2010-2019
Għalih
Ottubru 2018


Għalih

Li nkunu nafu l-min u l-għaliex waqt li nkunu qed inservu lill-oħrajn jgħinna nifhmu li l-ogħla manifestazzjoni ta’ mħabba hija d-devozzjoni tagħna lejn Alla.

F’ din il-lejla storika, jiena nesprimi l-imħabba u l-apprezzament tiegħi lejn kull waħda minnkom. Hi x’inhi l-età tagħna, ġejjin minn fejn ġejjin, u huma x’inhuma ċ-ċirkustanzi li ġejjin minnhom, aħna ninġabru llejla f’ għaqda, f’ qawwa, f’ għan u f’ testimonjanza li aħna ninsabu mmexxijja minn Missier tas-Smewwiet li tant iħobbna; mis-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu; u mill-profeta ħaj tagħna, il-President Russell M. Nelson.

Meta jiena u żewġi konna għadna koppja żagħżugħa, aħna ġejna msejħin mill-isqof tagħna biex immorru nżuru u nimministraw membri ta’ familja li kienu ilhom snin twal ma jattendu l-knisja. Aħna aċċettajna bil-qalb l-essajnment tagħna u ftit jiem wara morna nżuruhom f’ darhom. Deher immedjatament b’ mod ċar li huma ma riedu lil ħadd mill-Knisja li jżurhom.

Għalhekk, meta erġajna morna nżuruhom, aħna morna għandhom bi platt gallettini f’ idejna, kunfidenti li dawn il-gallettini taċ-ċikkulata kienu se jħollulhom qalbhom. Iżda mhux hekk ġara. Huma kellmuna minn wara bieb tax-xibka, fejn għamluha ċara li huma ma kellhomx pjaċir bina. Iżda fi triqitna lejn id-dar, aħna bdejna nħossuna konvinti li kieku offrejnielhom xi ħelu magħmul mir-Rice Krispies, żgur li kienu jilqgħuna għandhom.

In-nuqqas ta’ viżjoni spiritwali tagħna wasslet biex aħna verament bdejna nħossuna frustrati li l-attentati tagħna kienu kollha ta’ xejn. Li tħossok mhux milqugħa hija dejjem ħaġa diffiċli. Maż-żmien aħna bdejna nistaqsu lilna nfusna, “Għalfejn qed nagħmlu dan? X’ inhu l-għan tagħna?”

Il-Presbiteru Carl B. Cook għamel din l-osservazzjoni: “Li nservu fil-Knisja … tkun għalina sfida jekk aħna nintalbu li nagħmlu xi ħaġa li tbeżżagħna, jekk nispiċċaw inservu kontra qalbna, jew jekk niġu msejħin biex nagħmlu xi ħaġa li għall-ewwel ma nkunux nixtiequ nagħmlu.”1 Aħna esperjenzajna l-verità ta’ kliem il-Presbiteru Cook meta aħna ddeċidejna li kellna bżonn infittxu d-direzzjoni mingħand Xi Ħadd li kellu perspettiva akbar minn tagħna.

Għalhekk, wara ħafna talb sinċier u ħafna studju, aħna rċevejna t-tweġiba dwar għaliex aħna nservu. Aħna kellna bidla fl-għarfien tagħna, bidla f’ qalbna, u fil-fatt kellna esperjenza rivelatorja.2 Hekk kif ħallejna l-iskrittura tidderiġina, il-Mulej għallimna kif il-proċess li aħna nservu lill-oħrajn jista’ jkun wieħed aktar faċli u sinifikattiv. Dan huwa l-vers li aħna qrajna li bidlilna kemm qalbna kif ukoll l-atteġġjament tagħna: “Intom għandkom tħobbu lill-Mulej, Alla tagħkom, b’qalbkom kollha, b’saħħitkom kollha, b’moħħkom kollu, u bil-qawwa tagħkom kollha; u għandkom taqduh f’ isem Ġesù Kristu.”3 Minkejja li aħna konna verament familjari ma’ dan il-vers, ħassejnieh bħallikieku beda jkellimna b’ mod aktar ġdid u importanti.

Irrealizzajna li aħna b’ sinċerità konna qed nagħmlu l-almu tagħna li nservu lil din il-familja u nservu lill-isqof tagħna, iżda kellna nistaqsu lilna nfusna jekk aħna konniex qed nagħmlu dan sforz l-imħabba tagħna lejn il-Mulej. Din id-distinzjoni s-Sultan Benjamin iddistingwiha b’ mod mill-aktar ċar meta ddikjara, “Araw, jiena ngħidilkom li minkejja li jien għedtilkom li jiena qattajt ħajti nservikom, jiena ma nixtieqx niftaħar b’ dan, għaliex jiena sempliċiment kont qed inservi lil Alla.”4

Mela s-Sultan Benjamin lil min kien fil-verità qed iservi? Lil Missierna tas-Smewwiet u lis-Salvatur. Li nkunu nafu l-min u l-għaliex waqt li nkunu qed inservu lill-oħrajn jgħinna nifhmu li l-ogħla manifestazzjoni ta’ mħabba hija d-devozzjoni tagħna lejn Alla.

Hekk kif l-attenzjoni tagħna gradwalment tinbidel, anke t-talb tagħna jinbidel. Aħna bdejna nħarsu ‘l quddiem għaż-żjarat tagħna ma’ din il-familja għażiża sforz l-imħabba tagħna lejn il-Mulej.5 Dan aħna konna qed nagħmluh għaliH. Huwa għen biex it-taqbida tagħna ma tibqax aktar taqbida. Wara xhur sħaħ li din il-familja ħallietna barra fuq l-għatba, huma bdew iħalluna nidħlu ġewwa. Eventwalment, aħna bdejna regolarment nitolbu u niddiskutu bil-ħlewwa l-evanġelju flimkien magħhom. Spiċċat biex żviluppat ħbiberija dejjiema bejnietna. Aħna bdejna nqimuH u nħobbuH billi nħobbu lil uliedu.

Tistgħu taħsbu lura fi żmien meta intom, b’ imħabba u minn qalbkom, kontu għamiltu ċertu sforz biex tgħinu lil xi ħadd fil-bżonn u wara ħassejtu li l-isforzi tagħkom ħadd ma ta’ kashom jew forsi ma ġewx apprezzati biżżejjed jew saħansitra lanqas biss ġew aċċettati? F’ dak il-mument, intom spiċċajtu biex iddubitajtu l-valur tas-servizz tagħkom? Jekk hu hekk, nittama li kliem is-Sultan Benjamin ineħħi minn ġo fikom kull dubju kif ukoll kull weġgħa li tistgħu tħossu: “Intom fil-fatt tkunu qed isservu lil Alla tagħkom.”6

Minflok ma nimtlew b’ ċertu riżentiment, aħna nistgħu nibnu, permezz tas-servizz, relazzjoni aktar perfetta ma’ Missierna tas-Smewwiet. L-imħabba u d-devozzjoni tagħna lejh jipprevenu l-bżonn li aħna nistennew xi rikonoxximent jew apprezzament u jagħti ċ-ċans li l-imħabba Tiegħu tinżel fuqna u taħdem permezz tagħna.

Xi kultant aħna nafu naqdu lill-oħrajn sforz is-sens ta’ dover jew l-obbligu li nħossu, iżda anke dak is-servizz jista’ jwassalna biex aħna niddependu fuq ħaġa ogħla li hemm ġewwa fina, li twassalna biex inservu “b’ mod aktar meraviljuż”7—bħall-istedina tal-President Nelson għal “atteġġjament aktar ġdid u qaddis biex nieħdu ħsieb u nimministraw lil ħaddieħor.”8

Meta aħna niffokaw fuq dak kollu li Alla għamel għalina, is-servizz tagħna jkun motivat minn qalb kollha gratitudni. Hekk kif aħna nibdew ninkwetaw anqas kif is-servizz tagħna jista’ jkun ta’ benefiċċju għalina, minflok aħna nirrealizzaw li l-attenzjoni tas-servizz tagħna għandha tkun li npoġġu l-ewwel lil Alla.9

Il-President M. Russell Ballard għallem, “Huwa biss meta aħna nħobbu lil Alla u lil Kristu b’ qalbna kollha, b’ ruħna kollha u b’ moħħna kollu li aħna nkunu kapaċi naqsmu din l-imħabba ma’ għajrna permezz ta’ għemejjel ta’ mħabba u servizz.”10

L-ewwel fost l-Għaxar Kmandamenti jtenni dan l-għerf divin: “Jiena l-Mulej, Alla tiegħek. … Ma jkollokx allat oħra għajri.”11 Li dan huwa l-ewwel kmandament jgħinna nifhmu li jekk aħna npoġġu lilu bħala l-prijorità ewlenija tagħna, ultimament nispiċċaw biex nifhmu x’ inhi l-prijorità ta’ kull ħaġa oħra—anke l-istess servizz tagħna lil ħaddieħor. Meta lilu aħna nagħtuh il-prijorità assoluta tagħna f’ ħajjitna permezz tal-għażla għaqlija tagħna, imbagħad Huwa jkun kapaċi jbierek għemilna għall-ġid tagħna u għall-ġid tal-oħrajn.

Il-Mulej talabna, “Ħarsu lejja f’ kull ħsieb.”12 U kull ġimgħa aħna nagħmlu patt miegħu li fil-fatt aħna lesti nagħmlu dan—li “dejjem niftakru fih.”13 Hu possibbli li attenzjoni divina bħal din napplikawha f’ dak kollu li nagħmlu? Hu possibbli li anke saħansitra l-aktar ħaġa ordinarja li aħna nagħmlu taf tkun għalina opportunità biex nuru l-imħabba u d-devozzjoni tagħna lejh? Jien nemmen li aħna nistgħu u għandna nagħmlu dan.

Aħna nistgħu naraw li kull ħaġa li aħna għandna nagħmlu tkun mod kif aħna nigglorifikaw lil Alla. Aħna nistgħu nħarsu lejn kull ma’ nagħmlu bħala privileġġ u opportunità biex naqduh, anke meta aħna nkunu f’ nofs xi ħaġa li rridu nfittxu nlestu jew saħansitra meta nkunu qed nibdlu xi ħarqa.

Kif qal Ammonin, “Iva, jiena naf li m’ jien xejn; għax minn saħħti jien dgħajjef; għalhekk jiena ma niftaħarx bija nnifsi, iżda niftaħar b’ Alla tiegħi, għaliex mingħajr il-qawwa tiegħu, ma nistax nagħmel kollox.”14

Meta l-prijorità tagħna fil-ħajja tkun li nservu lil Alla, aħna nitilfu lilna nfusna fis-servizz, u maż-żmien, naslu biex insibu lilna nfusna.15

Is-Salvatur għallem dan il-prinċipju b’ mod mill-aktar sempliċi u dirett: “Għalhekk, hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem dan il-poplu, biex huma jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet.”16

Ippermettuli naqsam magħkom ftit kliem ta’ għerf li nstab fuq il-ħajt ta’ orfanatrofju ġewwa Kalkutta, l-Indja: “Jekk inti tkun ħanin, in-nies jafu jakkużawk li għandek xi mottivi egoisti u ulterjuri. Kun ħanin irrispettivament x’ jaħsbu. Dak li tgħaddi snin twal tibni, xi ħadd jaf jeqirdu f’ ħakka t’għajn. Ibni, irrispettivament x’ jagħmlu. It-tajjeb li tagħmel illum, in-nies ħafna drabi jaslu biex għada jinsewh. Agħmel it-tajjeb irrispettivament x’ jagħmlu. Offri lid-dinja l-aħjar li int tista’ toffri, u jaf ma jkunx biżżejjed. Offri l-aħjar li tista’ toffri xorta waħda irrispettivament x’ jaħsbu. Kif qed tara, fl-analiżi finali, dak li tagħmel huwa bejnek u bejn Alla … irrispettivament.”17

Ħuti, kulma nagħmlu huwa dejjem bejna u bejn il-Mulej. Kif qal il-President James E. Faust: “‘X’inhi l-akbar ħtieġa fid-dinja?’ … L-akbar ħtieġa fid-dinja mhijiex illi kull persuna jkollha relazzjoni personali, kontinwa u regolari mas-Salvatur?’ Li aħna jkollna din it-tip ta’ relazzjoni tista’ tiżvelalna d-divinità li tinsab ġewwa fina, u xejn ma jista’ jagħmel differenza akbar f’ ħajjitna milli nsiru nafu u nifhmu aħjar ir-relazzjoni divina tagħna ma’ Alla.”18

Bl-istess mod, Alma spjega lil ibnu, “Iva, ara li dak kollu li tagħmel tagħmlu għall-Mulej, u kull fejn inti tmur agħmel dan għall-Mulej; iva, ara li ħsibijietek ikunu indirizzati lejn il-Mulej; iva, ara li l-affezzjoni ta’ qalbek tkun tinsab fuq il-Mulej għal dejjem.”19

U bl-istess mod il-President Russell M. Nelson għallimna, “Meta aħna nifhmu l-Att tal-Fidwa volontarju Tiegħu, kull sens ta’ sagrifiċċju min-naħa tagħna jibda jidher anqas impressjonanti mqabbel mas-sens profond ta’ gratitudni li aħna nħossu għall-privileġġ tagħna li nservuh.”20

Ħuti, jiena nixhed li meta Ġesù Kristu, permezz tal-qawwa tal-Att tal-Fidwa Tiegħu, jaħdem fuqna u fina, Huwa jibda jaħdem permezz tagħna biex ibierek lill-oħrajn. Aħna nservuhom, iżda aħna nagħmlu dan billi nħobbu u nservu lilu. Aħna nsiru dak li hemm deskritt fl-iskrittura: “Kull bniedem ifittex l-interess ta’ għajru, u jagħmel kollox b’ ħarstu fissa fuq il-glorja ta’ Alla.”21

Jista’ jkun li l-isqof tagħna kien jaf li dik kienet il-lezzjoni li jiena u żewġi stajna nitgħallmu minn dawk l-ewwel sforzi tagħna, li aħna għamilna b’ intenzjoni tajba minkejja li mhux perfetti, sforzi li nimministraw lill-ulied għeżież kollha ta’ Alla. Jiena naqsam ix-xhieda personali u ċerta tiegħi dwar it-tjubija u l-imħabba li Huwa jaqsam magħna hekk kif aħna nagħmlu l-almu tagħna li nservuh. Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kistu, amen.