Nipprova, Nipprova, Nipprova
Is-Salvatur qiegħed inaqqax ismu fuq qalbkom. U intom qed tħossu fikom l-imħabba safja ta’ Kristu għal ħaddieħor u għalikom infuskom.
Għeżież ħuti, jiena grat għall-opportunità li għandi li nitkellem magħkom. Din il-konferenza ħassejtha verament televani u tedifikani. Il-mużika kantata u l-kliem li smajna sabu posthom f’ qalbna permezz tal-Ispirtu s-Santu Jiena nitlob li dak li jien se ngħid jiġi trasmess lilkom permezz tal-istess Spirtu.
Bosta snin ilu, jiena kont qed inservi bħala l-ewwel kunsillier għal president tad-distrett fil-lvant tal-Istati Uniti. Mhux l-ewwel darba li kien jgħidli, fil-karozza fi triqitna lejn il-fergħat żgħar tagħna, “Hal, meta tiltaqa’ ma’ xi ħadd, ittrattah bħallikieku huwa jinsab f’ inkwiet mill-aktar serju, u ibqa’ ċert li hekk ikun f’ nofs il-kazi.” Mhux biss dak li qal kien minnu, iżda maż-żmien tgħallimt li ċ-ċifra li ta kienet waħda pjuttost baxxa. Illum, nixtieq ninkuraġġikom hekk kif intom tinsabu tħabbtu wiċċkom mal-inkwiet.
Il-ħajja mortali tagħna ġiet imfassla minn Alla li tant iħobbna biex isservi ta’ test u sors għall-iżvilupp ta’ kull wieħed u waħda minna. Intom tiftakru l-kliem li Alla tenna dwar uliedu waqt il-Ħolqien tad-dinja: “U nippruvawhom ħalli naraw jekk jagħmlux dak kollu li jitlobhom jagħmlu l-Mulej Alla tagħhom.”1
Mill-bidu nett, dawn it-testijiet ma kenux xi ħaġa faċli. Aħna niffaċċjaw ċerti sfidi minħabba li ġejna mogħtija ġisem mortali. Ilkoll kemm aħna ngħixu f’ dinja fejn il-gwerra ta’ Satana kontra l-verità u kontra l-ferħ personali tagħna qed issir waħda aktar intens. Intom tafu tgħidu li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar jidher li l-konfużjoni fid-dinja u f’ ħajjitkom qed tikber.
Ir-riassigurazzjoni tiegħi hija din: dak Alla li tant iħobbna li jippermetti li intom tgħaddu minn dawn l-isfidi fassal ukoll mod ċert kif intom tistgħu tegħlbuhom. Missierna tas-Smewwiet tant ħabb id-dinja li Huwa bagħat lill-Ibnu l-Għażiż biex jgħinna.2 Ibnu, Ġesù Kristu, ta ħajtu għalina. Ġesù Kristu ġarr il-piż ta’ dnubietna, kemm fuq is-salib kif ukoll ġewwa l-Ġetsemani. Huwa esperjenza n-niket, l-uġigħ u l-effetti ta’ dnubietna ħalli Huwa jkun jista’ jfarraġna u jsaħħaħna qalb l-isfidi kollha ta’ ħajjitna.3
Tiftakru li l-Mulej qal lill-qaddejja Tiegħu:
Il-Missier u jiena ħaġa waħda. Jiena ninsab fil-Missier u l-Missier fija; u sakemm intom tirċievu lili, intom tkunu fija u jiena fikom.
“Għalhekk, jiena ninsab f’ nofskom, u jiena r-ragħaj it-tajjeb u l-blata ta’ Iżrael. Dak li jibni fuq din il-blata ma jista’ jfalli qatt.”4
Il-profeta tagħna, il-President Russell M. Nelson, tana wkoll din l-istess assigurazzjoni. Barra minn hekk, huwa ddeskriva mod kif aħna nistgħu nibnu fuq dik il-blata u nnaqqxu isem il-Mulej fuq qalbna biex ikun jista’ jiggwidana waqt l-isfidi tagħna.
Huwa qal: “Intom li mumentarjament jaf tħossukom qed taqtgħu qalbkom, ftakru li l-ħajja mhijiex faċli. Tul it-triq jeħtieġ li aħna ngħaddu minn ċerti sfidi u nġarrbu ċertu niket. Hekk kif intom tiftakru li ‘għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir’ (Luqa 1:37), kunu afu li Huwa Missierkom. Intom uliedu maħluqin fix-xbieha Tiegħu, u jekk intom tkunu denji, intom intitolati li tirċievu r-rivelazzjoni li tgħinkom fl-isforzi ġusti tagħkom. Intom tistgħu tieħdu fuqkom l-isem imqaddes tal-Mulej. Intom tistgħu tikkwalifikaw biex titkellmu fl-isem sagru ta’ Alla (ara D&C 1:20).”5
Kliem il-President Nelson ifakkarna dwar il-wegħda li nsibu fit-talba tas-sagrament, wegħda li Missierna tas-Smewwiet iġib fis-seħħ hekk kif aħna nagħmlu dak li min-naħa tagħna nwiegħdu li se nagħmlu.
O Alla, il-Missier Etern, aħna nistaqsuk f’ isem Ibnek, Ġesù Kristu, sabiex tbierek u tqaddes dan il-ħobż għall-erwieħ ta’ dawk kollha li jieħdu minnu, biex huma jieklu b’ tifkira ta’ ġisem Ibnek, u jixhdu miegħek, O Alla, il-Missier Etern, li huma lesti jieħdu fuqhom isem Ibnek, u dejjem jiftakru fih u jżommu l-kmandamenti li huwa tahom; ħalli jkollhom l-Ispirtu tiegħu magħhom. Amen.”6
Kull darba li aħna ntennu l-kelma amen meta tiġi offruta dik it-talba f’ isimna, aħna nkunu qed inwiegħdu li għax aħna qed nieklu mill-ħobż aħna ninsabu lesti biex nieħdu fuqna l-isem imqaddes ta’ Ġesù Kristu, li dejjem niftakru fih u li se nżommu l-kmandamenti Tiegħu. Min-naħa l-oħra, aħna niġu mwiegħda li aħna jkollna dejjem magħna l-Ispirtu Tiegħu. Minħabba dawn il-wegħdiet, is-Salvatur huwa l-blata li fuqha aħna nistgħu nieqfu mingħajr periklu u mingħajr biża’ f’ kull maltempata li aħna niffaċċjaw.
Hekk kif jiena xtarrejt il-kliem tal-patt u l-barkiet marbutin miegħu, jiena bdejt nikkuntempla xi tfisser li tkun lest li tieħu fuqek l-isem ta’ Ġesù Kristu.
Il-President Dallin H. Oaks spjega: “Hija ħaġa mill-aktar sinifikanti li meta aħna nieħdu sehem fis-sagrament aħna ma nixhdux li aħna se nieħdu fuqna l-isem ta’ Ġesù Kristu. Aħna nixhdu li aħna ninsabu lesti li nagħmlu dan. (Ara D&C 20:77.) Il-fatt li aħna nixhdu li aħna ninsabu lesti li nagħmlu dan juri li jeħtieġ issir xi ħaġa oħra qabel ma aħna fil-fatt nieħdu fuqna dak l-isem sagru fl-aktar sens importanti.”7
Id-dikjarazzjoni li aħna ninsabu “lesti li nieħdu fuqna” ismu turina li minkejja li aħna konna diġà ħadna fuqna isem is-Salvatur meta tgħammidna, li nieħdu fuqna ismu mhijiex xi ħaġa li ġiet fi tmiemha fil-magħmudija. Aħna għandna naħdmu kontinwament biex tul ħajjitna aħna nġorru ismu dejjem magħna, inkluż meta aħna nġeddu l-patti tagħna fuq il-mejda tas-sagrament u meta nagħmlu l-patti fit-tempji mqaddsa tal-Mulej.
Għalhekk żewġ mistoqsijiet kruċjali għalina lkoll huma “X’ għandi nagħmel biex nieħu fuqi l-isem Tiegħu?” u “Kif nista’ nkun naf li jiena qed nagħmel progress?”
Id-dikjarazzjoni tal-President Nelson tissuġġerixxi tweġiba li taf tgħinna verament. Huwa qal li aħna nistgħu nieħdu fuqna isem is-Salvatur u li aħna nistgħu nitkellmu f’ ismu. Meta aħna nitkellmu f’ ismu, aħna nkunu qed inservuh. “Għax kif bniedem jista’ jkun jaf l-imgħallem li qatt ma serva, u li għalih hu barrani, u li jinsab ‘il bogħod minn ħsibijietu u mill-intenzjoni ta’ qalbu?”8
Jeħtieġ li aħna nitolbu b’ fidi jekk aħna rridu nitkellmu dwaru. Jeħtieġ li aħna nitolbu lil Missierna tas-Smewwiet b’ mod ferventi biex insiru nafu x’għandna ngħidu biex ngħinu lis-Salvatur fil-ħidma Tiegħu. Aħna għandna nikkwalifikaw għall-wegħda: “Jekk hux permezz ta’ leħni jew ta’ leħen il-qaddejja tiegħi, hija l-istess ħaġa.”9
Madankollu, biex nieħdu fuqna ismu, jeħtieġ li nagħmlu ferm aktar milli sempliċiment nitellmu f’ ismu. Hemm ċerti sentimenti li għandu jkollna ġewwa qalbna jekk aħna rridu nikkwalifikaw bħala qaddejja Tiegħu.
Il-profeta Mormon iddeskriva s-sentimenti li jikkwalifikawna u jwassluna biex nieħdu fuqna ismu. Dawn is-sentimenti jinkludu l-fidi, it-tama, u l-karità, li hija l-imħabba safja ta’ Kristu.
Mormon spjega:
“Għax jiena niġġudika li intom għandkom il-fidi fi Kristu minħabba l-umiltà tagħkom; għaliex jekk intom m’għandkomx il-fidi fih intom m’intomx lesti li tkunu meqjusa fost in-nies tal-knisja tiegħu.
“U wkoll, għeżież ħuti, jiena se nkellimkom dwar it-tama. Kif tistgħu tiksbu l-fidi, jekk l-ewwel ma jkollkomx it-tama?
“U għalxiex għandna nittamaw? Araw jiena ngħidilkom li intom għandkom ikollkom it-tama permezz tal-Att tal-Fidwa ta’ Kristu u l-qawwa tal-qawmien Tiegħu mill-imwiet li se tqumu għall-ħajja eterna, u dan minħabba l-fidi tagħkom fih.
“Għalhekk, jekk bniedem għandu l-fidi jeħtieġ li jkollu wkoll it-tama; għaliex mingħajr fidi ma jistax ikun hemm tama.
“U wkoll, araw jiena ngħidilkom li bniedem ma jistax ikollu l-fidi u t-tama, jekk l-ewwel huwa ma jkunx ta’ qalb ħelwa u umli.
“Jekk ma jkunx hekk, il-fidi u t-tama tiegħu jkunu għal xejn, għaliex ħadd ma jiġi aċċettat quddiem Alla, ħlief dawk ta’ qalb ħelwa u umli; u jekk il-bniedem ikun ta’ qalb ħelwa u umli, u jistqarr bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li Ġesù hu l-Kristu, huwa għandu jkollu fih il-karità; għax jekk m’għandux il-karità huwa mhu xejn; għalhekk l-ewwel għandu jkollu fih il-karità.”
Wara li ddeskriva x’inhi l-karità, Mormon kompla biex qal:
“Iżda l-karità hija l-imħabba pura ta’ Kristu, u tibqa’ għal dejjem; u kull min fl-aħħar jinsab li jippossediha, ikun tajjeb għalih.
“Għalhekk, għeżież ħuti, itolbu lill-Missier bil-qawwa kollha ta’ qalbkom, sabiex tkunu mimlijin b’ din l-imħabba, li huwa sawwab fuq dawk kollha li huma dixxipli vera ta’ Ibnu, Ġesù Kristu; sabiex intom issiru wlied Alla; ħalli meta huwa jidher aħna nkunu bħalu, għaliex se narawh kif verament hu; ħalli jkollna din it-tama; ħalli nippurifikaw ruħna sewwasew kif inhu ppurifikat hu. Amen.”10
It-testimonjanza tiegħi hi li s-Salvatur jinsab inaqqax ismu fuq qlubkom. Għal ħafna minnkom, aktar ma tmur, il-fidi tagħkom fih aktar qed tikber. Intom qed tħossu fikom aktar tama u ottimiżmu. U intom qed tħossu l-imħabba safja ta’ Kristu għal ħaddieħor u għalikom infuskom.
Jiena nara dan fil-missjunarji li jinsabu jservu madwar id-dinja kollha. Jien nara dan fil-membri li qegħdin jitkellmu ma’ sħabhom u mal-membri tal-familja tagħhom dwar il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem. Irġiel, nisa, żgħażagħ u saħansitra tfal jinsabu jimministraw sforz l-imħabba tagħhom għas-Salvatur u għal għajrhom.
Malli huma jisimgħu b’ ċerti diżastri madwar id-dinja, il-membri jibdew jippjanaw biex imorru jsalvaw lil ħaddieħor, xi kultant anke jaqsmu l-ibħra mingħajr ħadd ma jqabbadhom jagħmlu dan. Xi kultant huma lanqas biss ikollhom sabar jistennew sakemm l-inħawi milquta jkunu lesti li jilqgħuhom.
Jiena nirrealizza li xi wħud minnkom li qed tisimgħuni llum tafu tħossu li l-fidi u t-tama tagħkom jinsabu jingħelbu mill-inkwiet li intom tinsabu għaddejjin minnu. U jista’ jkun li tixtiequ tkunu tafu li hawn min iħobbkom verament.
Ħuti, il-Mulej jippreżenta ċerti opportunitajiet viċin tagħkom li permezz tagħhom intom tkunu tistgħu tħossu kif ukoll taqsmu l-imħabba Tiegħu. Intom tkunu tistgħu titolbu b’ kunfidenza biex il-Mulej lilkom imexxikom biex tħobbu lil xi ħadd f’ ismu. Huwa jwieġeb it-talb ta’ voluntiera umli bħalkom. Intom tħossu l-imħabba li Alla għandu għalikom u għall-persuna li intom taqdu f’ ismu. Hekk kif intom tgħinu lil ulied Alla fil-problemi tagħhom, il-problemi tagħkom jibdew jidhru eħfef. Il-fidi tagħkom u t-tama tagħkom tissaħħaħ.
Jiena xhud ta’ din il-verità. Tul ħajjitha, marti dejjem tkellmet f’ isem il-Mulej u serviet in-nies f’ ismu. Kif diġà kont semmejt qabel, wieħed mill-isqfijiet tagħna darba qalli: “Nimmeravilja ruħi. Kull darba li nisma’ li xi persuna fil-qasam tinsab f’ inkwiet, jien immur niġri biex ngħinna. Madankollu sakemm nilħaq nasal, jidher li martek dejjem jirnexxielha tkun hemm qabli.” Dan huwa minnu f’ kull post fejn aħna konna noqogħdu għal 56 sena sħaħ.
Illum kulma hija tista’ titkellem huma biss ftit kelmiet kuljum. Illum jiġu jżuruha dawk in-nies lil hija ħabbet f’ isem il-Mulej. Kull filgħaxija u kull filgħodu jiena nkanta magħha l-għanjiet u nitlob magħha. Jien ikolli nkun il-vuċi waqt it-talb tagħna u waqt l-għanjiet li aħna nkantaw flimkien. Xi kultant nista’ ninnutaha tipprova ttenni l-kliem tal-għanjiet. Hija tippreferi l-għanjiet tat-tfal. Is-sentiment li tidher li tħobb l-aktar insibuh fl-għanja “Qed nipprova Nkun bħal Ġesù.”11
L-aħħar darba, wara li kantajna l-kliem tar-ritornell: “Ħobbu lil xulxin kif iħobbkom Ġesù. Ippruvaw uru t-tjubija f’ dak kollu li tagħmlu,” hija qalet minn taħt l-ilsien iżda b’ mod ċar, “Nipprova, Nipprova, Nipprova.” Jien naħseb li meta se tiltaqa’ Miegħu, hija se ssib li s-Salvatur tagħna diġà naqqax ismu f’ qalbha u li hija saret bħalu. Issa, Huwa jinsab iġorrha qalb is-sofferenza tagħha, l-istess kif Huwa jġorr lilkom qalb is-sofferenza tagħkom.
Jiena nagħti x-xhieda tiegħi li s-Salvatur lilkom jafkom u jħobbkom. Huwa jaf isimkom kif intom tafu ismu. Huwa jaf x’ sofferenza intom tinsabu għaddejjin minnha. Huwa esperjenzaha. Permezz tal-Att tal-Fidwa Tiegħu, Huwa għeleb id-dinja. Meta tkunu lesti li tieħdu fuqkom l-isem Tiegħu, intom tkunu kapaċi ttaffu l-piż ta’ ħafna nies oħra. U maż-żmien issibu li intom sirtu tafu lis-Salvatur ferm aħjar u li l-imħabba tagħkom lejh kibret. Ismu jkun f’ qalbkom u kontinwament fi ħsibijietkom. Huwa l-isem li permezz tiegħu intom se tiġu msejħa. Dan jiena nixhed, bi gratitudni għat-tjubija kollha mħabba Tiegħu lejja, lejn il-maħbubin tiegħi u lejkom, f’ isem Ġesù Kristu, amen.