2010-2019
Erfgħu Raskom ‘il Fuq u Ifirħu
Ottubru 2018


Erfgħu Raskom ‘il Fuq u Ifirħu

Hekk kif aħna niffaċċjaw mumenti diffiċli bil-mod kif irid il-Mulej, jalla aħna ngħollu rasna ‘l fuq u nifirħu.

Fl-1981, missieri, żewġt iħbieb kbar tiegħu u jien morna fuq avventura ġewwa l-Alaska. Suppost kellna nagħmlu l-inżul tagħna f’ lag rimot u minn hemm nitilgħu bilmod lejn medda art mill-isbaħ fuq għolja. Sabiex innaqqsu l-piż li lkoll kemm aħna konna qed inġorru, aħna geżwirna l-affarijiet li kellna f’ kaxex, għattejniehom bil-fowm, waħħalna magħhom numru ta’ strixxi kbar ikkuluriti, u tfajniehom ‘il barra mit-tieqa tal-ajruplan żgħir tagħna fil-post fejn konna qed nippjanaw li mmorru.

Hekk kif wasalna hemm, aħna fittixna ma kullimkien, iżda b’ dispjaċir kbir, ma stajna nsibu l-ebda kaxxa minnhom. Eventwalment sibna waħda. Fiha kien hemm stufa żgħira tal-gass, tarpolin, ftit ħelu u ftit pakketti biz-zalza lesta għall-ħambergers—iżda l-ebda ħamberger. Ma kellniex mezz kif nistgħu nikkomunikaw mal-kumplament tad-dinja u kien jonqos ġimgħa biex jerġgħu jiġu lura ħalli jiġbruna.

Jiena tgħallimt żewġ lezzjonijiet prezzjużi minn din l-esperjenza: Waħda, qatt tarmu l-ikel mit-tieqa. It-Tieni, xi kultant jeħtieġ li aħna jkollna nħabbtu wiċċna ma’ ċerti sitwazzjonijiet diffiċli.

Ħafna drabi, l-ewwel reazzjoni tagħna waqt mumenti diffiċli tkun “Għalfejn jien?” Iżda li noqogħdu nistaqsu għalfejn, madankollu, mhux se naslu biex nibdlu s-sitwazzjoni diffiċli tagħna. Il-Mulej jeħtieġ li aħna negħlbu l-isfidi u Huwa indika “li dan kollu se jagħtina l-esperjenza, u se jkun għall-aħjar tagħna.”1

Xi kultant il-Mulej jitlob minna affarijiet diffiċli, u xi kultant l-isfidi tagħna huma riżultat tal-użu tal-għażla ħielsa min-naħa tagħna jew min-naħa ta’ ħaddieħor. Nefi esperjenzahom it-tnejn li huma dawn is-sitwazzjonijiet. Meta Leħi stieden lil uliedu biex imorru lura jġibu l-pjanċi mingħand Laban, huwa qal, “Ara, ħutek qed igergru, qed jgħidu li hija ħaġa diffiċli li jiena qed nitlob minnhom; iżda ara, mhux jien qed nitlob dan minnhom, iżda huwa kmandament mingħand il-Mulej.”2 F’ okkażjoni oħra, ħut Nefi wżaw l-għażla ħielsa tagħhom biex jillimitaw l-għażla ħielsa tiegħu: “Huma refgħu jdejhom fuqi, għax araw, huma kienu verament irrabjati, u lili rabtuni bil-kordi, fejn anke ppruvaw joqtluni.”3

Joseph Smith ikkonfronta sitwazzjoni mill-aktar diffiċli ġewwa ċ-Ċella ta’ Liberty. Bl-ebda għajnuna viżibbli fil-viċin u fi stat ta’ disperazzjoni, Joseph għajjat, “O Alla, fejn inti?”4 M’hemmx dubju li xi wħud minna ġieli ħassejna wrieħna bħal Joseph.

Kulħadd iħabbat wiċċu ma’ affarijiet diffiċli: il-mewt ta’ xi ħadd maħbub, divorzju, ulied li jaqbdu triq ħażina, mard, prova ta’ fidi, telfien ta’ impjieg jew xi diffikultà oħra.

Jiena ħassejtni ninbidel għal dejjem meta jien smajt il-kliem li l-Presbiteru Neal A. Maxwell tal-Kworum tat-Tnax qal waqt it-taqbida tiegħu mal-Lewkimja. Huwa qal, “Waqt li kont għaddej nixtarr feġġ f’ moħħi dan il-kliem mill-aktar konfortanti: ‘Jiena tajtek il-lewkimja biex inti tkun tista’ tgħallem lill-poplu tiegħi b’ awtentiċità.’” Imbagħad huwa kompla biex esprima kif din l-esperjenza wasslet biex berkitu b’ “perspettiva dwar ir-realtajiet kbar tal-eternità. … Mumenti bħal dawn li jippermettulna naraw x’ hemm fl-eternità jistgħu jgħinuna nkomplu mexjin il-100 jarda li jmiss, li taf tkun verament diffiċli.”5

Biex inkun nista’ ngħin lilna lkoll nivvjaġġaw u nittrijonfaw fuq iż-żminijiet diffiċli filwaqt li nippruvaw naraw x’ hemm fl-eternità, ippermettuli nissuġġerixxi żewġ affarijiet. Aħna jeħtieġ nikkumbattu s-sitwazzjonijiet diffiċli, l-ewwel, billi naħfru lil ħaddieħor u, it-tieni, billi noffru lilna nfusna lil Missierna tas-Smewwiet.

Li naħfru lil dawk li setgħu kienu l-kaġun tas-sitwazzjoni diffiċli li qegħdin fiha u li nirrekonċiljaw “ruħna mar-rieda ta’ Alla”6 jafu jkunu ħwejjeġ mill-aktar diffiċli. L-aktar li tweġġgħalna qalbna hi meta s-sitwazzjoni diffiċli li nkunu għaddejjin minnha tkun kkawżata minn xi membru tal-familja tagħna, minn xi ħabib tal-qalb tagħna, jew minna stess.

Meta jien kont għadni isqof żagħżugħ, jiena tgħallimt dwar il-maħfra meta l-president tal-wited tiegħi, Bruce M. Cook, qasam miegħi l-istorja li ġejja. Huwa spjega:

“Fl-aħħar tas-snin sebgħin, jien u xi ħbieb tiegħi konna bdejna negozju flimkien. Minkejja li ma konna għamilna xejn illegali, ċerti deċiżjonijiet ħżiena flimkien maż-żminijiet ekonomiċi xejn sbieħ wasslu għall-falliment tagħna.

“Xi investituri ressqu kawża biex jippruvaw jirkupraw it-telf tagħhom. L-isqof tagħhom inzerta li kien kunsillier fil-veskovat fejn kienet toqgħod il-familja tiegħi. Kien diffiċli ħafna għalija li nsostni raġel li kien jidher li qed jipprova jeqridni. Jiena żviluppajt fija ċerta animosità lejh u bdejt nikkunsidrah bħala l-għadu tiegħi. Wara ħames snin ta’ battalji legali, aħna spiċċajna biex tlifna kull ħaġa li kellna, inkluż id-dar tagħna.

“Fl-2002, marti u jien sirna nafu li l-presidenza tal-wited li fiha kont qed inservi bħala kunsillier kienet se tiġi riorganizzata. Hekk kif aħna konna qed nivvjaġġaw waqt btala qasira qabel ma jien ġejt eżonerat, marti staqsietni lil min jien kont nagħżel bħala l-kunsilliera tiegħi kieku jien kelli nissejjaħ bħala l-president il-ġdid tal-wited. Jien ma ridtx nitkellem dwar dan, iżda hija ppersistiet. Eventwalment, feġġ isem wieħed biss f’ moħħi. Imbagħad hija semmiet l-isem tal-avukat li aħna kkunsidrajnieh il-kaġun tad-diffikultajiet tagħna 20 sena qabel. Hekk kif hija bdiet titkellem, l-Ispirtu kkonferma li huwa kellu jkun il-kunsillier l-ieħor. Stajt jiena naħfirlu lil dan il-bniedem?

“Meta l-Presbiteru David E. Sorensen estendieli s-sejħa biex inservi bħala president tal-wited, huwa tagħni biss siegħa biex inkun nista’ nagħżel il-kunsilliera. Bid-dmugħ iġelben, jiena indikajt li l-Mulej kien diġà pprovdieli dik ir-rivelazzjoni. Hekk kif jiena lissint isem ir-raġel li jien kont nikkunsidra bħala l-għadu tiegħi, ir-rabja, l-animosità u l-mibegħda li kelli fija għebu. F’ dak il-mument, jiena tgħallimt dwar il-paċi li tasal flimkien mal-maħfra permezz tal-Att tal-Fidwa ta’ Kristu.”

Fi kliem ieħor, il-president tal-wited tiegħi wasal biex “ħafirlu verament” bħal Nefi tal-qedem.7 Dak li jien kont naf dwar il-President Cook u l-kunsillier tiegħu kien li huma kienu żewġ mexxejja tas-saċerdozju mill-aktar twajbin li kienu verament iħobbu lil xulxin. Jiena kont determinat li nsir bħalhom.

Snin qabel, waqt l-avventura xejn pożittiva li kellna ġewwa l-Alaska, jiena ma domtx ma tgħallimt li aħna sempliċiment nitfgħu l-ħtija taċ-ċirkustanzi tagħna fuq ħaddieħor—il-pilota li xeħet l-ikel f’ nuqqas ta’ dawl—ma kenitx soluzzjoni. Madankollu, hekk kif aħna esperjenzajna ċerta għeja fiżika, nuqqas ta’ ikel, mard kif ukoll diffikultà li sibna biex norqdu mal-art waqt maltempata kbira fejn l-unika ħaġa li kellna biex nitgħattew biha kienet it-tarpolin, jiena tgħallimt li “għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir.”8

Ħuti żgħażagħ, Alla jeħtieġ minnkom ħwejjeġ diffiċli. Waħda tfajla ta’ 14-il sena kienet tipparteċipa fil-logħob tal-baskitbol kompetittiv. Il-ħolma tagħha kienet li tilgħab il-baskitbol tal-kulleġġi bħal oħtha akbar minnha. Imbagħad hija saret taf li l-ġenituri tagħha kienu ġew imsejħin biex jippresedu fuq missjoni fil-Gwatemala.

Meta waslu hemm, hija skopriet li wħud mil-lezzjonijiet kienu se jkunu bl-Ispanjol, lingwa li lanqas biss kienet għadha tgħallmet titkellem. Fl-iskola tagħha ma kien hemm l-ebda sports tat-tfajliet. Hija kienet tgħix fl-14-il sular ta’ bini mdawwar b’ sikurezza kbira. U biex tkompli żżid, hija ma setgħetx toħroġ weħidha minħabba sigurtà.

Il-ġenituri tagħha għaddew xhur sħaħ jisimgħuha tolfoq u tibki meta kienet tmur biex torqod bil-lejl. Dan verament kien iweġġgħalhom qalbhom! Huma finalment iddeċidew li kienu se jibagħtu lil binthom lura d-dar għand nannitha biex tkun tista’ tattendi l-iskola sekondarja hemmhekk.

Meta marti daħlet fil-kamra tat-tifla tagħna biex tgħidilha x’ kienet id-deċiżjoni tagħna, hija rat lit-tifla tagħna għarkupptejha titlob bil-Ktieb ta’ Mormon miftuħ fuq is-sodda. L-Ispirtu qal b’ leħen sieket lil marti, “Hija se tkun OK,” u marti telqet bilmod mil-kamra.

Aħna qatt aktar ma smajnieha tibki biex torqod. B’ determinazzjon u bl-għajnuna tal-Mulej, hija rnexxielha tiffaċċja dawk it-tliet snin b’ mod mill-aktar qalbien.

Fi tmiem il-missjoni tagħna, jiena staqsejt lit-tifla tagħna jekk hija kenitx sejra sservi missjoni full-time. It-tweġiba tagħha kienet “Le, Pà, jien diġà servejt.”

Ma kelli l-ebda problema b’ dan! Iżda bilkemm kienu għaddew sitt xhur meta l-Ispirtu qajjimni billejl b’ dan il-ħsieb: “Jiena sejjaħt lil bintek biex isservi missjoni.”

Ir-reazzjoni tiegħi kienet “Missierna tas-Smewwiet, hija diġà ssagrifikat ħafna.” L-Ispirtu ma damx ma kkoreġieni u jien bdejt nifhem li l-Mulej kien jeħtieġ is-servizz missjunarju tagħha.

Ma domtx biex jien u binti ħriġna u morna nieklu xi ħaġa flimkien. Kif konna quddiem xulxin mal-mejda, jiena staqsejtha, “Ganzie, inti taf għalfejn aħna ninsabu hawnhekk?”

Hija qaltli, “Iva, Pà. Inti taf li jien jeħtieġ li nservi missjoni. Jien ma rridx immur, iżda sejra.”

Peress li hija offriet ir-rieda tagħha lil Missierna tas-Smewwiet, hija waslet biex servietu b’ qalbha kollha, bil-qawwa u s-saħħa tagħha kollha, u b’ moħħha kollu. Hija għallmet lil missierha kif għandu jwettaq xi ħaġa mill-aktar diffiċli.

Waqt id-devozzjonali dinjija tal-President Russell M. Nelson liż-żgħażagħ, huwa talab xi ħwejjeġ daqsxejn diffiċli miż-żgħażagħ. Il-President Nelson qal, “Il-ħames stedina tiegħi hi li intom tispikkaw; li tkunu differenti mid-dinja. … Il-Mulej iridkom li intom tixbhu, tinstemgħu, taġixxu u tilbsu bħala dixxipli vera ta’ Ġesù Kristu.”9 Din taf tkun ħaġa diffiċli; madankollu jien naf li intom tistgħu tagħmlu dan—b’ ferħ.

Ftakru li “il-bnedmin ġew maħluqin biex ikunu ferħanin.”10 Minkejja dak kollu li ħabbat wiċċu miegħu Leħi, huwa xorta waħda sab il-ferħ. Tiftakru meta Alma “ħassu mgħobbi bin-niket”11 minħabba n-nies ta’ Ammonija? L-anġlu qallu, “Imbierek inti, Alma, għalhekk, erfa’ rasek ‘il fuq u ifraħ, … għaliex inti kont fidil u żammejt il-kmandamenti ta’ Alla.”12 Alma tgħallem verità mill-aktar importanti: aħna dejjem inħossuna ferħanin meta aħna nżommu l-kmandamenti. Ftakru li qalb il-gwerer kollha u l-isfidi li n-nies esperjenzaw fi żmien il-Kaptan Moroni, “fl-ebda żmien ieħor, ma kien hawn daqshekk kuntentizza fost il-poplu ta’ Nefi.”13 Aħna nistgħu u għandna nsibu l-ferħ meta aħna nħabbtu wiċċna ma’ żminijiet diffiċli.

Is-Salvatur kellu jgħaddi minn affarijiet mill-aktar diffiċli: “U d-dinja … se tiġġudikah qisu mhu xejn; għalhekk huma sawtuh bil-frosta, u hu qagħad għaliha; u huma tawh bil-ħarta, u hu qagħad għaliha. Iva, huma beżqulu, u hu qagħad għaliha, minħabba t-tjubija u l-imħabba tiegħu u s-sabar tiegħu lejn ulied il-bnedmin.”14

Minħabba dik l-imħabba kollha tjubija, Ġesù Kristu sofra l-Att tal-Fidwa. B’ riżultat ta’ dan, Huwa jgħid lil kull wieħed u waħda minna, “Fid-dinja tbatu jkollkom; iżda agħmlu l-qalb; jiena rbaħt id-dinja.”15 Grazzi għal Kristu, aħna wkoll nistgħu negħlbu d-dinja.

Hekk kif aħna niffaċċjaw mumenti diffiċli bil-mod kif irid il-Mulej, jalla aħna ngħollu rasna ‘l fuq u nifirħu. F’ din l-opportunità sagra li għandi li nixhed lid-dinja, jiena niddikjara li s-Salvatur tagħna jgħix u jiggwida l-Knisja Tiegħu. F’ isem Ġesù Kristu, amen.