Tfajliet fil-Ħidma
Kull tfajla fil-Knisja għandha tħossha stmata, għandu jkollha opportunitajiet li sservi, u għandha tħossha li tista’ tikkontribwixxi xi ħaġa ta’ valur għal din il-ħidma.
Sena ilu, fis-sezzjoni ġenerali tas-saċerdozju tal-konferenza, l-Isqof Gérald Caussé kellem lill-irġiel tal-Knisja fejn iddeskriva kif dawk li jħaddnu s-Saċerdozju Aroniku u Melkisedeku huma msieħba inseparabbli biex flimkien iwettqu l-ħidma tas-salvazzjoni.1 Dak il-messaġġ kien verament barka kbira li għen lill-ġuvintur li jħaddnu s-Saċerdozju Aroniku jagħrfu s-sehem li huma għandhom fil-bini tas-saltna ta’ Alla f’ din id-dinja. Is-servizz konġunt tagħhom isaħħaħ il-Knisja u jwassal għal konverżjoni u impenn akbar fil-qlub tal-ġuvintur tagħna hekk kif huma jagħrfu kemm hu prezzjuż il-kontribut li huma jagħtu u kemm hija verament meraviljuża din il-ħidma.
Illum nixtieq li permezz tar-rimarki tiegħi jiena nkompli nżid ma’ dak il-messaġġ hekk kif jien se nitkellem dwar it-tfajliet tal-Knisja li humameħtieġa u essenzjali daqs il-ġuvintur biex titwettaq il-ħidma tal-Mulej fil-familji tagħhom u fil-Knisja Tiegħu.
Bħall-Isqof Causée, jiena għaddejt iż-żogħżija tiegħi ngħix f’ fergħa żgħira tal-Knisja, u ħafna drabi kont niġi mitluba nwettaq diversi essajnments u sejħiet li normalment jitwettqu mill-adulti. Per eżempju, dawk fostna fil-programm taż-żgħażagħ ħafna drabi kienu jkunu huma li jieħdu ħsieb jorganizzaw u jmexxu l-attivitajiet u l-avvenimenti speċjali li aħna kien ikollna. Aħna ktibna drammi, iffurmajna grupp ta’ kant biex inkunu ta’ divertiment fl-attivitajiet tal-fergħa, u konna nipparteċipaw bi sħiħ f’ kull laqgħa tal-fergħa. Jiena kont ġejt imsejħa biex nidderieġi l-kor tal-fergħa u kull ġimgħa mmexxi l-kant fil-laqgħa tas-sagrament. Kienet esperjenza kbira għal tfajla ta’ 16-il sena li tieqaf kull nhar ta’ Ħadd quddiem il-membri tal-fergħa u tidderiġihom fil-kant tal-innijiet. Jiena ħassejt li kont verament bżonnjuża u li kelli xi ħaġa x’ nikkontribwixxi. Ħafna nies kienu jiddependu fuqi u kienu jistennew li jiena nkun preżenti, u jiena kont inħossni kuntenta li kien hemm bżonni. Din l-esperjenza għenitni nibni t-testimonjanza tiegħi ta’ Ġesù Kristu, u, bl-istess mod li għenet lill-isqof Causée, wasslet biex ankrat ħajti fis-servizz tal-evanġelju.
Il-membri kollha jeħtieġ li jkunu jafu li huma verament bżonjużi. Kull persuna għandha xi ħaġa importanti x’ tikkontribwixxi u għandha talenti u abbiltajiet uniċi li jgħinu biex din il-ħidma importanti timxi ‘l quddiem. Il-ġuvintur tagħna għandhom ċerti dmirijiet tas-Saċerdozju Aroniku, kif inhuma deskritti fid-Duttrina u Patti, li huma pjuttost viżibbli. Taf tidher anqas ovvja għat-tfajliet tal-Knisja, għall-ġenituri tagħhom u għal-mexxejja tagħhom li, minn meta huma jitgħammdu, it-tfajliet għandhom ċerti responsabbiltajiet tal-patt li “jibku ma’ dawk li jibku; iva, u jfarrġu lil dawk li għandhom bżonn il-faraġ, u jieqfu bħala xhieda ta’ Alla f’ kull ħin u f’ kollox, u kull fejn ikunu, sewwasew sal-mewt.”2 It-tfajliet għandhom opportunitajiet li jwettqu dawn ir-responsabbiltajiet fl-oqsma u l-utied tagħhom u meta huma jservu fil-presidenzi tal-klassi, fil-kunsilli taż-żgħażagħ u f’ sejħiet oħra. Kull tfajla fil-Knisja għandha tħossha stmata, għandha jkollha opportunitajiet li sservi, u għandha tħossha li tista’ tikkontribwixxi xi ħaġa ta’ valur għal din il-ħidma.
Fil-Manwal 2, aħna nitgħallmu li l-ħidma tas-salvazzjoni fl-oqsma tagħna tinkludi “l-ħidma tal-membri missjunarji, ir-ritenzjoni tal-membri ġodda, li l-attivazzjoni ta’ membri anqas attiv, il-ħidma tat-tempju u tal-istorja tal-familja u t-tagħlim tal-evanġelju.”3 Din il-ħidma hija mmexxija mill-isqfijiet fidili tagħna, li jħaddnu l-imfietaħ tas-saċerdozju għall-qasam tagħhom. Issa l-presidenza tagħna ilha għal ħafna snin tistaqsi l-mistoqsija “F’liema oqsma, mill-oqsma kollha msemmija, m’għandhomx jinvolvu ruħhom it-tfajliet tagħna?” It-tweġiba hi li huma għandhom xi ħaġa x’ jikkontribwixxu fl-oqsma kollha ta’ din il-ħidma.
Per eżempju, m’ilux jiena ltqajt ma’ bosta tfajliet fiz-zona ta’ Las Vegas li ġew imsejħin biex iservu fil-qasam tagħhom bħala konsulenti tat-tempju u tal-istorja tal-familja. Kien verament evidenti l-entużjażmu li kellhom fuqhom, għaliex huma setgħu jgħallmu u jgħinu lill-membri fil-qasam tagħhom isibu l-antenati tagħhom. Huma kienu verament kapaċi jaħdmu bil-kompjuter, tgħallmu sewwa kif jużaw FamilySearch u kif ukoll kellhom ħerqa kbira li jaqsmu dak l-għarfien ma’ ħaddieħor. Kienet ħaġa mill-aktar evidenti li huma kellhom testimonjanza u għarfien dwar l-importanza li huma jfittxu l-ismijiet tal-antenati mejtin tagħhom biex ċerti ordinanzi tas-salvazzjoni essenzjali jkunu jistgħu jitwettqu għalihom fit-tempju.
Bosta xhur ilu, jiena kelli opportunità li nittestja idea li kelli ma’ żewġ tfajliet ta’ 14-il sena. Jiena ksibt kopja ta’ żewġ aġendi attwali tal-kunsill tal-qasam u tajt kopja kull wieħed lil Emma u lill Maggie. Tlabthom biex jaqraw dawn l-aġendi u jaraw kienx hemm xi affarijiet li kellhom jitwettqu skont il-minuti fil-kunsilli tal-qasam fejn huma kienu kapaċi joffru s-servizz tagħhom. Emma rat li kien hemm familja ġdida li kienet se tmur toqgħod fil-qasam tagħhom u hija qalet li hi setgħet tgħinhom iġorru fil-post il-ġdid tagħhom u tgħinhom jiftħu l-kaxxi li kienu se jġorru magħhom. Hija qalet li hi forsi setgħet tagħmel ħabiba mat-tfal fil-familja u ddawwarhom madwar l-iskola ġdida tagħhom. Hija rat li fil-viċin kienet se tiġi organizzata ikla tal-qasam u ħasset li kien hemm diversi modi kif hija setgħet toffri s-servizz tagħha.
Maggie rat li fil-qasam kien hemm diversi nies anzjani li kellhom bżonn min iżurhom u jieħu ħsiebhom. Hija qalet li xtaqet kieku żżurhom u tkun tista’ tgħin lil dawn il-membri aktar anzjani mill-aktar meraviljużi. Hija ħasset li setgħet ukoll tgħin billi tgħallem lil xi membri tal-qasam kif jistgħu jiftħu u jużaw siti tal-midja soċjali. Fil-fatt ma kienx hemm ħaġa waħda fuq dawk l-aġendi li dawn iż-żewġ tfajliet ma setgħux jgħinu fiha!
Tgħid dawk li jpoġġu flimkien fil-kunsilli tal-qasam jew li jħaddnu xi sejħa fil-qasam, iħarsu lejn it-tfajliet bħala sorsi prezzjużi li kapaċi jgħinu fil-ħafna bżonnijiet tal-oqsma tagħna? Normalment ikun hemm lista sħiħa ta’ sitwazzjonijiet fejn ikun hemm il-bżonn ta’ xi ħadd iservi, u ħafna drabi aħna naħsbu li huma l-adulti tal-qasam biss li jistgħu jgħinu. L-istess kif il-ġuvintur tagħna li jħaddnu s-Saċerdozju Aroniku ġew mistiedna biex jaħdmu flimkien ma’ missirijiethom u ma’ rġiel oħra tas-Saċerdozju Melkisedeku, it-tfajliet tagħna jistgħu jissejħu wkoll biex jipprovdu servizz u jgħinu fil-bżonnijiet tal-membri tal-qasam flimkien ma’ ommhom u ma’ nisa eżemplari oħra. Huma kapaċi, ħerqana u lesti li jagħmlu ferm aktar milli sempliċiment jattendu l-knisja nhar ta’ Ħadd!
Hekk kif aħna nikkunsidraw l-irwol li t-tfajliet tagħna mistennijin li jħaddnu fil-futur qarib, aħna nafu nistaqsu lilna nfusna x’ esperjenzi nistgħu nipprovdulhom illum li jistgħu jgħinuhom fit-tħejjija tagħhom biex ikunu missjunarji, studjużi tal-evanġelju, mexxejja fl-awżiljarji tal-Knisja, ħaddiema fit-tempju, nisa miżżewġin, ommijiet, ħbieb u jkunu ta’ ispirazzjoni u eżempju għal ħaddieħor. Huma fil-fatt ikunu jistgħu jibdew minn issa jħaddnu dawn l-irwoli diversi. Iż-żgħażagħ ħafna drabi jiġu mitlubin jgħallmu l-lezzjonijiet tal-Ħadd fil-klassijiet tagħhom. Issa l-opportunitajiet huma disponibbli għat-tfajliet biex iwettqu servizz fit-tempju li qabel kien jitwettaq mill-ħaddiema tal-ordinanzi jew mill-voluntiera meta huma jattendu flimkien mal-gruppi taż-żgħażagħ tagħhom biex iwettqu l-magħmudijiet għall-mejtin. Il-bniet tagħna tal-Primarja issa qed jiġu mistednin jattendu laqgħat ta’ Tħejjija tat-Tempju għas-Saċerdozju u dan jgħinhom jifhmu li huma wkoll huma parteċipanti importanti fil-ħidma mmexxija mis-saċerdozju. Huma qed jitgħallmu li l-irġiel, in-nisa, iż-żgħażagħ u t-tfal huma kollha reċipjenti tal-barkiet tas-saċerdozju u lkoll kemm huma jista’ jkollhom irwol attiv biex titmexxa ‘l quddiem il-ħidma tal-Mulej.
Intom l-isqfijiet, aħna nafu li d-dmirijiet tagħkom mhumiex faċli, iżda l-istess kif waħda mill-ogħla prijoritajiet tagħkom hi li tippresiedu fuq il-kwora tas-Saċerdozju Aroniku, hemm spjegat f’ Manwal 2 li “l-isqof u l-kunsilliera tiegħu jipprovdu t-tmexxija tas-saċerdozju għall-organizzazzjoni tat-Tfajliet. Huma jħarsu u jsaħħu lit-tfajliet individwalment, fejn jaħdmu mill-viċin mal-ġenituri u mal-mexxejja tat-Tfajliet f’ dan l-isforz.” Hemm miktub ukoll li “l-isqof u l-kunsilliera tiegħu regolarment jieħdu sehem fil-laqgħat, fis-servizz u fl-attivitajiet tat-Tfajliet.”4 Aħna grati għal isqfijiet li jiddedikaw ħinhom biex iżuru l-klassijiet tat-Tfajliet u jipprovdu opportunitajiet għat-tfajliet biex huma jkunu ferm aktar minn sempliċi spettaturi tal-ħidma. Nirringrazzjawkom talli tiżguraw li t-tfajliet tagħkom huma parteċipanti stmati fil-ħidma biex jintlaħqu l-bżonnijiet tal-membri tal-qasam! Dawn l-opportunitajiet biex huma jservu b’ mod sinifikattiv iberkuhom ferm aktar minn attivitajiet li l-iskop tagħhom huwa biex wieħed ta’ divertiment.
Lilkom it-tfajliet tal-Knisja, iż-żmien tagħkom taż-żogħżija jaf ikun żmien impenjattiv u mimli sfidi. Ninnutaw li ħafna minnkom qed tħabbtu wiċċkom ma’ affarijiet bħal nuqqas ta’ stima lejkom infuskom, anzjetà, livell ogħli ta’ stress u forsi wkoll dipressjoni. Li ħsibijietkom ikunu fuq ħwejjeġ oħra, minflok ma’ toqogħdu taħsbu fuq il-problemi tagħkom, jaf ma jwassalx biex tirrisolvi l-problemi kollha li jista’ jkollkom, iżda s-servizz ħafna drabi jwassal biex itaffi l-piż li intom jaf għandkom u jwassal ukoll biex l-isfidi tagħkom jibdew jidhru anqas diffiċli. Waħda mill-aħjar modi kif nistgħu nkabbru l-istima lejna nfusna hu li nuru, permezz tas-servizz tagħna lejn ħaddieħor, li aħna verament għandna ħafna x’ nikkontribwixxu.5 Jiena nħeġġeġ lilkom it-tfajliet biex tgħollu jdejkom biex turu li tridu tkunu voluntiera u li tużaw idejkom meta taraw li madwarkom hekk bżonnkom. Hekk kif intom twettqu r-responsabbiltajiet tal-patt tagħkom u tieħdu sehem fil-bini tas-saltna ta’ Alla, intom taraw il-barkiet neżlin f’ ħajjitkom u tiskopru l-ferħ profond u dejjiem tas-servizz tagħkom bħala dixxipli.
Ħuti, it-tfajliet tagħna huma verament meraviljużi. Huma mimlijin talenti, entużjażmu bla limitu u enerġija kif ukoll jafu juru tant kompassjoni u mħabba. Huma jridu jkunu ta’ servizz. Jeħtieġ li jkunu jafu li huma verament jistgħu jikkontribwixxu u huma essenzjali fil-ħidma tas-salvazzjoni. L-istess kif il-ġuvintur jitħejjew fis-Saċerdozju Aroniku għal servizz akbar hekk kif huma javvanzaw għas-Saċerdozju Melkisedeku, it-tfajliet tagħna qed jitħejjew biex isiru membri tal-akbar organizzazzjoni tan-nisa fid-dinja—is-Soċjetà tal-Għajnuna. Flimkien, dawn it-tfajliet u ġuvintur meraviljużi, kuraġġużi u fidili qed jitħejjew biex ikunu nisa u rġiel miżżewġin u ommijiet u missirijiet li jrabbu familji denji għas-saltna ċelestjali ta’ Alla.
Jiena nixhed li l-ħidma ta’ Missierna tas-Smewwiet hi li ġġib fis-seħħ l-immortalità u l-ħajja eterna ta’ wliedu.6 It-tfajliet prezzjużi tagħna għandhom irwol importanti x’ jaqdu biex jgħinu fit-twettiq ta’ din il-ħidma kbira. F’ isem Ġesù Kristu, amen.