2010-2019
Rigali Prezzjużi mingħand Alla
April 2018


Rigali Prezzjużi mingħand Alla

Il-ħajja tista’ tkun mimlija fidi, ferħ, hena, tama u mħabba meta aħna neżerċitaw farka fidi vera fi Kristu.

Ħuti, aħna għadna kif ipparteċipanja f’ assemblea solenni, drawwa li tmur lura għal żmien il-Bibbja meta wlied Iżrael tal-qedem kienu nġabru flimkien biex iħossu l-preżenza tal-Mulej u jiċċelebraw il-barkiet Tiegħu.1 Huwa verament ta’ privileġġ għalina li ninsabu ngħixu fi żmien meta din id-drawwa daqstant antika ġiet irrestawrata permezz tal-Profeta Joseph Smith.2 Nitlobkom b’ ħerqa biex tniżżlu fid-djarju tagħkom dak li intom ħassejtu dwar din l-okkażżjoni mill-aktar sagra li fiha ħadtu sehem.

Riċentiment, aħna sellimna lill-ħabib u profeta għażiż tagħna, il-President Thomas S. Monson.Minkejja li aħna lkoll nimmissjawh ħafna, aħna verament grati li l-Mulej sejjaħ profeta ġdid, il-President Russell M. Nelson, biex jippresiedi fuq il-Knisja Tiegħu. B’ mod mill-aktar ordnat aħna issa bdejna kapitlu ġdid fl-istorja tal-Knisja tagħna. Dan huwa rigal prezzjuż mingħand Alla.

Hekk kif aħna lkoll sostnejna lill-President Nelson b’ idejna mgħollija, aħna waqafna bħala xhieda quddiem Alla u għarafna li hu huwa s-suċċessur leġittimu tal-President Monson. B’ idejna mgħollija aħna wegħidna li se nagħtu kas għal dak li huwa jgħidilna hekk kif hu jirċievi d-direzzjoni mingħand il-Mulej.

Il-Mulej qal:

“Għandkom toqogħdu attenti għal kull kelma u kmandament li huwa [jiġifieri l-President tal-Knisja] jagħtikom kif huwa jirċevihom … ;

“Għax intom tirċievu l-kelma tiegħu, bħallikieku ħierġa minn fommi, bil-paċenzja kollha u l-fidi.”3

Jiena ili naf lill-profeta-president ġdid tagħna għal aktar minn 60 sena. Jiena ili nservi miegħu fil-Kworum tat-Tnax għal 33 sena, u jiena xhud li id il-Mulej ilha tħejjih biex isir l-appostlu li jippresiedi u l-profeta tagħna biex jamministra l-imfietaħ kollha tas-saċerdozju mqaddes fid-dinja. Jalla kull wieħed u waħda minna kompletament insostnu lilu u lill-kunsilliera tiegħu u nimxu wara d-direzzjoni tagħhom. U b’ imħabba aħna nilqgħu wkoll lill-Presbiteru Gong u l-Presbiteru Soares fil-Kworum tat-Tnax-il Appostlu.

Wara l-Qawmien mill-Imwiet ta’ Ġesù, ġrajja li aħna niċċelebraw f’ dan it-tmiem il-ġimgħa glorjuż tal-Għid, Huwa deher lid-dixxipli Tiegħu u qalilhom, “Is-sliem għalikom: kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom.”4 Innutaw li din l-azzjoni maqsuma fi tnejn—Alla jibgħat lil Ibnu. L-Iben jibgħat lill-qaddejja Tiegħu—irġiel u nisa mortali—biex iwettqu l-ħidma Tagħhom.

Aħna m’għandniex nissorprendu ruħna li nafu li dawkl-individwi li ġew imsejħin biex iwettqu l-ħidma tal-Mulej m’humiex umanament perfetti. Ċerti stejjer fl-iskrittura jitkellmu dwar mumenti li fihom ċerti irġiel u nisa ġew imsejħin minn Alla biex iwettqu ħidma kbira—ulied twajbin ta’ Missierna tas-Smewwiet imsejħin biex iservu fl-essajnments tagħhom fil-Knisja, li kollha kemm huma jippruvaw jagħmlu l-almu tagħhom, bla ħadd minnhom m’għadu leħaq il-perfezzjoni. L-istess nistgħu ngħidu għalina llum.

Meta ffaċċjati bir-realtà tad-dgħjufijiet u n-nuqqasijiet umani tagħna, aħna kif nistgħu nimxu ‘l quddiem f’li nissapportjaw u nsostnu lil xulxin?Kollox jibda bil-fidi—fidi reali u sinċiera fil-Mulej Ġesù Kristu. Il-fidi fis-Salvatur hija l-ewwel prinċipju tad-duttrina u l-evanġelju ta’ Kristu.

Bosta snin ilu jiena kont qed inżuru l-Art Imqaddsa. Hekk kif konna għaddejjin insuqu minn ħdejn pjanta tal-mustarda, id-direttur taċ-Ċentru ta’ Ġerusalemm ta’ BYU staqsieni jekk jien qattx kont rajt żerriegħa tal-mustarda. Jien qatt ma kont rajtha qabel, għalhekk waqafna. Huwa wrieni ż-żerrigħat mill-pjanta tal-mustarda. Kont verament sorpriż kemm kienu żgħar.

Imbagħad ftakart fit-tagħlim ta’ Ġesù: “Minħabba l-fidi żgħira tagħkom! Għax tassew ngħidilkom, li kieku għandkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, kontu tgħidu lil din il-muntanja, ‘Warrab minn hawn u mur hemm’, u hi kienet twarrab; u ma jkun hemm xejn għalikom li ma jistax isir.”5

Jekk aħna għandna fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, il-Mulej jista’ jgħinna nwarrbu l-muntanji ta’ skoraġġiment u dubju fil-ħidma li għandna quddiemna hekk kif aħna nservu flimkien ma’ wlied Alla, inkluż il-membri tal-familja, il-membri tal-Knisja u dawk li għadhom mhumiex membri tal-Knisja.

Ħuti, il-ħajja tista’ tkun mimlija fidi, ferħ, hena, tama u mħabba meta aħna neżerċitaw farka fidi vera fi Kristu—saħansitra fidi daqs żerriegħa tal-mustarda.

Il-Presbiteru George A. Smith ftakar f’ parir li tah il-Profeta Joseph Smith: “Huwa qalli li jien qatt m’għandi naqta’ qalbi, ikunu xi jkunu d-diffikultajiet li nkun qed niffaċċja. Jekk jiena nkun qed negħreq f’ qiegħ il-ħofra ta’ Nova Scotia u nkun qed nitgħaffeġ taħt il-Muntanji Rocky, jien m’għandix naqta’ qalbi iżda nibqa’ sod, neżerċita l-fidi u nkompli nagħmel il-kuraġġ u finalment jien nispiċċa negħleb kollox.”6

Aħna għandna niftakru fid-dikjarazzjoni ta’ Pawlu: “Għal kollox niflaħ bis-saħħa ta’ dak li jqawwini.”7 Li nafu dan huwa rigal prezzjuż ieħor mingħand Alla.

Minbarra r-rigali li semmejt, hemm ħafna u ħafna rigali oħra. Issa se nitkellem biss dwar ftit minnhom—ir-rigali ta’ jum is-Sabbath, is-sagrament, is-servizz lejn ħaddieħor, u r-rigal inkomparabbli mingħand Alla tas-Salvatur tagħna.

Il-qawwa ta’ jum is-Sabbath hi li nesperjenzaw fil-knisja u fid-dar il-pjaċir, il-ferħ u l-imħabba li nħossu meta nesperjenzaw l-Ispirtu tal-Mulej mingħajr ebda distrazzjoni.

Huma ħafna li jippermettu lilhom infushom li jgħixu onlajn permezz tal-ismartfons tagħhom—skrijns li jispiċċaw jilluminaw wiċċhom lejl u nhar u bit-tappijiet f’ widnejhom jibblukkaw il-leħen sieket u ċkejken tal-Ispirtu.Jekk aħna ma nsibux ħin biex fih ninqatgħu minn dawn l-affarijiet, jista’ jkun li aħna nispiċċaw nimmissjaw l-opportunità li nisimgħu l-leħen ta’ Dak li qal, “Biżżejjed! Kunu afu li jien Alla.”8 Issa m’hemmx xejn ħażin li nieħdu vantaġġ mill-avvanz li sar fit-teknoloġija ispirata mill-Mulej, iżda għandna nkunu għaqlin bil-mod li nużawha. Ftakru fir-rigal ta’ jum is-Sabbath.

Il-barka li nirċievu s-sagrament fil-laqgħa tas-sagrament m’għandna qatt issir rutina jew sempliċiment xi ħaġa li jeħtieġ nagħmlu. Huma biss 70 minuta li fihom aħna nieqfu u nsibu aktar paċi, ferħ u hena f’ ħajjitna.

Li nieħdu sehem fis-sagrament u nġeddu l-patti tagħna huwa sinjal li aħna nkunu qed nagħtu lill-Mulej li aħna dejjem sejrin niftakru fih. L-Att tal-Fidwa Tiegħu huwa rigal prezzjuż mingħand Alla.

Il-privileġġ tas-servizz ta’ wlied Missierna tas-Smewwiet huwa opportunità oħra biex huma jimxu wara l-eżempju ta’ Ibnu l-Għażiż billi jservu lil xulxin.

Xi opportunitajiet ta’ servizz li jista’ jkollna jafu jkunu formali—fil-familja tagħna, fis-sejħiet tagħna tal-Knisja u fil-parteċipazzjoni tagħna fl-organizzazzjonijiet ta’ servizz fil-komunità.

Il-membri tal-Knisja—kemm irġiel kif ukoll nisa—m’għandhomx joqogħdu lura, jekk jixtiequ joħorġu għall-elezzjoni f’ kwalunkwe livell governattiv, joqogħdu fejn joqogħdu. Il-leħen tagħna llum huwa essenzjali u importanti ħafna fl-iskejjel tagħna, fil-bliet tagħna u fil-pajjiżi tagħna.Fejn teżisti d-demokrazija, huwa d-dmir tagħna bħala membri li nivvutaw għal irġiel u nisa onorabbli li huma lesti li jservu.

Bosta opportunitajiet li fihom nistgħu nservu huma informali—mingħajr ebda essajnment—u jfeġġu hekk kif aħna nilħqu lil dawk li aħna niltaqgħu magħhom f’ dan il-vjaġġ tal-ħajja. Ftakru li Ġesù għallem lill-għaref fil-liġi li aħna għandna nħobbu lil Alla u lil għajrna bħalna nfusna billi uża lis-Samaritan it-tajjeb bħala eżempju.9

Is-servizz jiftaħ tieqa li tgħinna nifhmu l-ħajja u l-ministeru ta’ Kristu.Huwa ġie biex iservi, kif tgħallem l-iskrittura, “hekk ukoll Bin il-bniedem, ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.”10

Pietru probabbilment ta l-aqwa deskrizzjoni tal-ministeru mortali tas-Salvatur permezz ta’ tliet kelmiet meta huwa rrefera għal Ġesù, “għadda jagħmel il-ġid.”11

Il-Mulej Ġesù Kristu huwa l-aktar rigal prezzjuż fost ir-rigali kollha li rċevejna mingħand Alla. Ġesù qal, “Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi.”12

Nefi ddeskriva tajjeb ħafna l-importanza tas-Salvatur tagħna meta huwa ddikjara “Aħna nitkellmu dwar Kristu, aħna nifirħu bi Kristu, aħna nippridkaw dwar Kristu, u aħna nipprofetizzaw dwar Kristu, u aħna niktbu skont il-profeziji tagħna, sabiex uliedna jkunu jafu lejn liema sors għandhom iduru għall-maħfra ta’ dnubiethom.”13 Aħna għandna naraw li Kristu jkun dejjem fiċ-ċentru ta’ ħajjitna f’ kull ħin u f’ kull kullimkien.

Għandna niftakru li hu l-isem Tiegħu li jidher fuq il-postijiet ta’ qima tagħna; aħna nitgħammdu f’ ismu; l-istess kif f’ ismu aħna niġu kkonfermati, ordnati, adottati u ssiġillati fiż-żwieġ. Aħna nieħdu sehem fis-sagrament u nwiegħdu li nieħdu fuqna ismu—u nsiru verament Kristjani.Finalment, aħna niġu mitlubin fit-talba tas-sagrament biex “dejjem niftakru fih.”14

Hekk kif aħna nħejju għal jum ta’ għada, Ħadd il-Għid, ejjew niftakru li Kristu huwa suprem. Huwa l-Imħallef Ġust, l-Avukat fidil tagħna, il-Feddej imbierek tagħna, ir-Ragħaj it-Tajjeb, il-Messija mwiegħed, Ħabib veru, u Huwa ferm, ferm aktar minn hekk. Huwa verament rigal mill-aktar prezzjuż mingħand Missierna.

Fl-irwol tagħna bħala dixxipli, aħna jkollna ħafna mistoqsijiet, ħsibijiet u xogħol xi nwettqu. Madankollu, xi attivitajiet għandhom ikunu dejjem fil-qalba tas-sħubija tagħna fil-Knisja. “Għalhekk,” talabna l-Mulej, “kunu fidili; ieqfu fl-uffiċċju li jiena ħtartkom fih; għinu lil min hu dgħajjef, qawwu l-idejn mitruħa u saħħu l-irkupptejn imriegħda.”15

Din hija l-Knisja fl-azzjoni! Din hija r-reliġjon ġenwina! Dan huwa l-evanġelju fil-veru sens tal-kelma hekk kif aħna ngħinu lil min hu dgħajjef, inqawwu u nsaħħu lil dawk li jinsabu fil-bżonn spiritwali u temporali! Biex nagħmlu dan jeħtieġ minna li aħna nżuruhom u nassistuhom16 ħalli t-testimonjanza ta’ fidi tagħhom f’ Missierna tas-Smewwiet u f’ Ġesù Kristu u fl-Att tal-Fidwa Tiegħu tkun ankrata f’ qalbhom.

Jalla l-Mulej jgħinna u jberikna biex aħna ngħożżu l-bosta rigali prezzjużi li rċevejna mingħand Alla fosthom is-sħubija tagħna fil-Knisja rrestawrata Tiegħu. Jiena nitlob li aħna nkunu mimlijin b’ imħabba lejn ulied Missierna tas-Smewwiet u nkunu kapaċi nagħrfu l-bżonnijiet tagħhom u nkunu lesti li nwieġbu l-mistoqsijiet u l-ħsibijiet tagħhom dwar l-evanġelju b’ mod ċar u ġentili u dan iwassal biex ikabbar l-għarfien u l-apprezzament ta’ bejnietna.

Jiena nixhed li Ġesù Kristu huwa s-Salvatur tagħna. Dak li aħna se niġu mgħallmin waqt din il-konferenza ġenerali se jasal għandna b’ ispirazzjoni mingħand appostli u profeti, mingħand Awtoritajiet Ġenerali u mexxejja nisa li huma Uffiċjali Ġenerali tal-Konferenza ġenerali.Li l-ferħ u l-paċi tal-Mulej tibqa’ tgħammar ma’ kull wieħed u waħda minna hija t-talba umli tiegħi f’ isem il-Mulej Ġesù Kristu, amen.