Ħaġa Waħda fi Kristu
Għeżież kollegi tiegħi fil-ħidma tal-Mulej, jiena nemmen li aħna nistgħu nagħmlu ferm aħjar u għandna nagħmlu ferm aħjar fejn jidħol il-mod kif aħna nilqgħu ħbieb ġodda fil-Knisja.
Il-wara nofsinhar it-tajjeb, għeżież ħuti. Kif ngħidu bil-Portugiż, il-lingwa nattiva tiegħi fil-Brażil, “Boa Tarde!” Jiena nħossni verament imbierek li aħna ninsabu miġburin flimkien f’ din il-konferenza ġenerali mill-isbaħ tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem taħt id-direzzjoni tal-maħbub profeta tagħna, il-President Russell M. Nelson. Jiena nimmeravilja ruħi bl-opportunità kbira li lkoll kemm aħna għandna li nisimgħu leħen il-Mulej permezz tal-qaddejja Tiegħu fid-dinja f’ dawn l-aħħar jiem li qed ngħixu fihom.
Pajjiżi l-Brażil huwa sinjur ħafna fejn jidħlu riżorsi naturali. Waħda minnhom hija l-famuża Xmara Amażonja, waħda mill-akbar u l-itwal xmajjar fid-dinja. Hija ffurmata minn żewġ xmajjar separati, is-Solimões u n-Negro. Interessanti l-fatt li huma jimxu flimkien għal numru ta’ mili qabel l-ilma tagħhom jitħallat flimkien, peress li x-xmajjar għandhom oriġni, veloċità, temperatura u kompożizzjoni kimika ferm differenti minn xulxin. Wara diversi mili, l-ilmijiet finalment jitħalltu flimkien, fejn isiru xmara differenti mill-partijiet individwali tagħhom. Huwa biss wara li dawn il-partijiet jingħaqdu flimkien li x-Xmara Amażonja ssir daqstant b’ saħħitha, tant li meta tilħaq l-Oċean Atlantiku, hija timbotta lura l-ilma mielaħ sabiex l-ilma ħelu xorta jkun jista’ jibqa’ preżenti għal diversi mili ‘l barra fl-oċean.
Bl-istess mod li x-Xmajjar Solimões u Negro jimxu flimkien biex jiffurmaw il-kbira Xmara Amażonja, ulied Alla jinġabru flimkien fil-Knisja restawrata ta’ Ġesù Kristu minn sfondi soċjali differenti u tradizzjonijiet u kulturi differenti, u hekk jiffurmaw din il-komunità mill-isbaħ ta’ Qaddisin fi Kristu. Eventwalment, hekk kif aħna nħeġġu, nissapportjaw u nħobbu lil xulxin, aħna ningħaqdu flimkien biex nifformaw forza setgħana għat-tajjeb fid-dinja. Bħala dixxipli ta’ Ġesù Kristu, li nimxu flimkien bħala ħaġa waħda f’ din ix-xmara ta’ tjubija, aħna nkunu kapaċi nipprovdu “l-ilma ħelu” tal-evanġelju lil dinja bil-għatx.
Il-Mulej ispira lill-profeti Tiegħu biex jgħallmuna kif aħna nistgħu nissapportjaw u nħobbu lil xulxin, ħalli nkunu nistgħu ningħaqdu flimkien fil-fidi u fl-għan hekk kif nimxu wara Ġesù Kristu. Pawlu, l-Appostlu tat-Testment il-Ġdid, għallem li “intom li intom mgħammda fi Kristu, ilbistu ‘l Kristu … : għax intom ilkoll ħaġa waħda fi Kristu Ġesù.”1
Meta aħna nwiegħdu fil-magħmudija li nimxu wara s-Salvatur, aħna nixhdu quddiem il-Missier li aħna lesti nieħdu fuqna isem Kristu.2 Hekk kif aħna nagħmlu l-almu tagħna biex niksbu l-kwalitajiet divini Tiegħu f’ ħajjitna, aħna nsiru differenti milli konna qabel, permezz tal-Att tal-Fidwa ta’ Kristu l-Mulej, u l-imħabba tagħna għal kulħadd tikber b’ mod naturali.3 Aħna nħossu sens sinċier ta’ responsabbiltà għall-benesseri u l-ferħ ta’ kulħadd. Aħna nibdew inħarsu lejn xulxin bħala aħwa, bħala wlied Alla b’ oriġni u kwalitajiet divini u potenzjal divin. Aħna nkunu nixtiequ nieħdu ħsieb xulxin u nġorru t-tagħbija ta’ xulxin.4
Dan huwa dak li Pawlu ddeskriva bħala karità.5 Mormon, profeta tal-Ktieb ta’ Mormon, iddeskrivieha bħala “l-imħabba safja ta’ Kristu,”6 li hija l-aktar forma sublimi, nobbli u qawwija ta’ mħabba. Il-profeta kurrenti tagħna, il-President Russell M. Nelson, riċentiment iddeskriva manifestazzjoni ta’ din l-imħabba safja ta’ Kristu bħala ministeru, li huwa approċċ aktar iffokat u aktar qaddis kif aħna nistgħu nħobbu u nieħdu ħsieb individwi oħra kif għamel is-Salvatur.7
Ejjew nikkunsidraw dan il-prinċipju ta’ kif inħobbu u nieħdu ħsieb l-oħrajn, kif għamel is-Salvatur, fil-kuntest li nħeġġu, ngħinu u nissapportjaw lil dawk li m’ilhomx li kkonvertew u lil dawk li bdew juru interess li jattendu s-servizzi tagħna tal-Knisja.
Meta dawn il-ħbieb ġodda jinqatgħu mid-dinja u jħaddnu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu u jingħaqdu mal-Knisja Tiegħu, huma jsiru d-dixxipli Tiegħu, fejn jerġgħu jitwieldu mill-ġdid permezz Tiegħu.8 Huma jħallu warajhom dinja li kienu jafu sew u jagħżlu li jimxu wara Ġesù Kristu, b’ għan sħiħ f’ qalbhom, jingħaqdu ma’ “xmara” ġdida bħax-Xmara mill-aktar potenti Amażonja—xmara li hija forza qalbiena ta’ tjubija u sewwa li tinsab dejjem miexja lejn il-preżenza ta’ Alla. L-Appostlu Pietru ddeskriva dan bħala “ġens maħtur, saċerdozju rjali, nazzjon qaddis, poplu li Alla kiseb għalih.”9 Hekk kif dawn il-ħbieb ġodda jingħaqdu flimkien f’ din ix-xmara ġdida li mhumiex familjari magħha, huma għall-ewwel jafu jħossuhom xi ftit mitlufin. Dawn il-ħbieb ġodda jsibu lilhom infushom jitħalltu flimkien fi xmara li għandha l-oriġni, it-temperatura u l-kompożizzjoni kimika uniċi tagħha—xmara li għandha t-tradizzjonijiet, il-kultura u l-vokabularju tagħha. Din il-ħajja ġdida fi Kristu taf tidher xi ftit diffiċli għalihom. Aħsbu ftit dwar kif jistgħu jħossuhom huma meta jisimgħu għall-ewwel darba ċerti espressjonijiet bħal “LFD,” “KŻI,” “Ħadd is-sawm,” “magħmudija għall-mejtin,” “ġabra tripla,” eċċ.
Huwa faċli tara għalfejn huma jistgħu jħossuhom ħuta barra mill-ilma. F’ sitwazzjonijiet bħal dawn, huma jafu jistaqsu lilhom infushom, “Tgħid hawnhekk posti? Jiena verament niffittja fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem? Din il-Knisja għandha bżonni? Jien se nsib ħbieb ġodda li lesti jgħinuni u jissapportjawni?”
Għeżież ħbieb tiegħi, f’ mumenti bħal dawn, dawk fostna li ninsabu f’ fażi differenti ta’ dan il-vjaġġ twil tagħna bħala dixxipli, għandna nestendu l-id ta’ ħbiberija lil dawn il-ħbieb ġodda, naċċettawhom fejn jinsabu bħalissa, u ngħinuhom, inħobbuhom u ninkluduhom f’ ħajjitna. Dawn il-ħbieb ġodda kollha huma wlied prezzjużi ta’ Alla .10 Aħna ma nistgħu naffordjaw li nitilfu lanqas biss wieħed jew waħda minnhom għaliex, bħax-Xmara Amażonja li tiddependi fuq it-tributarji tagħha li jipprovdulha l-ilma, aħna neħtieġu lilhom daqs kemm huma jeħtieġu lilna, biex insiru forza setgħana għat-tajjeb fid-dinja.
Il-ħbieb ġodda tagħna jġibu magħhom ċerti talenti mogħtija lilhom minn Alla, ċertu eċċitament u ċerta tjubija. L-entużjażmu tagħhom għall-evanġelju jaf ikun wieħed kontaġjuż, u b’hekk jaslu jagħtu ħajja ġdida lit-testimonjanzi tagħna. Huma jġibu magħhom ukoll perspettivi ġodda għall-għarfien tagħna tal-ħajja u tal-evanġelju.
Aħna ilna niġu mgħallmin kif aħna nistgħu ngħinu lill-ħbieb ġodda tagħna jħossuhom milqugħin u maħbubin fil-Knisja rrestawrata ta’ Ġesù Kristu. Huma jeħtieġu tliet affarijiet biex huma jkunu jistgħu jibqgħu b’ saħħithom u fidili tul ħajjithom:
L-ewwel, huma jeħtieġu aħwa fil-Knisja li huma sinċerament interessati fihom, ħbieb vera u leali li jistgħu jduru lejhom kontinwament, li jimxu magħhom u li jwieġbu l-mistoqsijiet li jista’ jkollhom. Bħala membri, aħna dejjem għandna noqogħdu attenti u nfittxu biex naraw jekk hemmx xi uċuh ġodda meta aħna nattendu l-attivitajiet u l-laqgħat tal-Knisja, huma x’ inhuma r-responsabbiltajiet, l-essajnments jew il-problemi li jista’ jkollna. Aħna nistgħu nagħmlu ħwejjeġ sempliċi biex ngħinu lil dawn il-ħbieb ġodda iħossuhom maħbubin u milqugħin fil-Knisja, bħal per eżempju nagħtuhom merħba, nitbissmulhom b’ sinċerità, inpoġġu bilqiegħda ħdejhom biex inqimu u nkantaw flimkien, nintroduċuhom mal-membri l-oħra, eċċ. Hekk kif aħna niftħu qlubna mal-ħbieb il-ġodda tagħna permezz ta’ wħud minn dawn il-metodi, aħna nkunu qed naġixxu fl-ispirtu tal-ministeru. Meta aħna nimministrawlhom kif għamel is-Salvatur, huma ma jħossuhomx “barranin fil-bliet tagħna.” Huma jħossuhom li verament jiffittjaw u li jistgħu jagħmlu ħbieb ġodda, u, l-aktar importanti, huma jħossu l-imħabba tas-Salvatur permezz tal-imħabba ġenwina tagħna.
It-tieni, il-ħbieb ġodda jeħtieġu xi ħaġa x’ jagħmlu—opportunità li jservu lill-oħrajn. Is-servizz huwa wieħed mill-aktar aspetti brillanti tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem. Huwa proċess li permezz tiegħu il-fidi tagħna tista’ tikber u tissaħħaħ. Kull ħabib ġdid jistħoqqlu din l-opportunità. Filwaqt li l-isqof u l-kunsill tal-qasam għandhom responsabbiltà diretta li jestendulhom ċerti essajnments ftit wara l-magħmudija tagħhom, xejn m’għandu jżommna, bħala membri, milli nistiednu lill-ħbieb il-ġodda tagħna biex jgħinuna naqdu lil ħaddieħor b’ mod informali jew permezz ta’ xi proġetti ta’ servizz.
It-tielet, il-ħbieb ġodda għandhom jiġu “sostnuti permezz tal-kelma tajba ta’ Alla.”11 Aħna nistgħu ngħallmuhom biex iħobbu l-iskrittura u jsiru aktar familjari magħha hekk kif aħna naqraw u niddiskutu t-tagħlim magħhom, nipprovdulhom kuntest għall-istejjer u nispjegawlhom ċertu kliem diffiċli. Aħna nistgħu ngħallmuhom ukoll kif jistgħu jirċievu gwida personali permezz tal-istudju regolari tal-iskrittura. Barra minn hekk, aħna nistgħu nilħqu lill-ħbieb ġodda tagħna fi djarhom u nistednuhom fi djarna f’ ħinijiet li ma jaħbtux mal-laqgħat u mal-attivitajiet skedati regolarment tal-Knisja, u ngħinuhom isiru parti mix-xmara setgħana tal-komunità ta’ Qaddisin.
Filwaqt li nagħrfu t-tibdil li l-ħbieb ġodda tagħna kellhom jagħmlu u l-isfidi li kellhom jiffaċċjaw biex isiru membri tal-familja ta’ Alla, bħala ħutna, aħna nistgħu naqsmu magħhom kif aħna stess għelibna sfidi simili f’ ħajjitna. Dan jgħinhom ikunu jafu li huma mhumiex weħidhom u li Alla jberikhom hekk kif huma jeżerċitaw il-fidi tagħhom fil-wegħdiet Tiegħu.12
Meta x-Xmajjar Solimões u Negro jitħalltu flimkien, ix-Xmara Amażonja ssir waħda setgħana u b’ saħħitha. Bl-istess mod, meta aħna u l-ħbieb ġodda tagħna ningħaqdu flimkien verament, il-Knisja rrestawrata ta’ Ġesù Kristu ssir waħda aktar b’ saħħitha u soda. L-għażiża tiegħi, Rosana, u jien verament grati għal dawk l-individwi kollha li bosta snin ilu għenuna nitħalltu ma’ din ix-xmara ġdida, meta aħna ħaddanna l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu fil-pajjiż tal-Brażil li aħna ġejjin minnu. Matul is-snin, dawn in-nies meraviljużi verament imministraw lilna u għenuna biex inkomplu nnixxu s-sewwa. Aħna verament grati għalihom.
Il-profeti fl-Emisfera Oċċidentali kienu jafu tajjeb ħafna kif setgħu jgħinu lill-ħbieb il-ġodda jkomplu mexjin ‘il quddiem flimkien f’ din ix-xmara ġdida ta’ tjubija lejn il-ħajja eterna. Per eżempju, għaliex Moroni kien qed jara żmienna u għaliex kien jaf li aħna sejrin niffaċċjaw sfidi simili,13 huwa inkluda xi wħud minn dawk l-affarijiet importanti li jeħtieġ nagħmlu fil-kitbiet tiegħu fil-Ktieb ta’ Mormon:
“U wara li huma ġew milqugħin fil-magħmudija, u ġew mogħnija u mnaddfin permezz tal-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, huma ġew magħduda fost il-poplu tal-knisja ta’ Kristu; u isimhom ittieħed, sabiex huma jiġu mfakkra u sostnuti permezz tal-kelma tajba ta’ Alla, biex iżżommhom fit-triq it-tajba, biex iżżommhom kontinwament attenti jitolbu, jafdaw biss fil-merti ta’ Kristu, li fih tibda u tintemm il-fidi tagħhom.
“U l-membri tal-knisja kienu jiltaqgħu flimkien spiss, biex isumu u jitolbu u biex jitkellmu bejniethom dwar il-ġid ta’ ruħhom.”14
Għeżież kollegi tiegħi fil-ħidma tal-Mulej, jiena nemmen li aħna nistgħu nagħmlu ferm aħjar u għandna nagħmlu ferm aħjar fejn jidħol il-mod kif aħna nilqgħu ħbieb ġodda fil-Knisja. Nistedinkom tikkunsidraw x’ nistgħu nagħmlu biex lilhom aħna nħaddnuhom, naċċettawhom u ngħinuhom aktar, u għandna nibdew nagħmlu dan mill-Ħadd li ġej. Oqogħdu attenti biex ma tħallux l-essajnments tal-Knisja jwaqqfukom milli tagħtu merħba lil ħbieb ġodda fil-laqgħat u l-attivitajiet tal-Knisja. Wara kollox, dawn l-erwieħ huma mill-aktar prezzjużi f’ għajnejn Alla u ferm aktar importanti mill-programmi u l-attivitajiet. Jekk aħna nimministraw lill-ħbieb ġodda tagħna b’ qalbna mimlija bl-imħabba safja kif irid is-Salvatur, jiena nwegħidkom, f’ ismu, li Huwa żgur jassistina fl-isforzi tagħna. Meta aħna naġixxu bħala ministri fidili, kif għamel is-Salvatur, il-ħbieb ġodda tagħna jkollhom l-għajnuna li jeħtieġu biex huma jibqgħu sodi, dedikati u fidili sat-tmiem. Huma jingħaqdu magħna hekk kif aħna nsiru poplu setgħan ta’ Alla u jgħinuna biex inwasslu l-ilma ħelu f’ dinja li verament teħtieġ il-bżonn tal-barkiet tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Dawn ulied Alla iħossuhom li huma m’għadhomx “aktar barranin u frustieri, imma ċittadini flimkien mal-qaddisin.”15 Jiena nwegħidkom li huma jagħrfu l-preżenza tas-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, fil-Knisja Tiegħu. Huma jkomplu mexjin ‘il quddiem magħna bħala xmara lejn il-funtana ta’ kull tjubija sakemm huma jiġu milqugħin b’ dirgħajn miftuħa minn Sidna Ġesù Kristu, u huma jisimgħu lill-Missier jgħid, “Intom għandu jkollkom il-ħajja eterna.”16
Jiena nistedinkom biex tfittxu l-għajnuna tal-Mulej biex jgħinkom tħobbu lill-oħrajn kif ħabbkom Hu. Ejjew ilkoll nimxu wara l-kunsill li tana Mormon: “Għalhekk, għeżież ħuti, itolbu lill-Missier bil-qawwa kollha ta’ qalbkom, sabiex tkunu mimlijin b’ din l-imħabba, li huwa sawwab fuq dawk kollha li huma dixxipli vera ta’ Ibnu, Ġesù Kristu.”17 Dwar dawn il-veritajiet jiena nixhed f’ isem Ġesu Kristu, amen.