Il-Qawwiet tas-Saċerdozju
It-tkabbir tas-saċerdozju mqaddes li intom tħaddnu huwa importanti ħafna għall-ħidma tal-Mulej fil-familji tagħkom u fis-sejħiet tagħkom tal-Knisja.
Għeżież ħuti, aħna lkoll smajna tħabbira rivelatorja mingħand il-President Russell M. Nelson. Aħna ġejna mogħtija wkoll ċerti dettalji mill-aktar importanti mill-Presbiteru Christofferson u l-President Rasband u mill-President Eyring. Dak li għad irid jingħad, inkluż dak li għad irid jgħidilna l-President Nelson, se jkompli jelabora dak li intom, il-mexxejja tal-Mulej u li tħaddnu s-saċerdozju, issa se tibdew twettqu fir-responsabbiltajiet tagħkom. Biex ngħinkom tagħmlu dan, jiena se nagħti ħarsa lejn il-prinċipji fundamentali li jmexxu s-saċerdozju li intom tħaddnu.
I. Is-Saċerdozju
Is-Saċerdozju Melkisedeku huwa l-awtorità divina li Alla ddelega biex titwettaq il-ħidma Tiegħu “li jġib fis-seħħ … il-ħajja eterna tal-bniedem” (Moses 1:39). Fl-1829, dan is-saċerozju ġie mogħti lil Joseph Smith u lil Oliver Cowdery mill-Appostli tas-Salvatur, Pietru, Ġakbu u Ġwanni (ara D&C 27:12). M’ għandniex kliem adegwat biex niddeskrivu l-qdusija u l-qawwa tiegħu.
L-imfietaħ tas-saċerdozju huma l-qawwiet li jiddirieġu l-użu tal-awtorità saċerdotali. Għalhekk, meta l-Appostli taw is-Saċerdozju Melkisedeku lil Joseph u lil Oliver, huma tawhom ukoll l-imfietaħ biex jiddirieġu l-użu tiegħu (ara D&C 27:12–13). Iżda f’ dak il-mument, huma ma ġewx mogħtija l-imfietaħ kollha tas-saċerdozju. L-imfietaħ kollha u l-għarfien neċessarju għal din “id-dispensazzjoni tal-milja taż-żminijiet” (D&C 128:18) jiġu mogħtija “linja wara linja” (vers 21). Imfietaħ oħra ġew mogħtija fit-Tempju ta’ Kirtland, seba’ snin wara (ara D&C 110:11–16). Dawn l-imfietaħ ġew mogħtija biex jiddirieġu l-awtorità tas-saċerdozju fl-essajnments l-oħra li ġew mogħtija f’ dak l-istess żmien, fosthom il-magħmudija għall-mejtin.
Is-Saċerdozju Melkisedeku mhuwiex xi status jew titlu. Huwa l-qawwa divina li ġiet mogħtija lilna għall-benefiċċju tal-ħidma ta’ Alla għal uliedu. Aħna għandna dejjem niftakru li l-irġiel li jħaddnu s-saċerdozju mhumiex“is-saċerdozju.”Mhijiex ħaġa xierqa li nirreferu għas- “saċerdozju u n-nisa.” Għandna nirreferu għal “dawk li jħaddnu s-saċerdozju u n-nisa.”
II. Ministeru ta’ Servizz
Issa ejjew nikkunsidraw dak li l-Mulej Ġesù Kristu jistenna minna li nħaddnu s-saċerdozju Tiegħu—kif għandna nressqu l-erwieħ lejh.
Il-President Joseph F. Smith għallem: “Huwa veru li ntqal li l-Knisja hija organizzata b’ mod perfett. L-unika problema hi li dawn l-organizzazzjonijiet mhumiex għal kollox konxji għar-responsabbiltajiet li huma mistennija minnhom. Meta huma jsiru verament konxji tal-ħtiġijiet li huma mitluba minnhom, huma jaslu li jwettqu d-dmirijiet tagħhom b’ aktar fedeltà, u l-ħidma tal-Mulej issir waħda aktar b’ saħħitha u aktar qawwija u influwenti fid-dinja.”1
Il-President Smith widdeb ukoll:
“It-titli ta’ unur mogħtija minn Alla … marbutin mal-ħafna uffiċċji fis-Saċerdozju Mqaddes u d-diversi ordnijiet tiegħu, m’għandhomx jintużaw jew jiġu kkunsidrati bħala xi titli li ġejjin mill-bniedem; huma mhux qegħdin bħala dekorazzjoni jew bħala sinjal ta’ dominanza, iżda pjuttost bħala ħatra għas-servizz umli fil-ħidma tal-uniku Mgħallem li aħna niddikjaraw li nservu. …
“… Aħna ninsabu naħdmu għas-salvazzjoni tal-erwieħ, u għandna nħossu li dan huwa l-akbar dover li għandna lkoll. Għalhekk, għandna nħossuna li aħna lesti li nissagrifikaw kollox, jekk hemm bżonn, għall-imħabba ta’ Alla, għas-salvazzjoni tal-bnedmin u għat-trijonf tas-saltna ta’ Alla fid-dinja.”2
III. L-Uffiċċji tas-Saċerdozju
Fil-Knisja tal-Mulej, l-uffiċċji fis-Saċerdozju Melkisedeku għandhom funzjonijiet differenti. Id-Duttrina u Patti tirreferi għall-qassisin il-kbar bħala “membri li huma presidenti jew qaddejja fid-diversi utied li jinsabu mifruxin madwar id-dinja” (D&C 124:134). Tirreferi għall-presbiteri bħala “membri li jimministraw fil-knisja tal-Mulej” (D&C 124:137). Dan li ġej huwa tagħlim ieħor dwar dawn il-funzjonijiet separati.
Qassis il-kbir jiffunzjona u jamministra fi ħwejjeġ spiritwali (ara D&C 107:10, 12). Kif għallem ukoll il-President Joseph F. Smith, “Jekk huwa ġie ordnat bħala qassis il-kbir, huwa għandu jħossu li huwa obbligat … li jagħti eżempju lix-xjuħ u ż-żgħażagħ, eżempju li huma jkunu jridu jimitaw, u li jpoġġi lilu nnifsu f’ pożizzjoni li huwa jkun għalliem tas-sewwa, mhux biss b’ dak li jgħallem iżda aktar u aktar bl-eżempju li jagħti—fejn jagħti lil dawk li għadhom żgħar il-benefiċċju tal-esperjenza taż-żmien, u għalhekk isir individwalment qawwa f’ nofs il-komunità li huwa jgħammar fiha.”3
Rigward id-dmirijiet ta’ presbiteru, il-Presbiteru Bruce R. McConkie tal-Kworum tat-Tnax għallem: “Presbiteru huwa ministru tal-Mulej Ġesù Kristu. …Huwa kkummissjonat biex iwettaq l-obbligi tal-Imgħallem tiegħu u jirrappreżentah … hekk kif huwa jimministra lil għajru. Huwa l-aġent tal-Mulej.”4
Il-Presbiteru McConkie kkritika l-idea li l-presbiteru “huwa sempliċiment presbiteru.” “Kull presbiteru fil-Knisja jħaddan daqstant saċerdozju daqs il-President tal-Knisja … ,” huwa qal. “X’ inhu presbiteru? Huwa ragħaj, ragħaj li qed iservi fil-merħla tar-Ragħaj it-Tajjeb.”5
F’ din il-funzjoni li wieħed jimministra fil-merħla tar-Ragħaj it-Tajjeb, m’hemm l-ebda distinzjoni fis-Saċerdozju Melkisedeku bejn l-uffiċċji ta’ qassis il-kbir u ta’ presbiteru.F’ sezzjoni 107 tad-Duttrina u Patti, sezzjoni mill-aktar importanti, il-Mulej iddikjara, “Il-qassisin il-kbar skont l-ordni tas-Saċerdozju Melkisedeku għandhom dritt li jiffunzjonaw fil-kapaċità tagħhom, taħt id-direzzjoni tal-presidenza, biex jamministraw ħwejjeġ spiritwali, kif ukoll fl-uffiċċju ta’ presbiteru [jew f’ uffiċċju fis-Saċerdozju Aroniku]” (D&C 107:10; ara wkoll vers 12).
L-aktar prinċipju importanti għal dawk kollha li jħaddnu s-saċerdozju huwa l-prinċipju li għallem il-profeta tal-Ktieb ta’ Mormon Ġakobb. Wara li hu u ħuh Ġużeppi ġew ikkonsagrati bħala qassisin u għalliema tal-poplu, huwa ddikjara, “U aħna kabbarna l-uffiċċju tagħna għall-Mulej, fejn ħadna fuqna r-responsabbiltà, filwaqt li aċċettajna li nwieġbu għad-dnubiet tan-nies jekk aħna ma ngħallmuhomx il-kelma ta’ Alla bid-diliġenza kollha” (Jacob 1:19).
L-aħwa, ir-responsabbiltajiet tagħna bħala rġiel li nħaddnu s-saċerdozju huma ħaġa mill-aktar serja. Ċerti organizzazzjonijiet oħra jistgħu jissodisfaw ruħhom bl-istandards kif titlob id-dinja, fil-ħidma tagħhom li jwasslu l-messaġġ tagħhom u fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom. Iżda aħna li nħaddnu s-saċerdozju ta’ Alla għandna l-qawwa divina li saħansitra tiggverna d-dħul fis-saltna ċelestjali ta’ Alla. Aħna għandna l-għan u r-responsabbiltà li l-Mulej iddefinixxa hekk kif huwa żvela l-kliem li nsibu fid-daħla tad-Duttrina u Patti.Aħna għandna niddikjaraw lid-dinja:
“Li kull bniedem ikun jista’ jitkellem f’ isem Alla l-Mulej, sewwasew f’ isem is-Salvatur tad-dinja;
“Sabiex il-fidi tkun tista’ wkoll tikber fid-dinja;
“Sabiex ikun jista’ jiġi stabbilit il-patt ta’ dejjem tiegħi;
“Sabiex il-milja tal-evanġelju tiegħi tiġi ddikjarata mid-dgħajfin u mis-sempliċi sa kull rokna tad-dinja” (D&C 1:20–23).
Biex inwettqu dan il-kmand divin, jeħtieġ li aħna nkunu fidili f’ li “inkabbru” s-sejħiet u r-responsabbiltajiet tagħna tas-saċerdozju (ara D&C 84:33). Il-President Harold B. Lee spjega xi tfisser li tkabbar is-saċerdozju: “Meta wieħed jibda jħaddan is-saċerdozju, huwa jsir aġent tal-Mulej. Huwa għandu jħares lejn is-sejħa tiegħu bħallikieku huwa qaddej kkummissjonat mill-Mulej. Dan ifisser li tkabbar is-saċerdozju.”6
Għalhekk, l-aħwa, kieku l-Mulej innifsu jkollu jitlobkom tgħinu lil xi ħadd minn uliedu—kif fil-fatt Huwa għamel permezz tal-qaddejja Tiegħu—dan intom tagħmluh? U jekk tagħmlu dan, intom lesti taġixxu bħala l-aġenti Tiegħu, bħala “qaddejja kkummissjonati mill-Mulej,” u tafdaw fl-għajnuna mwiegħda Tiegħu?
Il-President Lee għallem xi ħaġa oħra dwar kif aħna għandna nkabbru s-saċerdozju: “Meta inti tpoġġi lenti fuq xi ħaġa, dik il-ħaġa tibda tidher akbar milli tidher kieku inti tħares lejha b’ semplii għajnejk mingħajr il-lenti; dak huwa li tagħmel il-lenti. Issa … jekk xi ħadd, bl-istess mod, ikabbar is-saċerdozju—jiġifieri, ikabbru akbar minn kemm kien jaħseb li kien qabel u aktar importanti milli ħaddieħor kien jaħseb li kien qabel —b’ dak il-mod intom għandkom tkabbru s-saċerdozju tagħkom.”7
Dan huwa eżempju ta’ kif wieħed li jħaddan is-saċerdozju kabbar ir-responsabbiltà tiegħu tas-saċerdozju. Jiena smajt dan mill-Presbiteru Jeffrey D. Erekson, li kien is-sieħeb tiegħi waqt konferenza tal-wited ġewwa Idaho.Meta huwa kien għadu presbiteru żagħżugħ, miżżeweġ frisk, fejn huwa bilkemm kellu flus għall-ħajja ta’ kuljum u meta beda jħossu li ma kienx kapaċi jtemm l-aħħar sena tiegħu l-università, Jeffrey iddeċieda li jieqaf mill-istudju tiegħu u jaċċetta offerta ta’ mpjieg mill-aktar attraenti.Ftit jiem wara, il-president tiegħu tal-kworum tal-presbiteri mar iżuru d-dar. “Tifhem int is-sinifikat tal-imfietaħ tas-saċerdozju li jiena nħaddan?” staqsieh il-president tal-kworum tal-presbiteri. Meta Jeffrey wieġeb fl-affermattiv, il-president qallu li meta huwa sema’ li kien se jieqaf mill-università, il-Mulej għamel iljieli sħaħ jittormentah biex jgħaddi dan il-messaġġ lil Jeffrey: “Bħala l-president tal-kworum tiegħek tal-presbiteri, jiena nitolbok biex ma tiqafx mill-università.Dan huwa messaġġ għalik mingħand il-Mulej.” Jeffrey kompla jistudja. Snin wara jiena ltqajt miegħu meta huwa kien negozjant li verament irnexxa u meta smajtu jgħid lil grupp ta’ rġiel li jħaddnu s-saċerdozju, “Dak il-parir għamel id-differenza kollha f’ ħajti.”
Wieħed li jħaddan is-saċerdozju kien kabbar is-saċerdozju u s-sejħa tiegħu, u dan wassal biex għamel “id-differenza kollha” fil-ħajja ta’ dan l-iben ieħor ta’ Alla.
IV. Saċerdozju fil-Familja
S’issa, jiena tkellimt dwar il-funzjonijiet tas-saċerdozju fil-Knisja. Issa se nitkellem dwar is-saċerdozju fil-familja. Se nibda bl-imfietaħ. Il-prinċipju li l-awtorità saċerdotali tista’ tiġi eżerċitata biss taħt id-direzzjoni ta’ xi ħadd li jħaddan l-imfietaħ għal dik il-funzjoni partikolari hija ħaġa mill-aktar fundamentali fil-Knisja iżda ma tapplikax meta wieħed jiġi biex jeżerċita l-awtorità saċerdotali fil-familja.8 Missier li jħaddan is-saċerdozju jippresedi fil-familja tiegħu bl-awtorità tas-saċerdozju li huwa jħaddan. M’hemmx għalfejn li huwa jkollu d-direzzjoni jew l-approvazzjoni tal-imfietaħ tas-saċerdozju sabiex huwa jkun jista’ jagħti l-kunsill tiegħu lill-membri tal-familja tiegħu, ikun jista’ jagħmel il-laqgħat tal-familja, jagħti barka saċerdotali lil martu u lil uliedu jew inkella jagħti barkiet ta’ fejqan lil xi membri tal-familja jew lil ħaddieħor.
Jekk il-missirijiet ikabbru s-saċerdozju tagħhom fil-familja tagħhom, dan iwassal biex imexxi ‘l quddiem il-missjoni tal-Knisja daqs kull ħaġa oħra li huma jistgħu jagħmlu. Il-missirijiet li jħaddnu s-Saċerdozju Melkisedeku għandhom iżommu l-kmandamenti ħalli huma jkollhom il-qawwa tas-saċerdozju biex jagħtu l-barkiet lill-membri tal-familja tagħhom. Il-missirijiet għandhom ukoll jikkultivaw relazzjoni ta’ mħabba fil-familja tagħhom ħalli l-membri tal-familja jkunu lesti li jitolbu barka lil missirijiethom. U l-ġenituri għandhom iħeġġu aktar barkiet saċerdotali fil-familja.
O missirijiet, araw li tiffunzjonaw bħala “sħab indaqs” ma’ martkom, kif tgħallem il-proklamazzjoni tal-familja.9 U, intom il-missirijiet, meta jkollkom il-privileġġ li teżerċitaw il-qawwa u l-influwenza tal-awtorità saċerdotali tagħkom, agħmlu dan “permezz tal-persważjoni, tas-sabar, tal-ġentilezza u l-manswetudni, u tal-imħabba ġenwina” (D&C 121:41). Dan l-istandard għoli biex intom teżerċitaw l-awtorità saċerdotali huwa l-aktar importanti fil-familja. Il-President Harold B. Lee ta din il-wegħda ftit wara li huwa sar President tal-Knisja: “Il-qawwa tas-saċerdozju li intom tħaddnu qatt mhi aktar meraviljuża daqs meta jkun hemm xi kriżi fid-dar tagħkom, xi marda serja jew xi deċiżjoni importanti li trid tittieħed. … F’ din il-qawwa tas-saċerdozju, li hija l-qawwa ta’ Alla s-Setgħan, insibu l-qawwa li aħna nwettqu l-mirakli jekk din tkun ir-rieda tal-Mulej, iżda biex aħna nkunu nistgħu nużaw dak is-saċerdozju, jeħtieġ li aħna nkunu denji li neżerċitawh. Jekk aħna nfallu milli nifhmu dan il-prinċipju aħna nfallu milli nirċievu l-barkiet li huma marbutin ma’ dak is-saċerdozju meraviljuż li aħna nħaddnu.”10
Għeżież ħuti, it-tkabbir tas-saċerdozju mqaddes li intom tħaddnu huwa importanti ħafna għall-ħidma tal-Mulej fil-familji tagħkom u fil-sejħiet tagħkom tal-Knisja.
Jiena nixhed dwar Dak li Tiegħu hu dan is-saċerdozju. Permezz tas-sofferenza u s-sagrifiċċju Tiegħu tal-att tal-fidwa u l-qawmien Tiegħu mill-imwiet, il-bnedmin kollha għandhom l-assigurazzjoni tal-immortalità u l-opportunità tal-ħajja eterna.Ilkoll kemm aħna għandna nkunu fidili u diliġenti hekk kif inwettqu l-parti tagħna f’ din il-ħidma kbira ta’ Alla l-Missier Etern tagħna, f’ isem Ġesù Kristu, amen.