Sa Sebgħa u Sebgħin Darba
F’ ħajja mimlija ostakli u imperfezzjoni, aħna lkoll grati li nistgħu ningħataw ċans ieħor.
L-iżbalji huma fatt tal-ħajja. Huwa impossibbli li nitgħallmu ndoqqu l-pjanu verament tajjeb mingħajr ma l-ewwel nagħmlu eluf ta’ żbalji—forsi anke miljun. Meta wieħed ikun qed jitgħallem lingwa barranija, huwa l-ewwel ikollu jesperjenza ċerti mumenti imbarazzanti li fihom jagħmel eluf ta’ żbalji—forsi anki miljun. Anke l-akbar atleti tad-dinja qatt ma jieqfu jagħmlu l-iżbalji.
Jingħad li “is-suċċess mhuwiex in-nuqqas ta’ falliment, iżda li tgħaddi minn falliment għall-ieħor mingħajr ma titlef l-entużjażmu.”1
Dwar l-invenzjoni tal-bozza tad-dawl, Thomas Edison allegatament qal, “Jiena ma fallejtx 1,000 darba. Il-bozza tad-dawl kienet invenzjoni li kienet teħtieġ 1,000 pass.”2 Charles F. Kettering iddeskriva l-falliment bħala “swaba’ li juruk id-direzzjoni fit-triq għas-suċċess.”3 Nisperaw li kull żball li aħna nagħmlu ikun għalina lezzjoni fil-għerf, li jwassal biex l-ostakli tagħna jinbidlu f’ opportunitajiet.
Il-fidi soda ta’ Nefi għenitu jgħaddi minn falliment għall-ieħor sakemm finalment huwa wasal biex kiseb il-pjanċi tal-bronż. Kien biss wara 10 attentati li Mosè finalment irnexxielu jaħrab mill-Eġittu flimkien mal-Iżraelin.
Aħna nafu nistaqsu—jekk Nefi kif ukoll Mosè kienu t-tnejn qaddejja kkummissjonati mill-Mulej, għalfejn mela l-Mulej ma interveniex u għenhom jiksbu suċċess mal-ewwel attentat tagħhom? Għalfejn Huwa ppermetta li huma—u għalfejn jippermetti li aħna—jiżbaljaw u jfallu fl-attentati tagħhom biex jirnexxu? Fost il-ħafna tweġibiet importanti għal din il-mistoqsija, insibu dawn li ġejjin:
-
L-ewwel, il-Mulej jaf li “dan kollu se jagħtina l-esperjenza, u se jkun għall-aħjar tagħna.”4
-
It-tieni, biex jagħtina ċ-ċans li “nduqu l-morr, sabiex inkunu nafu napprezzaw it-tajjeb.”5
-
It-tielet, jagħtina prova li “il-gwerra f’idejn il-Mulej,”6 u hu biss permezz tal-grazzja Tiegħu li aħna nistgħu nwettqu l-ħidma Tiegħu u nsiru bħalu.7
-
Ir-raba’, biex jgħinna niżviluppaw u niksbu għadd ta’ kwalitajiet jixbhu lil Kristu li jistgħu jiġu raffinati biss permezz tal-oppożizzjoni8 u “fil-forn tan-niket.”9
Għalhekk, f’ ħajja mimlija ostakli u imperfezzjoni, aħna lkoll grati li nistgħu ningħataw ċans ieħor.
Fl-1970, meta kont għadni student tal-ewwel sena ġewwa BYU, jiena nktibt għal kors introduttorju fl-essenzjali tal-fiżika mgħallem minn Jae Ballif, professur mill-aktar eċċezzjonali. Meta kull unit tal-kors kien jiġi fi tmiemu, huwa kien jagħmlilna eżami. Jekk xi student kien jirċievi Ċ u jkun irid jikseb grad aħjar, il-Professur Ballif kien jagħti ċ-ċans lil dak l-istudent li jagħmel eżami modifikat li kien ikopri l-istess materjal. Jekk l-istudent kien jirċievi B fit-tieni attentat tiegħu u jkun għadu mhux sodisfatt, huwa kien seta’ jagħmel it-test għat-tielet darba u għar-raba’ darba, eċċ. Għaliex billi hu kien tani diversi ċansijiet oħra, huwa għenni neċċella u finalment nikseb A fil-klassi tiegħu.
Huwa kien professur rari u mill-aktar għaqli li kien jispira lill-istudenti tiegħu biex ikomplu jippruvaw—biex jikkunsidraw il-falliment bħala għalliem, mhux traġedja, u biex il-falliment ma jibżgħux minnu iżda jitgħallmu minnu.
M’ilux jiena ċempilt lil dan ir-raġel meraviljuż, 47 sena wara li attendejt għall-kors fil-fiżika miegħu. Jiena staqsejtu għaliex huwa kien daqshekk lest jagħti ċans lill-istudenti jagħmlu diversi attentati biex itejbu l-grad tagħhom. It-tweġiba tiegħu: “Jiena ridt inkun fuq in-naħa tal-istudenti.”
Filwaqt li aħna grati li ningħataw ċans ieħor meta aħna niżbaljaw, jew wara li nkunu ħadna xi deċiżjoniji żbaljata, aħna nistagħġbu bil-grazzja tas-Salvatur li lest jagħtina diversi ċansijiet oħra biex inkunu nistgħu negħlbu d-dnub jew is-sentimenti xejn xierqa ta’ qalbna.
Ħadd ma jinsab fuq in-naħa tagħna daqs kemm jinsab is-Salvatur. Huwa jagħtina ċ-ċans li nagħmlu u nibqgħu nirrepetu l-eżamijiet Tiegħu. Biex nistgħu nsiru bħalu, aħna neħtieġu diversi ċansijiet oħra fit-taqbida tagħna ta’ kuljum mal-bniedem naturali, bħal per eżempju billi nikkontrollaw l-aptit li jkollna, nitgħallmu l-paċenzja u l-maħfra, negħlbu l-għażż u nevitaw id-dnubiet ta’ ommissjoni. Jekk li tiżbalja huwa fin-natura umana tagħna, kemm il-falliment jeħtieġ nagħmlu sakemm in-natura tagħna ma tibqax iżjed umana iżda ssir waħda divina? Eluf? Aktar naħseb li miljun.
Peress li s-Salvatur kien jaf li l-mogħdija stretta u dejqa kienet se tkun mimlija sfidi u li aħna konna sejrin nesperjenzaw il-falliment f’ kull jum ta’ ħajjitna, Huwa ħallas prezz infinit biex ikun jista’ jagħtina kemm hemm bżonn ċansijiet biex aħna nkunu nistgħu ngħaddu b’ suċċess mill-eżami mortali tagħna. L-oppożizzjoni, li hu jippermetti, taf tidher kbira wisq u kważi bilkemm inkunu nifilħu għaliha, madankollu Huwa ma jħalliniex mingħajr tama.
Biex jara li t-tama tkun dejjem reżiljenti lejn l-isfidi tal-ħajja, il-grazzja tas-Salvatur hija dejjem disponibbli u preżenti magħna. Il-grazzja Tiegħu hija “mezz divin ta’ għajnuna jew saħħa, … qawwa setgħana li tippermetti li l-bnedmin jiksbu l-ħajja eterna u l-eżaltazzjoni, wara li huma jkunu għamlu dak kollu li setgħu jagħmlu.”10 Il-grazzja Tiegħu u l-għajn ta’ mħabba Tiegħu jinsabu fuqna tul il-vjaġġ sħiħ tagħna hekk kif Huwa jispirana, itaffi t-tagħbija tagħna, isaħħaħna, imexxina, jipproteġina, ifejjaqna u fil-fatt “jgħin lin-nies tiegħu,” saħansitra hekk kif huma jiżolqu tul il-mogħdija stretta u dejqa.11
L-indiema hija r-rigal dejjem aċċessibbli ta’ Alla li jippermettilna u jagħtina ċ-ċans li ngħaddu minn falliment wara l-ieħor mingħajr ma nitilfu l-entużjażmu. L-indiema mhijiex il-pjan sekondarju Tiegħu f’ kas li aħna nfallu. L-indiema hija l-pjan Tiegħu, għax jaf li aħna se nfallu żgur. Dan huwa l-evanġelju tal-indiema, u kif osserva l-President Russell M. Nelson, “huwa kurrikulu għal ħajjitna.”12
F’ dan il-kurrikulu għal ħajjitna tal-indiema, is-sagrament huwa l-mod imfassal mill-Mulej biex Huwa jipprovdilna aċċess kontinwu għall-maħfra Tiegħu. Jekk aħna nieħdu sehem fih b’ qalb maqsuma u bi spirtu sogħbien, Huwa kull ġimgħa joffrilna l-maħfra Tiegħu hekk kif aħna navvanzaw fit-triq tal-patt minkejja li ngħaddu minn falliment wara l-ieħor. Għaliex “minkejja d-dnubiet tagħhom, jiena mimli kompassjoni lejhom.”13
Iżda kemm-il darba huwa lest jaħfrilna? Kemm hu kbir is-sabar Tiegħu? Darba Pietru staqsa lis-Salvatur: “Mulej, xi kemm-il darba jrid jonqosni ħija biex jiena naħfirlu? Sa seba’ darbiet?”14
Wieħed jasal jippreżumi li Pietru ħaseb li seba’ darbiet kien numru suffiċjenti biżżejjed biex jenfasizza l-bluha li wieħed jaħfer wisq drabi u li għandu jkun hemm limitu għall-benevolenza. Fit-tweġiba Tiegħu, is-Salvatur essenzjalment qal lil Pietru li lanqas biss għandu għalfejn jgħodd—biex ma jistabbilixxi l-ebda limitu kemm wieħed għandu jaħfer.
“Ma ngħidlikx sa seba’ darbiet,” wieġbu Ġesù, “imma sa sebgħa u sebgħin darba.”15
Ovvjament, is-Salvatur ma kienx qed jistabbilixxi limitu ta’ 490 darba. Dan bħallikieku qisna qed ngħidu li nieħdu sehem fis-sagrament 490 darba, u mbagħad mal-490 darba, xi awditur mis-smewwiet jinterċedi u jgħid, “Jiddispjaċini, iżda l-kard tal-indiema tiegħek skadiet—minn issa ‘l quddiem, trid tfendi għal rasek.”
Il-Mulej juża l-matematika ta’ sebgħa u sebgħin darba bħala metafora tal-Att tal-Fidwa infinita Tiegħu, u l-imħabba u l-grazzja bla limitu Tiegħu. “Iva, u kemm-il darba n-nies jindmu jiena naħfrilhom il-ħtijiet tagħhom lejja.”16
Dan ma jfissirx li s-sagrament isir liċenzja biex nidinbu. Din hi raġuni waħda għaliex il-Mulej inkluda din il-frażi fil-ktieb ta’ Moroni: “Iżda kemm-il darba huma nidmu u fittxew li jiksbu l-maħfra, b’ intenzjoni ġenwina, huma ġew maħfura.”17
L-intenzjoni ġenwina timplika b’ intenzjoni ġenwina u bidla reali. “Bidla” hija l-kelma prinċipali li l-Gwida tal-Iskrittura tuża biex tiddefinixxi indiema: “Bidla fil-moħħ u fil-qalb li twassalna biex nuru attitudni ġdida lejn Alla, lejna nfusna u lejn il-ħajja inġenerali.”18 Din it-tip ta’ bidla twassal għat-tkabbir spiritwali. Imbagħad is-suċċess tagħna mhux se jgħaddi minn falliment għall-ieħor iżda jikber minn falliment għall-ieħor mingħajr ma nitilfu l-entużjażmu tagħna.
Rigward il-bidla, ikkunsidraw dan il-ħsieb sempliċi: “L-affarijiet li ma jinbidlux jibqgħu l-istess.” Din il-verità ovvja mhijiex biex tinsulta l-intelliġenza tagħkom iżda hija l-għerf profond tal-President Boyd K. Packer, li mbagħad żied, “U meta aħna ma nibqgħux ninbidlu—aħna nieqfu.”19
Peress li aħna ma rridux nieqfu qabel ma nsiru nixbhu lis-Salvatur tagħna,20 jeħtieġ li aħna nkomplu nqumu fuq saqajna kull darba li aħna naqgħu, b’ xewqa li nkomplu nikbru u nagħmlu progress minkejja d-dgħjufijiet tagħna. Fid-dgħjufija tagħna, Huwa jassigurana, “Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi; għax il-qawwa tiegħi tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef.”21
Huwa biss meta aħna nħarsu lejna nfusna b’ mod komplet li nistgħu naraw kemm inkunu verament kbirna. Bl-istess mod, it-tkabbir spiritwali tagħna normalment nistgħu narawh tajjeb meta aħna nagħtu ħarsa lejn il-passat tagħna. Ikun għaqli li aħna regolarment inħarsu b’ mod introspettiv minn dik il-lenti biex nagħrfu l-progress tagħna u dan jispirana biex “nibqgħu mexjin ‘il quddiem b’ fidi soda fi Kristu, b’ tama ta’ dija perfetta.”22
Jiena eternament grat għat-tjubija kollha mħabba, għall-paċenzja u għas-sabar ta’ Ġenituri tas-Smewwiet u tas-Salvatur, li jagħtuna diversi ċansijiet oħra fil-vjaġġ tagħna lura lejn il-preżenza Tagħhom. F’ isem Ġesù Kristu, amen.