Kollox Jinġabar Taħt Ras Waħda, li Hu Kristu
Il-qawwa tal-evanġelju tas-Salvatur li tittrasformana u tberikna niksbuha meta aħna nagħrfu u napplikaw l-interrelazzjoni tad-duttrina, tal-prinċipji u tad-drawwiet tiegħu.
Ħabel huwa biċċa għodda essenzjali li aħna lkoll familjari magħha. Il-ħbula huma magħmulin minn linji ħajt tad-drapp, tal-pjanti, tal-wajer jew ta’ xi materjal ieħor li lkoll kemm huma jiġu mibrumin jew mmaljati flimkien. Interessanti l-fatt li ċerti sustanzi li jafu jkunu mill-aktar eċċezzjonali jistgħu jiġu minsuġin flimkien u jsiru b’ saħħithom immens. Għalhekk, meta aħna nikkonnetjaw u norbtu flimkien materjal li hu ordinarju nistgħu nipproduċu biċċa għodda straordinarja.
L-istess kif ħabel jikseb is-saħħa tiegħu minn ħafna strixxi ħajt marbutin flimkien, hekk ukoll l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu jipprovdilna l-akbar perspettiva ta’ verità u joffrilna l-akbar barkiet hekk kif aħna nagħtu kas tat-twiddiba ta’ Pawlu biex “kollox jinġabar taħt ras waħda, li hu Kristu, kulma hu fis-sema u kulma hu fl-art.”1 Importanti ħafna li din il-ġabra mill-aktar importanti ta’ verità tiġi ċċentrata u ffokata fuq il-Mulej Ġesù Kristu għaliex Huwa “it-triq, il-ħajja u l-verità.”2
Jiena nitlob li l-Ispirtu s-Santu jdawwal lil kull wieħed u waħda minna hekk kif aħna nikkunsidraw kif il-prinċipju li kollox jinġabar taħt ras waħda, li hu Kristu, japplika b’ modi prattiċi għat-tagħlim u l-għixien tal-evanġelju rrestawrat Tiegħu fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.
Staġun Rivelatorju
Aħna ninsabu ngħixu fi staġun meraviljuż u rivelatorju tal-Knisja rrestawrata ta’ Ġesù Kristu. It-tibdil storiku li ġie mħabbar illum għandu biss għan wieħed kumplessiv: li jsaħħaħ il-fidi f’ Missierna tas-Smewwiet u fil-pjan Tiegħu u f’ Ibnu Ġesù Kristu u l-Att tal-Fidwa Tiegħu. L-iskeda tal-laqgħa tal-Ħadd mhux sempliċiment qsaret. Pjuttost, issa aħna għandna opportunitajiet aktar u responsabbiltajiet akbar bħala individwi u familji biex nużaw il-ħin tagħna biex jum is-Sabbath isir verament l-għaxqa tagħna fid-dar u fil-knisja.
April li għadda, l-istruttura organizzattiva tal-kwora tas-saċerdozju ma ġietx sempliċiment mibdula. Pjuttost, ġiet mogħtija enfażi akbar lil mod aktar ogħla u qaddis ta’ kif aħna nimministraw lil ħutna.
L-istess bħalma l-ħajt immaljat ta’ ħabel jipproduċi biċċa għodda mill-aktar b’ saħħitha u felħana, dawn l-għemejjel kollha huma parti minn sforz wieħed biex aħna nallinjaw l-attenzjoni, ir-riżorsi u l-ħidma tal-Knisja rrestawrata tas-Salvatur bil-missjoni fundamentali tagħha: li tassisti lil Alla fil-ħidma Tiegħu li jġib fis-seħħ is-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni ta’ wliedu. Jekk jogħġobkom tiffokawx primarjament fuq l-aspett loġistiku ta’ dak li għadu kif ġie mħabbar. Aħna m’għandniex inħallu d-dettalji proċedurali joskuraw ir-raġunijiet kumplessivi spiritwali li għalihom qed isir dan it-tibdil.
Ix-xewqa tagħna hi li l-fidi fil-pjan tal-Missier u fil-missjoni feddejja tas-Salvatur tkun tista’ tikber fid-dinja u li l-patt ta’ dejjem ta’ Alla jkun jista’ jiġi stabbilit.3 L-oġġettivi tagħna huma biss li aħna niffaċilitaw il-konverżjoni kontinwa lejn il-Mulej u li nħobbu b’ mod aktar sħiħ u nservu b’ mod aktar effettiv lil ħutna.
Nidentifikaw u Nisseparaw
Xi kultant bħala membri tal-Knisja aħna nidentifikaw, nisseparaw, u napplikaw l-evanġelju f’ ħajjitna billi noħolqu listi twal ta’ suġġetti individwali biex nistudjawhom u ta’ affarijiet xi nwettqu. Iżda dan it-tip ta’ metodu potenzjalment jista’ jirrestrinġi l-għarfien u l-viżjoni tagħna. Għandna noqogħdu attenti għaliex ċerta attenzjoni fariżejka fuq ċerti listi tista’ tbegħidna milli nersqu aktar viċin il-Mulej.
L-għan u l-purifikazzjoni, l-hena u l-ferħ, u l-konverżjoni u l-protezzjoni kontinwa li jista’ jkollna jekk aħna “noffru qalbna lil Alla”4 u “nirċievu x-xbieha tiegħu fuq ħaddejna”5 ma nistgħux niksbuhom sempliċiment billi nwettqu u ningassaw dawk il-ħwejjeġ spiritwali kollha li suppost nagħmlu. Pjuttost, il-qawwa tal-evanġelju tas-Salvatur li tittrasformana u tberikna niksbuha meta aħna nagħrfu u napplikaw l-interrelazzjoni tad-duttrina, tal-prinċipji u tad-drawwiet tiegħu. Huwa biss meta aħna niġbru kollox taħt ras waħda, li hu Kristu, b’ attenzjoni ferma fuqu, li l-veritajiet tal-evanġelju b’ mod sinerġetiku jkunu jistgħu jwassluna biex insiru dak li Alla jixtieqna nsiru6 u nibqgħu nirreżistu b’ mod qalbien sat-tmiem.7
Nitgħallmu u Norbtu Flimkien il-Veritajiet tal-Evanġelju
L-evanġelju ta’ Ġesù Kristu huwa bħall-arazzi meraviljużi ta’ verità “inkwadrati b’ mod perfett”8 u minsuġa flimkien. Hekk kif aħna nitgħallmu u norbtu flimkien il-veritajiet tal-evanġelju, aħna nitbierku billi nirċievu perspettiva mill-aktar prezzjuża u kapaċità spiritwali akbar permezz ta’ għajnejn li jistgħu jaraw l-influwenza tal-Mulej f’ ħajjitna u widnejn li jistgħu jisimgħu leħnu.9 U l-prinċipju li niġbru kollox taħt ras waħda—sewwasew fih—jista’ jassistina biex nibdlu l-lista tradizzjonali ta’ ħwejjeġ li għandna nwettqu f’ waħda aktar magħquda, integrata u kompluta. Ippermettuli nipprovdi eżempju kemm duttrinali kif ukoll mill-Knisja ta’ dak li qed nissuġġerixxi jiena.
Eżempju 1. Ir-raba’ artiklu tal-fidi huwa wieħed mill-akbar eżempji kif nistgħu niġbru kollox taħt ras waħda, li hu Kristu: “Aħna nemmnu li l-ewwel prinċipji u ordinanzi tal-Evanġelju huma: l-ewwel, Fidi fil-Mulej Ġesù Kristu; it-tieni, l-Indiema; it-tielet, Magħmudija b’ immersjoni għall-maħfra tad-dnubiet; ir-raba’, it-Tqegħid tal-idejn għad-don tal-Ispirtu s-Santu.”10
Il-vera fidi tiffoka fuq il-Mulej Ġesù Kristu—tiffoka fih bħala l-Iben divin u l-Iben Imnissel Waħdieni tal-Missier u tiffoka fuqu u fuq il-missjoni feddejja li Huwa ġab fis-seħħ. “Għaliex huwa wieġeb l-iskop tal-liġi, u huwa aċċetta lil dawk kollha li għandhom il-fidi fih; u dawk li għandhom il-fidi fih jaqbdu ma’ kull ħaġa tajba; għalhekk huwa ddefenda l-kawża ta’ wlied il-bnedmin.”11 Li neżerċitaw il-fidi fi Kristu tfisser li nafdaw u jkollna kunfidenza sħiħa fih bħala s-Salvatur tagħna, kunfidenza f’ ismu u fil-wegħdiet Tiegħu.
L-ewwel konsegwenza naturali meta aħna nafdaw fis-Salvatur hi li nindmu u niċħdu l-ħażen. Hekk kif aħna neżerċitaw il-fidi fil-Mulej, aħna naturalment nersqu lejh, immorru għandu u niddependu minnu. Għalhekk, l-indiema hi li nafdaw fil-Feddej li jagħmel għalina dak li ma nistgħux nagħmlu għalina nfusna. Kull wieħed minna “[jiddependi] kompletament fuq il-merti ta’ dak li għandu s-setgħa li jsalva”12 għaliex huwa biss “permezz tal-merti, u l-ħniena u l-grazzja tal-Messija Mqaddes”13 li aħna nistgħu nsiru ħlejjaq ġodda fi Kristu14 u ultimament nerġgħu lura u ngħammru fil-preżenza ta’ Alla.
L-ordinanza tal-magħmudija b’ immersjoni għall-maħfra tad-dnubiet teħtieġ minna li aħna nafdaw fih, niddependu minnu, u nimxu warajh. Nefi ddikjara, “Jiena naf li jekk intom timxu wara l-Iben, b’ qalbkom sħiħa, mingħajr ebda ipokresija u bl-ebda qerq quddiem Alla, iżda b’ intenzjoni ġenwina, tindmu minn dnubietkom, tixhdu mal-Missier li intom lesti li tieħdu fuqkom isem Kristu, permezz tal-magħmudija—iva, billi timxu wara l-Mulej u s-Salvatur tagħkom sa taħt l-ilma, skont kelmtu, araw, imbagħad intom tirċievu l-Ispirtu s-Santu; iva, imbagħad tasal il-magħmudija tan-nar u tal-Ispirtu s-Santu.”15
L-ordinanza tat-tqegħid tal-idejn għad-don tal-Ispirtu s-Santu teħtieġ li aħna nafdaw fih, niddependu minnu, nimxu warajh, u nibqgħu mexjin ‘il quddiem fih bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu Tiegħu. Kif iddikjara Nefi, “U issa … jien naf permezz ta’ dan li sakemm il-bniedem ma jibqax sod sat-tmiem, billi jimxi wara l-eżempju ta’ Iben Alla l-ħaj, huwa ma jistax isalva.”16
Ir-raba’ artiklu tal-fidi ma jidentifikax sempliċiment il-prinċipji u l-ordinanzi fundamentali tal-evanġelju rrestawrat. Pjuttost, din id-dikjarazzjoni ispirata ta’ twemmin tiġbor kollox taħt ras waħda, li hu Kristu: nafdaw fih, niddependu minnu, nimxu warajh, u nibqgħu mexjin ‘il quddiem miegħu—sewwasew fih.
Eżempju 2. Issa rrid niddeskrivi kif il-programmi u l-inizjattivi kollha tal-Knisja huma miġburin kollha taħt ras waħda, li hu Kristu. Hemm ħafna eżempji oħra x’ nista’ nippreżenta; se nagħżel biss ftit minnhom.
Fl-1978, il-President Spencer W. Kimball talab lill-membri tal-Knisja biex isaħħu l-qawwa ta’ Sijon madwar id-dinja. Il-kunsill li huwa ta lill-Qaddisin kien biex huma jibqgħu fil-pajjiżi nattivi tagħhom u hemmhekk jistabbilixxu utied b’ saħħithom billi jiġbru flimkien il-membri tal-familja ta’ Alla u jgħallmuhom il-modi tal-Mulej. Huwa kompla jindika li kienu se jinbnew aktar tempji kif ukoll wiegħed ċerti barkiet lill-Qaddisin f’ kull pajjiż li kienu jgħixu fih fid-dinja.17
Hekk kif in-numru ta’ wited kompla jikber, il-bżonn intensifika ruħu li d-djar tal-membri “isiru postijiet fejn il-membri tal-familja jixtiequ jkunu fihom, fejn huma jkunu jistgħu jtejbu ħajjithom kif ukoll jagħtu u jirċievu l-imħabba, is-sapport, l-apprezzament u l-inkuraġġiment.”18 Konsegwentament, fl-1980, il-laqgħat tal-Ħadd ġew ikkonsolidati f’ medda ta’ tliet sigħat biex “tiġi enfasizzata r-responsabbiltà personali u tal-familja għat-tagħlim u l-għixien tal-evanġelju.”19 Din l-enfażi fuq il-familja u d-dar għal darb’oħra reġgħet ġiet affermata f’ “Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja” li ġiet introdotta mill-President Gordon B. Hinckley fl-1995.20
F’ April tal-1998, il-President Hinckley ħabbar il-bini ta’ ħafna aktar tempji żgħar, biex b’ hekk iġib lill-ordinanzi sagri ta’ dar il-Mulej aktar viċin l-individwi u l-familji Qaddisin tal-Aħħar Jiem madwar id-dinja.21 U dawn l-opportunitajiet akbar għat-tkabbir u l-iżvilupp spiritwali ġew ikkumplimentati minn tkabbir relatat fil-mod kif l-individwi jkunu awto-dipendenti permezz tal-introduzzjoni tal-Fondi għall-Edukazzjoni Perpetwa fl-2001.22
Matul l-amministrazzjoni tiegħu, il-President Thomas S. Monson ripetutament talab lill-Qaddisin sabiex jingaġġaw ruħhom “f’ ħidma tas-salvataġġ” u enfasizza li d-dmir tagħna li nieħdu ħsieb il-foqra u lil dawk fil-bżonn hija waħda mir-responsabbiltajiet maħtura b’ mod divin tal-Knisja. Biex issir aktar enfażi fuq it-tħejjija temporali, is-Servizzi tal-Awto Dipendenza ġew implimentati fl-2012.
F’ dawn l-aħħar snin, ċerti prinċipji essenzjali dwar li għandna nagħmlu jum is-Sabbath l-għaxqa tagħna fid-dar u fil-knisja reġgħu ġew enfasizzati u rrinforzati,23 biex b’ hekk iħejjuna għat-tibdil rigward l-iskeda tal-laqgħa tal-Ħadd li ġiet imħabbar f’ din is-sezzjoni tal-konferenza ġenerali.
U sitt xhur ilu, il-kwora tas-saċerdozju Melkisedeku ġew imsaħħin u allinjati b’ mod aktar effettiv flimkien mal-awżiljarji biex jitwettaq mod aktar ogħla u qaddis kif aħna nimministraw.
Jiena nemmen li s-segwenza u l-ħin ta’ dawn id-deċiżjonijiet fuq medda ta’ għexieren ta’ snin tista’ tgħinna naraw ħidma waħda unita u komprensiva u mhux sempliċiment sensiela ta’ inizjattivi indipendenti u diskreti. “Alla żvela mudell ta’ progress spiritwali għall-individwi u l-familji permezz ta’ ordinanzi, tagħlim, programmi u attivitajiet li jiffokaw fuq il-familja u li huma ssapportjati mill-Knisja. L-organizzazzjonijiet u l-programmi tal-Knisja jeżistu biex ibierku l-individwi u l-familji u mhux qegħdin hemm għall-fini tagħhom.”24
Jien nitlob li aħna nkunu nistgħu nagħrfu l-ħidma tal-Mulej bħala ħidma waħda dinjija li aktar ma tmur aktar qed issir waħda li tiffoka fuq il-familja u li hi ssapportjata mill-Knisja. Jiena naf u nixhed li l-Mulej qed jiżvela u se jkompli jiżvela ħafna ħwejjeġ kbar u importanti li jippartjenu s-Saltna ta’ Alla.”25
Wegħda u Testimonjanza
Jiena bdejt il-messaġġ tiegħi billi enfasizzajt il-qawwa li tinħoloq meta linji individwali ta’ ħajt jiġu mibrumin jew mmaljati flimkien f’ ħabel. Bl-istess mod, jiena nwegħidkom li aħna se naslu biex naraw perspettiva, skop u qawwa fit-tagħlim u fl-għixien tagħna tal-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu hekk kif aħna nagħmlu l-almu tagħna biex niġbru kollox taħt ras waħda, li hu Kristu—sewwasew fih.
L-opportunitajiet u l-barkiet kollha li għandhom konsegwenzi eterni joriġinaw u huma possibbli u għandhom skop minħabba u permezz tal-Mulej Ġesù Kristu. Kif xehed Alma: “M’hemm l-ebda mod jew mezz ieħor kif il-bniedem jista’ jsalva, ħlief fi Kristu u permezz ta’ Kristu. Araw, huwa l-ħajja u d-dawl tad-dinja.”26
B’ ferħ jiena niddikjara x-xhieda tiegħi dwar id-divinità u r-realtà ħajja tal-Missier Etern u ta’ Ibnu l-Għażiż, Ġesù Kristu. Fis-Salvatur tagħna, aħna nsibu l-ferħ. U fih aħna nisbu l-assigurazzjoni ta’ “sliem f’ din id-dinja u ħajja eterna fid-dinja li jmiss.”27 Jiena nixhed dan fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.