2010-2019
Ġenituri u Wlied
Ottubru 2018


Ġenituri u Wlied

Il-pjan kbir ta’ ferħ ta’ Missierna tas-Smewwiet jurikom minn verament intom u x’inhu l-għan veru ta’ ħajjitkom.

Għeżież ħuti, kemm hi ħaġa meraviljuża li issa għandna din is-sezzjoni ġdida tal-konferenza għan-nisa kollha tal-Knisja minn tmien snin ‘il fuq. Aħna għadna kif smajna messaġġi mill-aktar ispirati minn ħutna l-mexxejja nisa u mill-President Henry B. Eyring. Jien u l-President Eyring verament inħobbu naħdmu taħt id-direzzjoni tal-President Russell M. Nelson, u nħarsu ‘l quddiem lejn l-indirizz profetiku tiegħu.

I.

It-tfal huma l-aktar rigal prezzjuż li tana Alla—it-tkattir etern tagħna. Madankollu, aħna ninsabu ngħixu fi żmien li fih huma ħafna n-nisa li jixtiequ li ma jkollhom l-ebda involviment fit-twelid u t-trobbija tat-tfal. Ħafna adulti żgħażagħ jibqgħu jipposponu ż-żwieġ sakemm huma jissodisfaw il-bżonnijiet temporali tagħhom. L-età medja taż-żwiġijiet tal-membri tal-Knisja tagħna għoliet b’ aktar minn sentejn, u n-numru ta’ twelid ta’ trabi li l-membri tal-Knisja qed ikollhom qed jonqos. L-Istati Uniti u xi ġnus oħra se jiffaċċjaw ġejjieni fejn in-numru ta’ tfal li se jikbru u jsiru adulti u jkunu jistgħu jagħmlu tajjeb għall-adulti li qed jirtiraw se jkun wieħed żgħir.1 Aktar minn 40 fil-mija ta’ trabi fl-Istati Uniti jitwieldu lil ommijiet mhux miżżewġin. Dawk it-tfal huma vulnerabbli. Kull waħda minn dawn il-bidliet kurrenti taħdem kontra l-pjan divin tas-salvazzjoni ta’ Missierna.

II.

In-nisa Qaddisin tal-Aħħar Jiem jifhmu li li tkun omm hija l-ogħla prijorità tagħhom, l-akbar ferħ tagħhom. Il-President Gordon B. Hinckley qal: “Il-maġġoranza tan-nisa jsibu l-akbar sodisfazzjoni tagħhom, l-aktar ferħ tagħhom fid-dar u l-familja. Alla ta lin-nisa xi ħaġa mill-aktar divina li tesprimi ruħha fil-qawwa siekta, fir-raffinament, fil-paċi, fit-tjubija, fil-virtù, fil-verità u fl-imħabba. U dawn il-kwalitajiet meraviljużi kollha jsibu l-aktar espressjoni onesta u li tissodisfahom fl-irwol ta’ omm.”

Huwa kompla, “L-akbar ħidma li kwalunkwe mara tista’ twettaq hi li ssostni u tgħallem u tgħin u tħeġġeġ u trabbi lil uliedha fis-sewwa u l-verità. L-ebda ħidma tagħha ma tista’ titqabbel ma’ dan, hu x’inhu dak li tagħmel.”2

Intom l-għeżież ħutna l-ommijiet, aħna nħobbukom għal dak li intom u għal dak li tagħmlu għalina lkoll.

Fl-indirizz importanti tiegħu mill-2015 bl-isem “Appell lil Ħuti n-Nisa,” il-President Russell M. Nelson qal:

“Is-saltna ta’ Alla ma tistax tkun kompleta mingħajr dawk in-nisa li jagħmlu patti sagri u jżommuhom, nisa li jistgħu jitkellmu bil-qawwa u l-awtorità ta’ Alla!

“Illum, … aħna neħtieġu nisa li jafu jwettqu ħwejjeġ importanti permezz tal-fidi tagħhom u li huma difensuri kuraġġjużi tal-mortalità u l-familji f’ dinja mifnija bid-dnub. Aħna neħtieġu nisa li huma devoti li jieħdu ħsieb ulied Alla fit-triq tagħhom tal-patt lejn l-eżaltazzjoni; nisa li jafu kif jistgħu jirċievu r-rivelazzjoni personali, li jifhmu l-qawwa u l-paċi tal-għotja mqaddsa tat-tempju; nisa li jafu jduru lejn il-qawwiet tas-sema biex jipproteġu u jsaħħu lill-ulied u lill-familji; nisa li jgħallmu mingħajr biża’ ta’ xejn.”3

Dan it-tagħlim ispirat huwa kollu bbażat fuq “Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja,” li fih din il-Knisja rrestawrata tirriafferma d-duttrina u l-osservanzi li minn dejjem kienu tant importanti fil-pjan tal-Ħallieq sa minn qabel ma Huwa ħoloq id-dinja.

III.

Issa jiena se nindirizza l-grupp aktar żagħżugħ ta’ din l-udjenza. Għeżież ħuti żgħażagħ, minħabba l-għarfien li intom għandkom tal-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu, intom verament uniċi. L-għarfien tagħkom jippermettilkom li tibqgħu tissaportu u tegħlbu d-diffikultajiet taż-żogħżija tagħkom. Minn età żgħira, intom ħadtu sehem fi proġetti u programmi li żviluppawlkom it-talenti tagħkom, bħall-mod kif intom tiktbu, titkellmu u tippjanaw. Intom tgħallimtu kif taġixxu b’ imġieba responsabbli u kif għandkom tirreżistu t-tentazzjoni li tgħidu kelma b’ oħra, li tqarrqu, li tisirqu jew li tagħmlu użu mill-alkoħol jew mid-drogi.

L-uniċità tagħkom ġiet rikonoxxuta waqt studju dwar l-adoloxxenti Amerikani u r-reliġjon li sar mill-Università ta’ North Carolina. Artiklu li deher f’ Charlotte Observer kien iġib it-titlu, “L-adoloxxenti Mormoni l-aħjar li jkampaw: Studju jsib li huma jegħlbu lil żgħażagħ oħrajn fl-immaniġjar tal-adoloxxenza.” Dan l-artiklu jikkonkludi li “Il-Mormoni ġew l-ewwel fejn jidħol kif wieħed jevita ċerta mġieba riskjuża, kemm wieħed jirnexxi fl-iskola u f’kemm wieħed ikollu attitudni pożittiva dwar il-futur.” Wieħed mir-riċerkaturi f’ dan l-istudju, li intervista l-maġġoranza taż-żgħażagħ tagħna, qal, “Kważi f’ kull kategorija li aħna analizzajna, kien hemm ħaġa komuni: il-Mormoni dejjem kienu l-ewwel.”4

Għalfejn intom l-aħjar li tkampaw fid-diffikultajiet li ġġib magħha l-adoloxxenza? Lilkom it-tfajliet ngħidilkom, li dan huwa minħabba li intom tifhmu l-pjan kbir ta’ ferħ ta’ Missierna tas-Smewwiet. Huwa jurikom min intom verament u x’inhu l-għan veru ta’ ħajjitkom. Iż-żgħażagħ li għandhom dak l-għarfien huma l-ewwel li jsolvu l-problemi u l-ewwel li jagħżlu t-tajjeb. Intom tafu li jista’ jkollkom magħkom l-għajnuna tal-Mulej li tgħinkom tegħlbu d-diffikultajiet kollha tal-adoloxxenza.

Raġuni oħra għalfejn intom l-aktar effettivi hu li tifhmu li intom ulied Missier tas-Smewwiet li tant iħobbkom. Jiena ċert li intom familjari mal-għanja mill-aqwa “Għeżież Tfal, Alla Jinsab Ħdejkom.” Hawn hu l-ewwel vers li lkoll kemm aħna xi darba jew oħra kantajna u emminna:

Għeżież tfal, Alla jinsab viċin tagħkom,

Iħariskom lejl u nhar,

U jitgħaxxaq li intom uliedu u jberikkom,

Jekk taraw li dejjem tagħżlu t-tajjeb.5

F’ dak il-vers insibu żewġ tagħlimiet: L-ewwel, Missierna tas-Smewwiet jinsab viċin tagħna u jħarisna lejl u nhar. Aħsbu ftit dwar dan! Alla jħobbna, Huwa jinsab viċin tagħna, u Huwa jħarisna. It-tieni, Huwa jitgħaxxaq meta Huwa jberikkna hekk kif aħna “naraw li dejjem nagħżlu t-tajjeb.” X’ faraġ f’ nofs l-anzjetà u d-diffikultajiet kollha li aħna niffaċċjaw !

Iva, intom it-tfajliet żgħażagħ verament imberkin u intom nisa meraviljużi, iżda intom ukoll, bħall-ulied kollha ta’ Missierna tas-Smewwiet, jeħtieġ li “Taraw li dejjem tagħżlu t-tajjeb.”

Hawn jiena nista’ nagħtikom il-kunsill tiegħi f’ ħafna ħwejjeġ differenti, iżda jiena għażilt li nitkellem biss dwar tnejn.

L-ewwel kunsill tiegħi jikkonċerna t-telefon ċellulari. Sondaġġ nazzjonali li sar riċentiment sab li nofs l-adoloxxenti fl-Istati Uniti qalu li huma jqattgħu wisq ħin fuq it-telefon ċellulari tagħhom. Aktar minn 40 fil-mija qalu li huma jħossuhom anzjużi meta jkunu jinsabu ‘l bogħod mit-telefon ċellulari tagħhom.6 Instab li din hija ħaġa aktar komuni fost il-bniet milli fost is-subien. Għeżież ħuti adoloxxenti—kif ukoll intom in-nisa adulti—intom verament tistgħu titbierku f’ ħajjitkom jekk intom tillimitaw l-użu tat-telefon ċellulari tagħkom u d-dipendenza tagħkom minnu.

It-tieni kunsill tiegħi huwa saħansitra aktar importanti. Kunu twajbin ma’ ħaddieħor. It-tjubija hija xi ħaġa li ħafna miż-żgħażagħ tagħna diġà qed juru. Xi gruppi ta’ żgħażagħ f’ ċerti komunitajiet urewna lilna lkoll kif għandna nkunu twajbin. Aħna ħassejna lilna nfusna ispirati mill-għemejjel ta’ tjubija taż-żgħażagħ tagħna ma’ dawk li jeħtieġu l-imħabba u l-għajnuna tagħna. B’ diversi modi intom tistgħu toffru dik l-għajnuna kif ukoll turu dik l-imħabba bejnietkom. Aħna nixtiequ li kulħadd jimxi wara l-eżempju tagħkom.

Fl-istess ħin, aħna nafu li l-avversarju jġarrab lilna lkoll biex inkunu anqas ħanina, u dan għadna nistgħu narawh anke fost it-tfal u ż-żgħażagħ tagħna. Ċerta kattiverja persistenti hija magħrufa b’ bosta ismijiet, fosthom l-ibbuljar, jew meta grupp jattakka persuna waħidha, jew meta grupp ta’ nies jingħaqdu flimkien biex iwarrbu fil-ġenb persuni oħra. Dawn l-eżempji deliberatament jikkawżaw l-uġigħ fuq sħabhom tal-klassi u ħbieb tagħhom oħra. Għeżież ħuti adoloxxenti, żgur li ma jogħġobx lill-Mulej jekk aħna naġixxu b’ krudeltà jew kattiverja lejn l-oħrajn.

Se nagħti eżempju. Jiena naf żagħżugħ, li hu refuġjat hawnhekk ġewwa Utah, li spiċċaw biex qabdu miegħu għaliex huwa differenti, għaliex, per eżempju, xi kultant huwa jitkellem bil-lingwa nattiva tiegħu. Huwa ġie ppersegwitat minn grupp ta’ żgħażagħ privileġġjati sakemm huwa rritalja u dan wasslu biex għadda 70 jum f’ ċella waqt li issa qegħdin jikkunsidraw li jiddeportawh. Jiena ma nafx min ipprovoka lil dan il-grupp ta’ żgħażagħ, li ħafna minnhom huma Qaddisin tal-Aħħar Jiem bħalkom, iżda jiena nista’ nara l-effett tal-kattiverja tagħhom, esperjenza traġika li spiċċa jpatti għaliha wieħed minn ulied Alla. Ċerti għemejjel żgħar ta’ kattiverja jistgħu jkollhom konsegwenzi devastanti.

Meta jiena qrajt dik l-istorja, jiena qabbiltha ma’ dak li l-profeta tagħna, il-President Nelson, qal fid-devozzjonali dinjija l-aktar riċenti tiegħu liż-żgħażagħ. Filwaqt li huwa talab kemm lilkom kif ukoll liż-żgħażagħ l-oħra kollha biex tassistu fil-ġabra ta’ Iżrael, huwa qal: “Irridkom tispikkaw; li tkunu differenti mid-dinja. Jien u intom nafu li intom għandkom tkunu d-dawl tad-dinja. Għalhekk, il-Mulej iridkom li intom tkunu tixbhu lid-dixxili vera ta’ Ġesù Kristu kif ukoll tinstemgħu, taġixxu u tilbsu bħalhom.”7

Fil-battaljun taż-żgħażagħ li l-President Nelson stedinkom tissieħbu fih mhu se jkun hemm ħadd fih li se jkun kattiv mal-oħrajn. Huma kollha se jimxu wara t-tagħlim tas-Salvatur li jgħinu u jħobbu lill-oħrajn u jikkunsidraw il-bżonnijiet tagħhom, saħansitra anki jdawru wiċċhom in-naħa l-oħra meta xi ħadd jittrattahom ħażin.

Fl-indirizz tal-konferenza ġenerali li ta meta ħafna minnkom kontu għadkom kif twelidtu, il-President Gordon B. Hinckley faħħar lit- “tfajliet meraviljużi li qed jagħmlu l-almu tagħhom li jgħixu l-evanġelju.” Huwa ddeskriviehom, kif jiena nħoss li għandi niddeskriv lilkom:

“Huma ġenerużi bejniethom. Huma jaraw li jsaħħu lil xulxin. Huma jonoraw lill-ġenituri tagħhom u l-familji li ġejjin minnhom. Huma jinsabu resqin lejn l-età li fiha huma jsiru ommijiet u se jġorru tul ħajjithom l-ideali li bħalissa jinsabu jimmotivawhom.”8

Bħala qaddej tal-Mulej, lilkom it-tfajliet jien ngħidilkom li d-dinja tagħna teħtieġ it-tjubija u l-imħabba tagħkom. Kunu twajbin bejnietkom. Ġesù għallimna biex inħobbu lil xulxin u nittrattaw lil xulxin kif nixtiequ li jittrattana ħaddieħor. Hekk kif aħna nagħmlu l-almu tagħna biex inkunu twajbin mal-oħrajn, aħna nersqu aktar viċin kemm Tiegħu kif ukoll tal-influwenza kollha imħabba Tiegħu.

Għeżież ħuti, jekk intom tipparteċipaw f’ xi għemejjel ta’ kattiverja jew fittaġni—kemm individwalment jew bħala grupp—araw li tinbidlu u tħeġġu lil ħaddieħor biex jagħmel l-istess. Dan huwa l-kunsill tiegħi, u jiena ngħidilkom dan bħala qaddej tal-Mulej Ġesù Kristu għaliex l-Ispirtu Tiegħu nebbaħni biex inkellimkom dwar dan is-suġġett importanti. Jiena nixhed dwar Ġesù Kristu, is-Salvatur, li għallimna biex inħobbu lil xulxin kif ħabbna Hu. Jien nitlob li aħna nagħmlu dan, f’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Ara Sara Berg, “Nation’s Latest Challenge: Too Few Children,” AMA Wire, June 18, 2018, wire.ama-assn.org.

  2. Teachings of Gordon B. Hinckley (1997), 387, 390; ara wkoll M. Russell Ballard, “Mothers and Daughters,” Liahona, Mejju 2010, 18 (f’ Daughters in My Kingdom: The History and Work of Relief Society [2011], 156).

  3. Russell M. Nelson, “A Plea to My Sisters,” Liahona, Nov. 2015, 96; ara wkoll Russell M. Nelson, “Children of the Covenant,” Ensign, Mejju 1995, 33.

  4. L-istudju ġie ppubblikat mill-Oxford University Press bħala Christian Smith u Melinda Lundquist Denton, Soul Searching: The Religious and Spiritual Lives of American Teenagers (2005).

  5. “Dearest Children, God Is Near You,” Hymns, nu. 96.

  6. Ara “In Our Opinion: You Don’t Need to Be Captured by Screen Time,” Deseret News, 31 ta’ Aww., deseretnews.com.

  7. Russell M. Nelson, “Hope of Israel” (devozzjonali dinjija għaż-żgħażagħ, 3 ta’ Ġunju, 2018), 8, Hopeofisrael.lds.org.

  8. Gordon B. Hinckley, “The Need for Greater Kindness,” Liahona, Mejju 2006, 60–61.