2010-2019
Issa l-Mument
Ottubru 2018


Issa l-Mument

Jekk hemm xi ħaġa f’ ħajjitkom li jeħtieġ li tikkunsidraw, issa l-mument.

Bosta snin ilu, waqt li kont qed inħejji ruħi għal vjaġġ tax-xogħol, jiena bdejt nesperjenza uġigħ f’ sidri. Marti ddeċidiet li takkumpanjani għaliex bdiet tinkwieta għalija. Waqt l-ewwel vjaġġ tagħna, l-uġigħ żdied tant li bdejt insibha diffiċli nieħu nifs. Meta wasalna, ħriġna mill-ajruport u morna sal-isptar lokali, fejn, wara diversi testijiet, it-tabib li rani ddeċieda li jien kont tajjeb biżżejjed biex aħna nkomplu bil-vjaġġa tagħna.

Aħna morna lura l-ajruport u qbadna titjira għad-destinazzjoni finali tagħna. Hekk kif konna qed nagħmlu l-inżul tagħna, il-pilota tkellem fuq l-interkom u talabni biex nidentifika ruħi. Il-ħostess tat-titjira ġiet fuqna u qaltilna li kienu għadhom kemm irċevew telefonata urġenti u qaluli li kien hemm ambulanza tistenniena ġewwa l-ajruport biex toħodni l-isptar.

Aħna dħalna fl-ambulanza u ħaduna niġru lejn il-kamra tal-emerġenza lokali. Hemmhekk, iltqajna ma’ żewġ tobba anzjużi li spjegawli li fl-isptar li konna fih qabel ma kenux identifikaw sew dak li jien kelli u fil-fatt wara sabu li kelli emboliżmu serju jew demm magħqud fil-pulmun u kont neħtieġ attenzjoni medika immedjata. It-tobba infurmawna li ħafna huma l-pazjenti li ma jirnexxilhomx isalvaw din il-kundizzjoni. Peress li kienu jafu li aħna konna ninsabu ‘l bogħod minn darna u ma kenux ċerti jekk aħna konniex lesti għal sitwazzjoni daqstant gravi ta’ ħajja jew mewt, it-tobba qalu li jekk kien hemm xi ħaġa f’ ħajjitna li jeħtieġ li aħna nikkunsidraw, issa kien il-mument.

Niftakar sew li kważi istantanjament f’ dak il-mument ta’ anzjetà, il-perspettiva sħiħa tiegħi nbidlet. Dak li ftit mumenti qabel deher importanti issa ftit li xejn kien. Ħsibijieti għaddew mill-faraġ u l-problemi ta’ din il-ħajja għal perspettiva eterna—ħsibijiet dwar il-familja tiegħi, dwar uliedna, dwar marti, u ultimament għamilt evalwazzjoni sħiħa ta’ ħajti.

Aħna kif konna sejrin, kemm bħala familja kif ukoll individwalment? Aħna verament konna qed ngħixu ħajjitna konsistenti mal-patti li għamilna u ma’ dak li kien jistenna minna l-Mulej, jew jista’ jkun, bla intenzjoni ta’ xejn, ħallejna l-problemi tad-dinja jaljenawna u jżommuna milli naħsbu fl-aktar ħwejjeġ importanti?

Nistedinkom biex tikkunsidraw lezzjoni mill-aktar importanti li jiena tgħallimt minn din l-esperjenza: biex tieqfu tiffokaw fuq il-problemi tad-dinja u tevalwaw ħajjitkom. Jew skont kliem it-tabib, jekk hemm xi ħaġa f’ ħajjitkom li jeħtieġ tikkunsidraw, issa l-mument.

Nevalwaw Ħajjitna

Aħna ninsabu ngħixu f’ dinja mimlija informazzjoni, li aktar ma tmur aktar qed tkun iddominata minn distrazzjoni wara oħra fejn qed ikun diffiċli ħafna li tneħħi ħsibijietek mill-konfużjoni ta’ din il-ħajja u tiffoka fuq affarijiet ta’ valur etern. Il-ħajja tagħna ta’ kuljum tinsab ibbumbardjata minn aħbarijiet li l-għan tagħhom hu biss li jiġbdu l-attenzjoni tagħna, li jaslu għandna permezz ta’ teknoloġija li l-ħin kollu tinbidel.

Sakemm aħna ma niqfux ftit biex nirriflettu, aħna lanqas biss nirrealizzaw l-impatt ta’ dan l-ambjent daqstant mgħaġġel fuq il-ħajja tagħna ta’ kuljum u l-għażliet li aħna nagħmlu. Ħajjitna taf tispiċċa kkunsmata min splużjoni ta’ informazzjoni li tasal għandna permezz tal-internet, ta’ vidjos u permezz aħbarijiet li jattirawna. Minkejja li dawn jafu jkunu interessanti u divertenti, ħafna minnhom ftit li xejn jistgħu jgħinuna fil-progress etern tagħna, u madankollu huma jaslu biex ifasslu l-mod li bih aħna nħarsu lejn l-esperjenza mortali tagħna.

Din id-distrazzjoni li nesperjenzaw fid-dinja nistgħu nxebbhuha ma’ dik li nsibu fil-ħolma ta’ Leħi. Hekk kif aħna nimxu ‘l quddiem fit-triq tal-patt tagħna b’ idejna iggranfata sew mal-bastun tal-ħadid, aħna nisimgħu u naraw lil dawk li qegħdin “jgħadduna biż-żmien u jippuntaw subgħajhom” lejna mill-bini kbir u spazjuż (1 Nephi 8:27). Jista’ jkun li aħna ma nkunux konxji li qed nagħmlu hekk, iżda xi kultant aħna nieqfu u ndawru ħarsitna lejhom biex naraw x’ inhi dik il-konfużjoni kollha. Xi wħud minna anke jispiċċaw jitilqu jdejhom minn mal-bastun tal-ħadid u jersqu aktar viċin ħalli jkunu jistgħu jaraw aħjar. Oħrajn jafu jintilfu kompletament “minħabba dawk li kienu qed jgħaddu ż-żmien bihom” (1 Nephi 8:28).

Is-Salvatur widdibna u qalilna “Oqogħdu attenti … araw li ma tmewtux qalbkom b’ … ħafna tħassib għall-ħtiġiet tal-ħajja” (Luqa 21:34). Ir-rivelazzjoni moderna tfakkarna li ħafna huma l-imsejħin, iżda ftit il-magħżulin. Huma mhumiex magħżulin “għaliex qalbhom tinsab marbuta … mal-ħwejjeġ ta’ din id-dinja, u tfittex it-tifħir tal-bnedmin” (Doctrine and Covenants 121:35; ara wkoll vers 34). Li aħna nevalwaw ħajjitna jagħtina opportunità li nagħmlu pass lura mill-ħwejjeġ tad-dinja, nirriflettu dwar fejn aħna ninsabu fit-triq tal-patt, u, jekk ikun hemm bżonn, nagħmlu ċertu tibdil biex niżguraw li jdejna jibqgħu ggranfati sew mal-bastun u li aħna nibqgħu dejjem inħarsu ‘l quddiem.

M’ilux, waqt devozzjonali dinjija għaż-żgħażagħ, il-President Russell M. Nelson stieden liż-żgħażagħ biex jagħmlu pass lura mill-ħwejjeġ tad-dinja u jinqatgħu mill-midja soċjali għal sebat ijiem. U lbieraħ filgħaxija stess, huwa għamel stedina simili lill-aħwa nisa bħala parti mis-sezzjoni tan-nisa tal-konferenza. Imbagħad huwa talab liż-żgħażagħ biex jinnotaw x’ differenzi huma setgħu jinnutaw dwar kif huma jħossuhom, dwar dak li huma jaħsbu dwaru u saħansitra kif huma jaħsbu. Imbagħad huwa għamlilhom din l-istedina: “Agħmlu evalwazzjoni ta’ ħajjitkom b’ relazzjoni mal-Mulej … biex tiżguraw li intom tinsabu tagħmlu dak kollu meħtieġ skont il-patti li intom għamiltu.” Huwa ħeġġiġhom li jekk hemm xi ħwejjeġ f’ ħajjithom li jeħtieġ li huma jibdlu, “illum huma l-mument perfett li twettqu din il-bidla.”1

Meta niġu biex nevalwaw dawk il-ħwejjeġ f’ ħajjitna li jeħtieġ li nibdlu, aħna nistgħu nistaqsu lilna nfusna mistoqsija mill-aktar prattika: Aħna kif nistgħu negħlbu d-distrazzjoni ta’ din id-dinja u nibqgħu b’ ħarsitna ffissata fuq il-viżjoni tal-eternità li aħna għandna quddiemna?

F’ indirizz li ta waqt konferenza fl-2007 bl-isem “Tajjeb, Aħjar, Aqwa,” Il-President Dallin H. Oaks għallem kif wieħed jista’ jipprijoritizza ċerti għażliet fost il-ħafna ħwejjeġ konfliġġenti fid-dinja. Huwa qal, “Irridu nħallu fil-ġenb xi affarijiet tajbin li għandna nagħmlu biex flokhom nagħżlu oħrajn aktar importanti minnhom jew inkella dawk l-affarijiet li l-aktar jistgħu jwassluna sabiex niżviluppaw il-fidi tagħna fil-Mulej Ġesù Kristu u li jgħinuna nsaħħu l-familji tagħna.”2

Ippermettuli nissuġġerixxi li l-aqwa affarijiet fil-ħajja huma ċċentrati fuq Ġesù Kristu u fuq li aħna nifhmu l-veritajiet eterni dwar min Huwa verament u dwar min fil-fatt aħna fir-relazzjoni tagħna Miegħu.

Infittxu l-Verità

Hekk kif infittxu biex insiru nafu lis-Salvatur, aħna m’għandiex ninjoraw il-verità fundamentali ta’ min aħna verament u għalfejn ninsabu hawn. Amuleki jfakkarna li “din il-ħajja hija ż-żmien … biex fih nitħejjew ħalli niltaqgħu ma’ Alla,” iż-żmien “li ġie mogħti lilna biex fih nitħejjew għall-eternità” (Alma 34:32–33). Kif ifakkarna l-qawl famuż, “Aħna m’aħniex esseri umani li qed ngħaddu minn esperjenza spiritwali. Aħna esseri spiritwali li qed ngħaddu minn esperjenza umana.”3

Huwa essenzjali għall-progress etern tagħna li aħna nifhmu l-oriġni divina tagħna u dan jista’ jeħlisna mid-distrazzjoni ta’ din il-ħajja. Is-Salvatur għallem:

“Jekk iżżommu fil-kelma tiegħi, tkunu tassew dixxipli tiegħi;

“U tagħrfu l-verità u l-verità teħliskom” (Ġwanni 8:31–32).

Il-President Joseph F. Smith iddikjara, “L-akbar kisba li l-bniedem jista’ jagħmel f’ din id-dinja hi li huwa jiffamiljarizza ruħu mal-verità divina, b’ mod komplet u perfett, sabiex l-ebda eżempju jew imġieba ta’ xi ħolqien ieħor fid-dinja ma jwassluh biex huwa jitbiegħed mill-għarfien li huwa jkun kiseb.”4

Illum fid-dinja, id-dibattitu dwar il-verità laħaq livell ta’ intensità mill-aktar għoli, b’ kull naħa tiddikjara l-verità bħallikieku kienet xi kunċett relattiv li jagħti lok għall-interpretazzjoni individwali. It-tfajjel Joseph Smith sab li “tant kienet kbira l-konfużjoni u kbir il-konflitt” f’ ħajtu “li kien impossibbli … li jiena nasal għal xi konklużjoni dwar min kien korrett u min kien żbaljat” (Joseph Smith—History 1:8). Kien “f’ nofs din il-gwerra ta’ kliem u konflitt ta’ opinjonijiet” li huwa fittex l-gwida divina billi fittex il-verità (Joseph Smith—History 1:10).

Fil-konferenza ta’ April, il-President Nelson għallem, “Jekk aħna rridu li jkollna tama li nkunu kapaċi niflu sew il-ħafna opinjonijiet u filosofiji tal-bnedmin li jattakkaw il-verità, jeħtieġ li aħna nitgħallmu nirċievu r-rivelazzjoni.”5 Jeħtieġ li aħna nafdaw fuq l-Ispirtu tal-Verità, li “id-dinja ma tistax tirċevih, għax hija la tarah u lanqas tagħrfu” (Ġwanni 14:17).

Hekk kif aktar ma’ tmur din id-dinja aktar qed tersaq lejn realtajiet alternattivi oħra, aħna għandna niftakru fi kliem Ġakobb li “l-Ispirtu jitkellem il-verità u ma jigdibx. Għalhekk, jitkellem dwar l-affarijiet kif fil-fatt huma, u dwar l-affarijiet kif fil-fatt se jkunu; għalhekk, dawn il-ħwejjeġ se jintwerew lilna b’ mod ċar, għas-salvazzjoni ta’ ruħna” (Jacob 4:13).

Hekk kif aħna nieqfu niffokaw fuq il-ħwejjeġ tad-dinja u nevalwaw irwieħna, issa huwa l-mument li fih aħna għandna nikkunsidraw x’ tibdil jeħtieġ li nagħmlu. Aħna nistgħu nimtlew b’ tama kbira għax nafu li l-Eżemplar il-kbir tagħna, Ġesù Kristu, kien għal darb’oħra dak li wriena t-triq. Qabel il-mewt Tiegħu u l-Qawmien Tiegħu mill-imwiet, hekk kif Huwa kien qed jaħdem biex jgħin lil dawk ta’ madwaru jifhmu l-irwol divin Tiegħu, Huwa fakkarhom “ ħalli bija jkollkom is-sliem. Fid-dinja tbatu jkollkom: iżda agħmlu l-qalb; jiena rbaħt id-dinja” (Ġwanni 16:33). Tiegħu, jiena nagħti xhieda f’ isem Ġesu Kristu, amen.

Noti

  1. Russell M. Nelson, “Hope of Israel” (devozzjonali dinjija għaż-żgħażagħ, 3 ta’ Ġunju, 2018), Hopeofisrael.lds.org.

  2. Dallin H. Oaks, “Good, Better, Best,” Liahona, Nov. 2007, 107.

  3. Ħafna drabi attribwita lil Pierre Teilhard de Chardin.

  4. Teachings of Presidents of the Church: Joseph F. Smith (1998), 42.

  5. Russell M. Nelson, “Rivelazzjoni għall-Knisja, Rivelazzjoni għal Ħajjitna,” Liahona, Mejju 2018, 96.