiġu mifdijin.

Tistgħu timmaġinawh jagħti dahru lil xi ħadd li jkun qed jiddubita l-irwol tiegħu fis-saltna ta’ Alla jew lil xi ħadd li b’ xi mod ikun qed isofri?8 Jiena ma nistax nimmaġina. F’ għajnejn Kristu, kull ruħ għandha valur infinit. Ħadd mhu destinat li jfalli. Il-ħajja eterna hija possibbli għal kulħadd.9

Miċ-ċanfira tal-Ispirtu ħdejn is-sodda ta’ oħti, jiena tgħallimt lezzjoni mill-aktar importanti: li kif aħna nħarsu lejn l-oħrajn bil-mod kif iħares lejhom Hu, aħna nkunu ksibna vittorja doppja—il-fidwa ta’ dawk li aħna ninteraġixxu magħhom u l-fidwa tagħna nfusna.

It-tieni, biex nieħdu fuqna nfusna isem Kristu, aħna mhux biss għandna nħarsu lejn l-oħrajn kif iħares lejhom Alla, iżda għandna nagħmlu l-ħidma Tiegħu u nservu kif serva Hu. Aħna ngħixu ż-żewġ kmandamenti l-kbar, nissottomettu ruħna għar-rieda ta’ Alla, niġbru flimkien lil Iżrael, u naraw li d-dawl tagħna “jiddi quddiem il-bnedmin.”10 Aħna nirċievu u ngħixu l-patti u l-ordinanzi tal-Knisja rrestawrata Tiegħu.11 Hekk kif aħna nagħmlu dan, Alla jagħtina l-qawwa li nbierku lilna nfusna, lill-familji tagħna u l-ħajja tal-oħrajn.12 Nixtieqkom tistaqsu lilkom infuskom, “Jien naf lil xi ħadd li f’ ħajtu m’għandux bżonn il-qawwiet tas-smewwiet?”

Alla jista’ jwettaq l-għeġubijiet fostna hekk kif aħna nqaddsu lilna nfusna.13 Aħna nqaddsu lilna nfusna billi nippurifikaw qlubna.14 Aħna nippurifikaw qlubna hekk kif nisimgħu kliemu,15 nindmu minn dnubietna,16 nikkonvertu,17 u nħobbu kif iħobb Hu.18 Is-Salvatur staqsiena, “Għax jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jistħoqqilkom?”19

M’ilux jiena sirt naf b’ esperjenza mill-ħajja tal-Presbiteru James E. Talmage li wasslitni biex nieqaf għal ftit u nikkunsidra kif jien fil-fatt inħobb u nservi lil dawk ta’ madwari. Meta kien għadu professur żagħżugħ, qabel ma huwa sar Appostlu, fl-eqqel tal-epidemija tad-difterite tal-1892 li ħalliet bosta nies mejtin, il-Presbiteru Talmage sar jaf b’ familja ta’ nies stranġieri, li ma kenux membri tal-Knisja, li kienu jgħixu viċin tiegħu u kienu ġew milqutin minn din il-marda. Ħadd ma ried ipoġġi lilu nnifsu f’ riskju u jidħol f’ din id-dar infettata. Il-Presbiteru Talmage, madankollu, immedjatament mar f’ din id-dar. Huwa sab erbat itfal: wieħed ta’ sentejn u nofs mejjet fuq is-sodda, tifla ta’ ħames snin u tifel ta’ għaxar snin li t-tnejn kienu qed isofru uġigħ mill-aktar kbir, u ieħor ta’ tlettax-il sena li kien verament dgħajjef. Il-ġenituri kienu qed isofru min-niket u l-għeja.

Il-Presbiteru Talmage libbes kemm lill-mejjet kif ukoll lill-ħajjin, kines il-kmamar, ħareġ barra l-ħwejjeġ maħmuġin u ta n-nar iċ-ċraret inkallati li kienu miksijin bil-marda. Huwa baqa’ jaħdem il-jum kollu u mbagħad reġa’ mar lura filgħodu. It-tifel ta’ għaxar snin miet matul il-lejl. Huwa rafa’ f’ dirgħajh lit-tifla ta’ ħames snin. Hija bdiet tisgħol il-mukus bid-demm f’ wiċċu u fuq ħwejġu. Huwa kiteb, “Jiena ma stajtx nitlaqha minn dirgħajja,” u baqa’ jżommha miegħu sakemm hija mietet f’ dirgħajh. Huwa għenhom jidfnu lit-tlett itfal u ra kif irranġa biex din il-familja mill-aktar mnikkta tingħata l-ikel u xi ħwejjeġ nodfa. Hekk kif huwa mar lura d-dar, Brother Talmage rema ħwejġu, inħasel f’ soluzzjoni taż-żingu, eżilja ruħu minn mal-kumplament tal-familja għal ftit żmien u sofra attakk ħafif ta’ din l-istess marda.20

Hawn bosta ħajjiet madwarna li jinsabu f’ riskju. Il-qaddisin jieħdu fuqhom isem is-Salvatur billi jitqaddsu u jimministraw lil kulħadd huma fejn huma u huma kif inhuma bħalissa—u aħna naslu biex insalvaw bosta ħajjiet jekk nagħmlu dan.21

Finalment, jien nemmen li biex aħna nieħdu fuqna ismu, jeħtieġ li nafdawh. Waqt laqgħa li jien kont qed nattendi darba waħda l-Ħadd, waħda żagħżugħa staqsietni xi ħaġa hekk: “M’ilux jien u l-għarus tiegħi ħassarna, u hu għażel li jitlaq mill-Knisja. Huwa jgħid li qatt ma kien kuntent daqs kemm hu issa. Kif jista’ jkun dan?”

Is-Salvatur wieġeb din il-mistoqsija meta lin-Nefiti qalilhom, “Iżda jekk ħajjitkom ma tkunx mibnija fuq l-evanġelju tiegħi, u tkun mibnija fuq ħidmet il-bnedmin jew fuq ħidmet ix-xitan, fis-sewwa ngħidilkom li intom ikollkom il-ferħ f’ ħidmietkom għal ftit żmien, u wara ftit jasal it-tmiem.”22 Sempliċiment ma jeżisti l-ebda ferħ dejjiem lil hinn mill-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.

Waqt dik il-laqgħa, madankollu, jiena ġew f’ moħħi l-ħafna nies twajbin li jiena kont naf li jinsabu jitqabdu minħabba tagħbija mill-aktar tqila u għaliex ċerti kmandamenti qegħdin isibuhom verament diffiċli. Jiena nistaqsi lili nnifsi, “X’ jista’ jgħidilhom aktar is-Salvatur?”23 Jiena nemmen li Huwa jistaqsihom, “Intom lili tafdawni?”24 Lill-mara li kienet qed tnixxi d-demm, Huwa qalilha, “Il-fidi tiegħek fejqitek; mur bis-sliem.”25

Waħda mill-iskrittura favorita tiegħi hi Ġwanni 4:4, li tgħid, “U kellu jgħaddi mis-Samarija.”

Tafu għalfejn jiena nħobb dik l-iskrittura? Għaliex Ġesù ma kellux bżonn imur is-Samarija. Il-Lhud ta’ żmienu kienu jistmerru lis-Samaritani u kienu jispiċċaw jgħaddu minn triq li ddur man-naħa ta’ barra tas-Samarija. Iżda Ġesù għażel li jmur hemm biex għall-ewwel darba jiddikjara mad-dinja kollha li Huwa kien il-Messija mwiegħed. Għal dan il-messaġġ, Huwa mhux biss għażel grupp ta’ nies li kulħadd kien abbandunahom iżda fosthom għażel ukoll mara—u mhux biss mara iżda mara li kienet qed tgħix fid-dnub—xi ħadd li dak iż-żmien kien ikkunsidrat bħala l-agħar fost l-aktar nies baxxi. Jien nemmen li Ġesù għamel dan sabiex ilkoll kemm aħna nkunu nistgħu nifhmu li l-imħabba Tiegħu hija akbar mill-biżgħat tagħna, mill-ġrieħi tagħna, mill-vizzji tagħna, mid-dubji tagħna, mit-tentazzjoni tagħna, mid-dnubiet tagħna, mill-familji mkissrin tagħna, mid-dipressjoni u l-anzjetà tagħna, mill-mard kroniku tagħna, mill-faqar tagħna, mill-abbuż tagħna, mid-disperazzjoni tagħna u mis-solitudni tagħna.26 Huwa jrid li aħna lkoll inkunu nafu li m’hawn xejn u m’hawn ħadd li Huwa mhux kapaċi jfejjaq u jwassal għall-ferħ dejjiem.27

Il-grazzja Tiegħu hija suffiċjenti.28 Huwa biss iċċekken aktar minn kulħadd. Il-qawwa tal-Att tal-Fidwa Tiegħu hija l-qawwa li tegħleb kull tagħbija f’ ħajjitna.29 Il-messaġġ tal-mara ħdejn il-bir hu li Huwa jaf is-sitwazzjoni li aħna ninsabu għaddejjin minnha30 u li aħna dejjem nistgħu nimxu Miegħu, ninsabu fejn ninsabu bħalissa. Lilha u lil kull wieħed u waħda minna, Huwa jgħid, “Min jixrob mill-ilma li nagħtih jien qatt iżjed ma jkun bil-għatx; l-ilma li nagħtih jien isir fih għajn tal-ilma li jwassal sal-ħajja ta’ dejjem.”31

Fil-vjaġġi kollha tal-ħajja, għalfejn intom għandkom taslu biex tabbandunaw lill-uniku Salvatur li għandu l-qawwa li jfejjaqkom u jeħliskom? Hu x’inhu l-prezz li intom għandkom tħallsu biex lilu tafdawh, huwa kollu vallapena. Għeżież ħuti, ejjew nagħżlu li nkabbru l-fidi tagħna f’ Missierna tas-Smewwiet u fis-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu.

Mill-fond ta’ ruħi, jiena naqsam it-testimonjanza tiegħi li l-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem hija l-Knisja tas-Salvatur, immexxija minn Kristu l-ħaj permezz ta’ profeta veru. It-talba tiegħi hi li aħna b’ fedeltà nieħdu fuqna isem Ġesù Kristu—billi nħarsu lejn l-oħrajn kif iħares lejhom hu, billi nservu kif iservi Hu, u billi jkollna fiduċja li l-grazzja Tiegħu hija suffiċjenti biex twassalna lura d-dar u biex ingawdu l-ferħ dejjiem. F’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Ara 3 Nephi 27:3–8.

  2. Ara 3 Nephi 27:5–6; ara wkoll Doctrine and Covenants 20:77 u l-patt tas-sagrament.

  3. Ara Dallin H. Oaks, His Holy Name (1998) għal studju komprensiv dwar kif aħna nieħdu fuqna isem Ġesù Kristu u nkunu xhieda Tiegħu.

  4. Ara Mosiah 5:2–3. Parti mill-bidla kbira f’ qalb in-nies tas-Sultan Benjamin li ħadu fuqhom infushom isem Kristu kienet li għajnejhom infetħu għal “panorama mill-aktar meraviljuża.” Dawk li se jirtu s-saltna ċelestjali huma individwi li “jħarsu lejn l-oħrajn bil-mod kif iħares lejhom Hu” (Doctrine and Covenants 76:94).

  5. Teachings of Presidents of the Church: Joseph Smith (2007), 39.

  6. Brigham Young, in Journal of Discourses, 8:37.

  7. Discourses of Brigham Young, sel. John A. Widtsoe (1954), 278.

  8. Ara 3 Nephi 17:7.

  9. Ara Ġwanni 3:14–17; Atti 10:34; 1 Nephi 17:35; 2 Nephi 26:33; Doctrine and Covenants 50:41–42; Moses 1:39. Il-Presbiteru D. Todd Christofferson għallem ukoll: “B’ kunfidenza aħna nixhdu li l-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu antiċipa u, finalment, se jikkompensa n-nuqqasijiet u t-telfien għal dawk kollha li jduru lejh. Ħadd mhu ppredestinat li jirċievi anqas minn dak li l-Missier għandu lest għal uliedu” (“Għalfejn iż-Żwieġ, Għalfejn il-Familja,” Liahona, Mejju 2015, 52).

  10. Ara Mattew 5:14–16; 22:35–40; Mosiah 3:19; Doctrine and Covenants 50:13–14; 133:5; ara wkoll Russell M. Nelson, “The Gathering of Scattered Israel,” Liahona, Nov. 2006, 79–81.

  11. Ara Levitku 18:4; 2 Nephi 31:5–12; Doctrine and Covenants 1:12–16; 136:4; Articles of Faith 1:3–4.

  12. Ara Doctrine and Covenants 84:20–21; 110:9.

  13. Ara Ġożwè 3:5; Doctrine and Covenants 43:16; ara wkoll Ġwanni 17:19. Is-Salvatur qaddes lilu nnifsu biex ikun jista’ jkollu l-qawwa li jberikna.

  14. Ara Helaman 3:35; Doctrine and Covenants 12:6–9; 88:74.

  15. Ara Joseph Smith—Storja 1:17, l-ewwel kmand li Alla ta lill-Profeta Joseph Smith waqt viżjoni; ara wkoll 2 Nephi 9:29; 3 Nephi 28:34.

  16. Ara Mark 1:15; Atti 3:19; Alma 5:33; 42:22–23; Doctrine and Covenants 19:4–20. Xtarru wkoll dawn iż-żewġ meditazzjonijiet dwar id-dnub. L-ewwel, Hugh Nibley jikteb: “Id-dnub huwa ħela. Ifisser li inti tagħmel xi ħaġa meta missek qed tagħmel xi ħaġa oħra u meta inti missek qed twettaq ħwejjeġ aħjar, ħwejjeġ li inti kapaċi twettaqhom” (Approaching Zion, ed. Don E. Norton [1989], 66). Omm John Wesley, Susanna Wesley, kitbet dan lil binha: “Segwi din ir-regola. Dak kollu li jdgħajjef ir-raġuni tiegħek, ifixkel it-tenerezza tal-kuxjenza tiegħek, joskura s-sens divin tiegħek, jew iwasslek biex tgawdi anqas il-ħwejjeġ spiritwali; … dak kollu li jwassal … biex ix-xewqat ta’ ġismek isiru għalik aktar importanti mix-xewqat spiritwali; dan kollu għalik huwa dnub, jidher kemm jidher innoċenti (Susanna Wesley: The Complete Writings, ed. Charles Wallace Jr. [1997], 109).

  17. Ara Luqa 22:32; 3 Nephi 9:11, 20.

  18. Ara Ġwanni 13:2–15, 34. Fil-lejla tal-Att tal-Fidwa Tiegħu, is-Salvatur ħasel s-sieq ta’ wieħed li ttradieh, s-sieq ta’ ieħor li ċaħdu, u s-sieq ta’ oħrajn li spiċċaw raqdu meta Huwa l-aktar kellu bżonnhom. Imbagħad Hu għallimhom, “Nagħtikom kmandament ġdid, Li tħobbu lil xulxin, bħalma ħabbejtkom jien.”

  19. Mattew 5:46.

  20. Ara John R. Talmage, T he Talmage Story: Life of James E. Talmage—Educator, Scientist, Apostle (1972), 112–14.

  21. Ara Alma 10:22–23; 62:40.

  22. 3 Nephi 27:11.

  23. F’ Mattew 11:28, 30, il-Mulej jgħid: “Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. … Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif.” Ikkunsidraw ukoll 2 Korintin 12:7–9: Pawlu ddeskriva kif huwa kien isofri ferm minn “xewka f’ġismu,” u talab biex titneħħhielu. Kristu qallu, “Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi; għax il-qawwa tiegħi tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef.” Ara wkoll Ether 12:27.

  24. Ara Mosiah 7:33; 29:20; Helaman 12:1; Doctrine and Covenants 124:87.

  25. Ara Luqa 8:43–48; Mark 5:25–34. Il-mara li kienet qed tnixxi d-demm kienet tinsab fi bżonn imminenti u ma kellha l-ebda għażla oħra. Hi kienet ilha ssofri aktar minn 12-il sena, kienet nefqet kulma kellha fuq it-tobba, u kienet sejra għal agħar. Imwarrba minn niesha u minn familtha, hija għamlet dak kollu li setgħet biex imxiet minn qalb folla kbira ta’ nies u resqet viċin kemm setgħet tas-Salvatur. Hija kellha fiduċja u fidi sħiħa fis-Salvatur, u Hu kien ħass li hija kienet messitlu t-tarf tal-libsa Tiegħu. Minħabba l-fidi li hija wriet Huwa fil-pront fejjaqha kompletament. Imbagħad Huwa sejħilha “binti.” Hija ma kenitx għadha abbandunata aktar iżda kienet saret membru mill-familja ta’ Alla. Il-fejqan tagħha kien wieħed fiżiku, soċjali, emozzjonali u spiritwali. L-isfidi jafu jibqgħu jippersistu għal numru ta’ snin jew tul ħajjitna kollha iżda l-wegħda Tiegħu tal-fejqan hija waħda ċerta u assoluta.

  26. Ara Luqa 4:21; Ġwanni 4:6–26. Kien Luqa, mhux Ġwanni, li kiteb li fil-bidu tal-ministeru Tiegħu, Ġesù mar fis-sinagoga fejn Huwa kien jattendi ġewwa Nazaret, qara passaġġ minn Isaija li jipprofetizza dwar il-Messija, u mbagħad iddikjara, “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu.” Din hija l-ewwel darba fl-iskrittura fejn is-Salvatur iddeskriva lilu nnifsu bħala l-Messija. Madankollu, ħdejn il-bir ta’ Ġakobb, Ġwanni jsemmi l-ewwel darba li Ġesù ddikjara l-irwol Tiegħu bħala l-Messija f’ post pubbliku. F’ dan l-istess post, peress li s-Samaritani ma kenux ikkunsidrati bħala Lhud, Ġesù għallem ukoll li l-evanġelju Tiegħu kien għal kulħadd, kemm għal-Lhud kif ukoll għall-Ġentili. Din id-dikjarazzjoni seħħet fis- “sitt siegħa,” jew f’ nofsinhar, meta d-dinja tkun qed tirċievi l-aktar dawl mix-xemx. Il-bir ta’ Ġakobb jinsab ukoll fil-wied li fih jinsab il-post eżatt minn fejn ulied Iżrael tal-qedem kienu għamlu patt ċerimonjali mal-Mulej wara li huma kienu daħlu fl-art imwiegħda. Interessanti l-fatt li fuq naħa tal-wied tinsab muntanja mill-aktar niexfa u fuq in-naħa l-oħra hemm muntanja li minnha dejjem ifawwar l-ilma ġieri li jagħti l-ħajja mal-madwar.

  27. Il-Presbiteru Neal A. Maxwell għallem: “Meta f’ mumenti stressanti aħna nafu nistaqsu jekk aħna għadx baqa’ x’ noffru, aħna nistgħu nitfarrġu fl-għarfien li Alla, li jaf sew aħna x’ kapaċi noffru, poġġiena hawnhekk biex nirnexxu. Ħadd mhu destinat biex ifalli jew biex ikun ħażin. … Meta aħna nħossuna ddisprati, ejjew niftakru fl-assigurazzjoni li Alla mhux se jgħabbina aktar milli aħna nifilħu” (“Meeting the Challenges of Today” [devozzjonali ġewwa Brigham Young University, 10 ta’ Ott., 1978], 9, speeches.byu.edu).

  28. Il-President Russell M. Nelson għallem:

    Jasal il-jum li fih intom tridu tippreżentaw lilkom infuskom quddiem is-Salvatur. Intom se tħossukom kommossi bid-dmugħ f’ għajnejkom għaliex tkunu tinsabu fil-preżenza mqaddsa Tiegħu. Issibuha diffiċli ssibu kliem adegwat biex tirringrazzjawh talli Huwa patta għal dnubietkom, talli ħafrilkom kull għemil xejn tajjeb li intom urejtu lejn ħaddieħor, talli Huwa fejjaqkom mis-sofferenza u mill-inġustizzja ta’ din il-ħajja.

    “Intom għad tirringrazzjawh tal-qawwa li takom biex twettqu l-impossibbli, talli Huwa wassal biex id-dgħjufijiet tagħkom isiru għalikom qawwa, u talli għamilha possibbli għalikom li tgħixu Miegħu u mal-familja tagħkom għal dejjem. L-identità Tiegħu, l-Att tal-Fidwa Tiegħu u l-kwalitajiet Tiegħu jsiru għalikom mill-aktar personali u reali” (“Prophets, Leadership, and Divine Law” [devozzjonali dinjija għall-adulti żgħażagħ, 8 ta’ Jan., 2017], broadcasts.lds.org).

  29. Ara Isaija 53:3–5; Alma 7:11–13; Doctrine and Covenants 122:5–9.

  30. Ara Joseph Smith—Storja 1:17; Elaine S. Dalton, “He Knows You by Name,” Liahona, Mejju 2005, 109–11.

  31. Ġwanni 4:14.