2010-2019
Trid Tfiq?
Ottubru 2018


Trid Tfiq?

Minħabba l-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu, jekk aħna nagħżlu li nindmu u noffru qlubna verament lis-Salvatur, Huwa jfejjaqna spiritwalment.

Wara li kien ilu biss ftit xhur fil-missjoni tiegħu, it-tifel iż-żgħir tagħna u s-sieħeb tiegħu fil-missjoni kienu jinsabu għaddejjin bl-istudju tagħhom meta t-tifel tagħna ħass uġigħ tedjanti f’ rasu. Huwa ma bediex iħossu f’ siktu; għall-ewwel tilef il-kontroll ta’ driegħu tax-xellug; imbagħad bilkemm beda jħossu lsienu. In-naħa xellugija ta’ wiċċu beda jħossha tintelaq. Beda jsib diffikultà jitkellem. Kien jaf li kien hemm xi ħaġa mhux sewwa. Li ma kienx jaf kien li huwa kien qed jesperjenza attakk qawwi ta’ puplisija fi tliet naħat ta’ moħħu. Beda jħossu jinħakem mill-biża’ hekk kif huwa spiċċa ipparalizzat parzjalment. Kemm iddum biex tingħata kura lil xi ħadd li qed isofri minn attakk ta’ puplisija jaf iħalli effett drammatiku fuq kemm ikun jista’ jitfejjaq. Is-sieħeb missjunarju mill-aktar fidil aġixxa fil-pront. Wara li ċempel 911, huwa tah barka. B’ mod mirakoluż, l-ambulanza damet biss ħames minuti biex waslet.

Wara li t-tifel tagħna ddaħħal jiġri l-isptar, il-membri tal-grupp mediku mill-ewwel bdew jevalwaw is-sitwazzjoni u ddeċidew li lit-tifel tagħna kellhom jagħtuh mediċina li maż-żmien setgħet potenzjalment tirreversja l-effett paralizzanti tal-attakk ta’ puplisija.1 Madankollu, li kieku dak li kellu t-tifel tagħna ma kienx attakk ta’ puplesija, il-mediċina seta’ jkollha konsegwenzi severi, bħal ġmigħ ta’ demm fil-moħħ. It-tifel tagħna kellu jagħżel. Huwa għażel li jaċċetta t-trattament. Filwaqt li biex ifiq kompletament kien jeħtieġ aktar operazzjonijiet u kellhom jgħaddu x-xhur, it-tifel tagħna eventwalment reġa’ mar lura għall-missjoni tiegħu u temmha wkoll wara li l-effett tal-attakk ta’ puplesija naqas b’ mod sostanzjali.

Missierna tas-Smewwiet huwa omnipotenti u omnixxenti. Huwa jaf x’inhuma l-problemi fiżiċi li aħna ngħaddu minnhom. Huwa konxju tal-uġigħ fiżiku tagħna minħabba l-mard, ix-xjuħija, l-aċċidenti u ċerti diżordni li nistgħu nitwieldu biha. Huwa konxju tal-isfidi emozzjonali tagħna assoċjati mal-anzjetà, mas-solitudni, mad-dipressjoni jew mal-mard mentali. Huwa jaf lil kull persuna li sofriet xi inġustizzja jew li ġiet abbużata. Huwa jaf id-dgħjufijiet tagħna u l-propensitajiet u t-tentazzjonijiet li aħna niffaċċjaw.

Waqt din il-ħajja mortali aħna niġu ttestjati biex nuru jekk aħna nagħżlux it-tajjeb minflok il-ħażin. Għal dawk li jżommu l-kmandamenti Tiegħu, huma għad jgħixu Miegħu “fi stat ta’ ferħ bla tmiem.”2 Sabiex jgħinna fil-progress tagħna biex insiru bħalu, Missierna tas-Smewwiet ta l-qawwa kollha u l-għarfien kollu lil Ibnu, Ġesù Kristu. M’hemm l-ebda sofferenza fiżika, emozzjonali jew spiritwali li Kristu mhux kapaċi jfejjaq.3

Mill-ministeru mortali tas-Salvatur, l-iskrittura ssemmi diversi avvenimenti mirakolużi fejn Ġesù Kristu uża l-qawwa divina Tiegħu biex ifejjaq lil dawk li sofrew fiżikament.

L-Evanġelju ta’ Ġwanni jsemmi storja ta’ wieħed raġel li kien ilu jbati minn marda kiefra għal 38 sena.

“Ġesù rah qiegħed hemm, u meta sar jaf li kien ilu marid dak iż-żmien kollu qallu, Trid tfiq?”

Ir-raġel impotenti wieġeb li ma kien hemm ħadd li seta’ jgħinu meta hu kien jeħtieġ l-aktar l-għajnuna.

“Qallu Ġesù, Qum, aqbad friexek u imxi.

“U immedjatament fieq, refa’ friexu u qabad jimxi.”4

Jekk jogħġobkom innutaw il-juxtapożizzjoni ta’ kemm dan ir-raġel kien ilu jsofri waħdu —38 sena—u kemm il-fejqan wasal fi żmien qasir ladarba ġie involut is-Salvatur. Il-fejqan kien “immedjat.

F’ mument ieħor, kien hemm mara li kienet ilha 12-il sena tnixxi d-demm, “li kienet ħliet ġidha kollu fit-tobba, … resqet lejn Ġesù minn warajh u messitlu t-tarf tal-libsa: u immedjatament it-tnixxija tad-demm [waqfet]. …

“U Ġesù qal, Xi ħadd messni, għax ħassejt li xi qawwa ħarġet minni.

“Il-mara, meta rat li ma setgħetx tinħeba, hija … stqarritlu quddiem kulħadd … kif hi kienet fieqet immedjatament.”5

Tul il-ministeru Tiegħu, Kristu għallem li Huwa kellu l-qawwa fuq il-ġisem fiżiku. Aħna m’għandniex kontroll fuq il-ħin li fih Kristu se jfejjaq il-mard fiżiku tagħna. Il-fejqan iseħħ skont ir-rieda u l-għerf Tiegħu. Fl-iskrittura, xi wħud għaddew għexieren ta’ snin isofru; oħrajn, għaddew ħajjithom kollha. Is-sofferenza mortali tista’ tirraffinana u tkabbar id-dipendenza tagħna fuq Alla. Iżda meta aħna nagħtu ċans lil Kristu li jinvolvi ruħu, Huwa dejjem jasal biex iqawwina spiritwalment ħalli aħna jkun jista’ jkollna fina kapaċità akbar li nibqgħu nikkumbattu l-isfidi li nkunu għaddejjin minnhom.

Ultimament, aħna nafu li kull sofferenza u kull imperfezzjoni fiżika u kull mard fiżiku sejjer jitfejjaq meta aħna nqumu mill-mewt. Dan huwa rigal mogħti lill-umanità kollha permezz tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu.6

Ġesù Kristu jista’ jfejjaq aktar minn sempliċiment il-ġisem fiżiku tagħna. Huwa jista’ wkoll ifejjaq l-ispirtu tagħna. Tul l-iskrittura kollha aħna nitgħallmu kif Kristu għen lil dawk ta’ spirtu dgħajjef u fejjaqhom.7 Hekk kif aħna nixtarru dawn l-esperjenzi, tikber it-tama u l-fidi tagħna fil-qawwa tas-Salvatur li jista’ jbierek ħajjitna. Ġesù Kristu jista’ jagħmel bidla f’ qalbna, ifejjaqna mill-effett tal-inġustizzja jew l-abbuż li aħna nistgħu nesperjenzaw, u jsaħħaħ il-kapaċità tagħna li nibqgħu nirreżistu waqt it-telfien u l-uġigħ il-qalb tagħna, u jwasslilna l-paċi biex jgħinna niffaċċjaw l-isfidi ta’ ħajjitna, u jfejjaqna emozzjonalment.

Kristu jista’ wkoll ifejjaqna meta aħna nidinbu. Meta aħna nidinbu aħna konxjament inkunu ksirna xi waħda mil-liġijiet ta’ Alla.8 Meta aħna nidinbu, ruħna titħammeġ. L-ebda ħaġa mhux nadifa ma tista’ tgħammar fil-preżenza ta’ Alla.9 “Li nkunu mnaddfin mid-dnub ifisser li nkunu mfejqin spiritwalment.”10

Alla l-Missier jaf li aħna se nidinbu, iżda Huwa ħejja mod kif aħna nistgħu niksbu l-fidwa. Il-Presbiteru Lynn G. Robbins għallem: “L-indiema mhijiex il-pjan sekondarju ta’ Alla f’ kas li aħna nfallu. L-indiema hija l-pjan Tiegħu, għax Huwa jaf li aħna se nfallu żgur.”11 Meta aħna nidinbu, aħna jkollna l-opportunità li nagħżlu t-tajjeb mill-ħażin. Aħna nagħżlu t-tajjeb meta aħna nindmu wara li nkunu dnibna. Permezz ta’ Ġesù Kristu u s-sagrifiċċju Tiegħu tal-fidwa, aħna nistgħu ninfdew minn dnubietna u ninġiebu lura fil-preżenza ta’ Alla l-Missier jekk aħna nindmu. Biex iseħħ il-fejqan spiritwali jeħtieġ li ssir xi ħaġa miż-żewġ naħat—jeħtieġ il-qawwa feddejja tas-Salvatur u l-indiema sinċiera min-naħa tal-midneb. Għal dawk li jagħżlu li ma jindmux, huma ma jkunu qed jirrifjutaw il-fejqan li joffri Kristu. Għalihom bħallikieku l-fidwa qatt ma ġiet fis-seħħ.12

Jien u nitkellem ma’ xi wħud li kienu qed ifittxu li jindmu, jiena ħassejtni nimmeravilja ruħi li ċerti nies li kienu qed jgħixu fid-dnub kienu qed isibu diffikultà jieħdu ċerti deċiżjonijiet korretti. L-Ispirtu s-Santu jasal biex ma jibqax aktar magħhom, u huma ħafna drabi jispiċċaw isibuha verament diffiċli jagħmlu dawk l-għażliet li jistgħu jressquhom aktar viċin Alla. Huma jgħaddu xhur u saħansitra snin jitqabdu, imbarazzati jew imbeżżgħin minħabba l-konsegwenzi ta’ dnubiethom. Ħafna drabi huma jħoss li huma qatt ma jistgħu jinbidlu jew jiġu maħfura. Spiss jiena smajthom jaqsmu miegħi l-biża’ tagħhom li jekk il-maħbubin tagħhom isiru jafu x’inhuma jagħmlu, huma kienu jieqfu jħobbuhom jew jabbandunawhom. Meta jibdew jaħsbu b’ dan il-mod, huma jispiċċaw jiddeċiedu li jibqgħu siekta u jibqgħu jitnikkru biex jindmu. B’ mod żbajlat huma jħossu li jkun aħjar li ma jindmux issa ħalli ma jkomplux iweġġgħu lil dawk li huma jħobbu. F’ moħħhom jaħsbu li aħjar li huma jsofru wara din il-ħajja milli jkollhom jgħaddu issa mill-proċess tal-indiema. Ħuti, mhu qatt idea tajba li tipprokrastinaw l-indiema tagħkom. L-avversarju ħafna drabi juża l-biża’ biex iżommna milli naġixxu b’ mod immedjat skont il-fidi tagħna f’ Ġesù Kristu.

Meta l-maħbubin jiġu kkonfrontati bil-verità dwar ċerta mġieba midinba, filwaqt li huma jistgħu jħossuhom verament muġugħa, ħafna drabi huma jkunu jridu jgħinu lil dak il-midneb li sinċerament jindem, ħalli jinbidel u jirrekonċilja ruħu ma’ Alla. Verament, il-fejqan spiritwali jseħħ aktar malajr meta l-midneb jistqarr dnubietu u jkun imdawwar b’dawk li jħobbuh u jgħinuh jiċħad dnubietu. Jekk jogħġobkom ftakru li Ġesù Kristu għandu l-qawwa wkoll li jfejjaq lill-vittmi innoċenti tad-dnub li jduru lejh.13

Il-President Boyd K. Packer iddikjara: “L-ispirtu tagħna jiddgħajjef meta aħna niżbaljaw u nwettqu d-dnubiet. Iżda kuntrarju għall-iġsma mortali tagħna, meta l-proċess tal-indiema jkun wieħed komplet, ma jħalli warajh l-ebda feriti minħabba l-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu. Il-wegħda hi: ‘Araw, dak li nidem minn dnubietu, hu stess jiġi maħfur, u jiena, il-Mulej, ma nibqax niftakarhom iżjed’ [Doctrine and Covenants 58:42].”14

Meta aħna nindmu “b’ għan sħiħ f’ qalbna,”15immedjatament il-pjan il-kbir tal-fidwa jibda jaħdem” f’ ħajjitna.16 Is-Salvatur ikun lest ifejjaqna.

Is-sieħeb missjunarju u t-tìm ta’ professjonisti mediċi li għenu lit-tifel tagħna li tah attakk ta’ puplesija fl-għalqa tal-missjoni aġixxew b’ mod immedjat. It-tifel tagħna għażel li jieħu l-mediċina li waslet biex fejqitu mill-attakk ta’ puplesija. Huwa kien tfejjaq mill-effetti paralizzanti tal-attakk ta’ puplesija liema effetti seta’ kompla jesperjenza għall-kumplament tal-ħajja mortali tiegħu. Bl-istess mod, aktar ma aħna nindmu malajr u nippermettu li l-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu jaħdem f’ ħajjitna, anqas indumu biex nitfejqu mill-effetti tad-dnub.

Il-President Russell M. Nelson offra din l-istedina: “Jekk intom ħriġtu ‘l barra mit-triq, … nistedinkom … biex jekk jogħġobkom terġgħu lura. Hu x’inhu dak li qed jinkwetakom, huma x’inhuma l-isfidi tagħkom, hawn post għalikom f’ din il-Knisja tal-Mulej. Intom u l-ġenerazzjonijiet li għad iridu jitwieldu tkunu mberkin b’ dak li intom tagħmlu bħalissa biex terġgħu lura fit-triq tal-patt.”17

Il-fejqan spiritwali tagħna jeħtieġ minna li aħna nissottomettu ruħna għall-kundizzjonijiet li fassal is-Salvatur tagħna. M’ għandniex noqogħdu nittratenu. Għandna naġixxu llum stess! Aġixxu issa ħalli l-paraliżi spiritwali ma twaqqafx il-progress etern tagħkom. Hekk forsi kif kont qed nitkellem jien, intom ħassejtu l-ħtieġa li titolbu l-maħfra lil xi ħadd li intom inqastu, nistedinkom biex taġixxu issa. Għidulu x’ għamiltu. Itlobuh biex jaħfrilkom. Jekk intom wettaqtu xi dnub li jeffettwa l-affidabbiltà tagħkom li tmorru t-tempju, nistedinkom biex titkellmu mal-isqof tagħkom—illum. Toqogħdux titnikkru.

Ħuti, Alla huwa Missierna tas-Smewwiet li tant iħobbna. Huwa ta l-qawwa kollha u l-għarfien kollu lil Ibnu l-Maħbub, Ġesù Kristu. Grazzi għalih, l-umanità kollha xi darba se titfejjaq għal dejjem minn kwalunkwe marda fiżika. Minħabba l-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu, jekk aħna nagħżlu li nindmu u noffru qlubna verament lis-Salvatur, Huwa jfejjaqna spiritwalment. Dan il-fejqan jista’ jibda b’ mod immedjat. L-għażla f’ idejna. Irridu verament infiequ?

Jiena nixhed li Ġesù Kristu ħallas il-prezz biex aħna nkunu nistgħu nitfejqu. Iżda l-ewwel jeħtieġ li aħna nagħżlu li nieħdu l-mediċina tal-fejqan li Huwa joffri. Ħuduha llum stess. Toqogħdux titnikkru. F’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Il-mediċina tissejjaħ tPA (tissue plasminogen activator).

  2. Mosiah 2:41.

  3. Ara Mattew 4:24. Kristu għadda jfejjaq lin-nies morda kollha, “kien x’kien il-mard tagħhom,” anke lil dawk li kienu “f’art l-imwiet,” “maħkuma mix-xitan,” u “morda b’tal-qamar.”

  4. Ara Ġwanni 5:5–9; enfażi miżjuda.

  5. Ara Luqa 8:43–47; enfażi miżjuda.

  6. Ara Alma 40:23; Helaman 14:17.

  7. Ara Luqa 5:20, 23–25; ara wkoll Traduzzjoni ta’ Joseph Smith, Luke 5:23 (f’ Luqa 5:23, nota f’ qiegħ il-paġna a): “Teħtieġ aktar qawwa biex taħfer id-dnubiet milli biex tgħid lill-morda qumu u imxu?”

  8. Ara 1 Ġwanni 3:4.

  9. Ara 3 Nephi 27:19.

  10. L-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu,” Ippriedka l-Evanġelju Tiegħi: Gwida għas-Servizz Missjunarju, ed. riv. (2018), lds.org/manual/missionary.

  11. Lynn G. Robbins, “Sa Sebgħa u Sebgħin Darba,” Liahona, Mejju 2018, 22.

  12. Ara Mosiah 16:5.

  13. F’ bosta okkażjonijiet jiena rajt b’ għajnejja ċerti individwi jitfejqu fi żmien aktar qasir meta l-membri tal-familja jinġabru flimkien biex jissapportjaw lil dak li jkun kiser il-wegħdiet tal-fedeltà u l-fiduċja, u jgħinuh idur lejn is-Salvatur b’ mod aktar sħiħ biex jesperjenza f’ ħajtu l-qawwa tal-fejqan Tiegħu. Jekk ir-ruħ verament niedma tfittex b’ sinċerità li tinbidel, il-membri tal-familja li jgħinuha fl-istudju tal-evanġelju, fit-talb sinċier u fis-servizz jixbah lil Kristu ma jkunux qegħdin biss jgħinu lill-midneb jinbidel iżda jkunu wkoll jkunu qed jiftħu l-bieb għal aktar fejqan mis-Salvatur f’ ħajjet dan l-istess midneb. Meta jkun xieraq, il-vittmi innoċenti jistgħu jgħinu lill-midneb li jkun żbalja billi huma jfittxu l-gwida divina dwar x’għandhom jistudjaw flimkien, kif jistgħu jservu, u kif jistgħu jinvolvu lill-membri tal-familja biex huma jissapportjaw u jsaħħu lir-ruħ niedma biex tinbidel u tibbenefika mill-qawwa feddejja ta’ Ġesù Kristu.

  14. Boyd K. Packer, “Il-Pjan ta’ ferħ,” Liahona, Mejju 2015, 28.

  15. 3 Nephi 18:32.

  16. Alma 34:31; enfażi miżjuda.

  17. Russell M. Nelson, “Hekk Kif Nimxu ‘l Quddiem Flimkien,” Liahona, Apr. 2018, 7.