2010-2019
Qalb Waħda
April 2018


Qalb Waħda

Biex aħna nkunu nistgħu nilħqu d-destin sublimi tagħna, aħna neħtieġu lil xulxin, u jeħtieġ li nkunu ħaġa waħda.

Wieħed mill-kreaturi l-aktar meraviljużi fid-dinja huwa l-farfett monarka. Waqt żjara fil-Messiku biex hemmhekk ngħaddu l-Milied mal-familja tar-raġel tiegħi, aħna morna nżuru santwarju tal-friefet, fejn miljuni ta’ friefet monarki jqattgħu x-xitwa tagħhom hemm. Kienet ħaġa verament affaxxinanti li tara dehra daqstant impressjonanti u l-ħin li aħna qattajna nirriflettu fuq l-eżempju ta’ għaqda u ubbidjenza lejn il-liġijiet divini li kienu qed juruna dawn il-ħlejjaq ta’ Alla.1

Farfett monarka
Għanqud friefet

Il-friefet monarki huma navigaturi primi. Huma jużaw il-pożizzjoni tax-xemx biex isibu f’liema direzzjoni jridu jmorru. Kull meta jkun żmien ir-rebbiegħa, huma jivvjaġġaw eluf ta’ mili mill-Messiku sal-Kanada, u fil-ħarifa, huma jerġgħu lura lejn l-istess foresti taż-żnuber ġewwa l-Messiku.2 Huma jagħmlu dan sena wara sena, minkejja l-ġwienaħ żgħar li għandhom. Tul il-vjaġġ tagħhom, huma jinġabru flimkien billejl fuq is-siġar biex jipproteġu lilhom infushom mill-kesħa u mill-predaturi.3

Kalejdoskopju ta’ friefet
Kalejdoskopju ieħor ta’ friefet

Grupp ta’ friefet jissejjaħ kalejdoskopju.4 X’ dehra mill-isbaħ, hux veru? Kull farfett f’ kalejdoskopju huwa uniku u differenti, madankollu dawn il-ħlejjaq, li jidhru daqstant fraġli, ġew iddisinjati minn Ħallieq mimli mħabba bl-abbiltà li jibqgħu jgħixu, jivvjaġġaw, jitkattru u jxerrdu l-ħajja filwaqt li jgħaddu minn fuq fjura għall-oħra, ixerrdu l-polline. U minkejja li kull farfett huwa differenti, huma kollha jaħdmu flimkien biex jagħmlu d-dinja post aktar sabiħ u produttiv.

Bħall-friefet monarki, aħna ninsabu fuq vjaġġ lura lejn id-dar tagħna fis-smewwiet, fejn aħna ningħaqdu mill-ġdid mal-Ġenituri tagħna tas-Smewwiet.5 Bħall-friefet, aħna ġejna mogħtija ċerti kwalitajiet divini li jagħtuna ċ-ċans li ninnavigaw tul ħajjitna, sabiex inkunu nistgħu “nilħqu l-potenzjal tal-ħolqien tagħna.”6 Bħalhom, jekk aħna ngħaqqdu qlubna flimkien,7 il-Mulej jipproteġina “bħalma l-qroqqa tiġbor il-flieles taħt ġwenħajha”8 u huwa jagħmel minna kalejdoskopju mill-isbaħ.

Intom it-tfal, iż-żgħażagħ u l-aħwa kollha li qed tisimgħuni, aħna ninsabu nivvjaġġaw flimkien. Biex aħna nkunu nistgħu nilħqu d-destin sublimi tagħna, aħna neħtieġu lil xulxin, u jeħtieġ li nkunu ħaġa waħda. Il-Mulej talabna, “Kunu ħaġa waħda; u jekk m’intomx ħaġa waħda m’intomx tiegħi.”9

Ġesù Kristu huwa l-akbar eżempju ta’ għaqda ma’ Missieru. Huma ħaġa waħda fl-għan tagħhom, fl-imħabba u fil-ħidma tagħhom, għaliex “ir-rieda tal-Iben inbelgħet fir-rieda tal-Missier.”10

Aħna kif nistgħu nimxu wara l-eżempju perfett tal-Mulej, fl-għaqda Tiegħu ma’ Missieru, u nkunu aktar magħqudin Magħhom u bejnietna?

Mod ispirat kif dan jista’ jsir insibuh f’ Atti 1:14. Naqraw, “L-irġiel kollha qalb waħda kienu jitolbu flimkien man-nisa.”11

Jiena naħseb li hija ħaġa mill-aktar sinifikanti li l-frażi “qalb waħda” nsibuha diversi drabi fil-ktieb tal-Atti, fejn naqraw dwar dak li d-dixxipli ta’ Ġesù Kristu għamlu immedjatament wara li Huwa tela’ s-sema bħala bniedem imqajjem mill-imwiet, kif ukoll dwar il-barkiet li huma rċevew minħabba l-isforzi tagħhom.Hija ħaġa sinifikanti wkoll li aħna naraw li l-istess ġara fost il-fidili li kienu jgħixu fil-kontinent Amerikan, fiż-żmien li fih il-Mulej mar iżurhom u jamministra fosthom. “Qalb waħda” fid-deċiżjonijiet tagħna, fl-għaqda ta’ bejnietna, u lkoll flimkien.

Xi ħwejjeġ li l-Qaddisin fidili għamlu f’ għaqda, fiż-żewġ postijiet, huma li taw xhieda ta’ Ġesù Kristu, studjaw il-kelma ta’ Alla u amministraw lil xulxin f’ imħabba.12

Id-dixxipli tal-Mulej kienu ħaġa waħda fil-għan, fl-imħabba u fl-għemejjel tagħhom. Huma kienu jafu min huma verament, kienu jafu x’ kellhom jagħmlu u huma għamlu dan b’ imħabba lejn Alla u lejn xulxin. Huma kienu parti minn kalejdoskopju meraviljuż, jimxu ‘l quddiem f’ għaqda.

Xi wħud mill-barkiet li huma rċevew kienu li huma ntlew bl-Ispirtu s-Santu, li fosthom seħħew bosta mirakli, li l-Knisja kibret, li ma kien hemm l-ebda tilwim bejn in-nies u li l-Mulej berikhom f’ kollox.13

Aħna nistgħu nirraġunaw li r-raġuni għaliex huma kien daqstant ħaġa waħda kienet peress li huma kienu jafu personalment lill-Mulej. Huma kienu viċin Tiegħu, u huma kienu xhieda tal-missjoni divina Tiegħu, tal-mirakli li Huwa wettaq u tar-Resurrezzjoni Tiegħu. Huma raw u missu l-marki ta’ jdejh u riġlejh. Huma kienu jafu b’ ċertezza li Huwa kien il-Messija mwiegħed, il-Feddej tad-dinja. Huma kienu jafu li “Huwa s-sors ta’ kull fejqan, ta’ kull hena u kull progress etern.”14

Avolja jekk aħna ma rajniex lis-Salvatur tagħna bl-għajnejn fiżiċi tagħna, aħna nistgħu nkunu nafu li Huwa jgħix. Hekk kif aħna nersqu aktar viċin Tiegħu, hekk kif infittxu li niksbu xhieda personali permezz tal-Ispirtu s-Santu tal-missjoni divina Tiegħu, aħna jkollna għarfien akbar dwar il-veru għan tagħna; l-imħabba ta’ Alla tgħammar f’ qalbna;15 aħna jkollna d-determinazzjoni li nkunu ħaġa waħda fil-kalejdoskopju tal-familji tagħna u tal-oqsma u l-komunitajiet tagħna; u aħna namministraw lil xulxin “b’ mod aktar frisk u aħjar.”16

Il-mirakli jseħħu meta wlied Alla jaħdmu flimkien, iggwidati permezz tal-Ispirtu, biex jgħinu lil min hu fil-bżonn.

Triq mgħarrqa b’ nies li qed jagħtu s-salvataġġ

Aħna nisimgħu diversi stejjer ta’ mħabba lejn għajrna minn ħafna nies meta xi pajjiż jintlaqat minn katastrofi.Per eżempju, meta s-sena l-oħra l-belt ta’ Houston intlaqtet minn għargħar massiv, in-nies insew x’ kienu l-bżonnijiet personali tagħhom u marru jsalvaw lill-oħrajn. Wieħed president tal-kworum tal-presbiteri talab għall-għajnuna fil-komunità, u f’ kemm ili ngħidlek ġiet organizzata flotta ta’ 77 dgħajsa. Dawk li marru jagħtu s-salvataġġ marru madwar l-inħawi milquta u ttrasportaw familji sħaħ lejn id-djar tal-laqgħat tagħna, fejn hemmhekk huma rċevew refuġju kif ukoll l-għajnuna li tant kellhom bżonn. Kemm il-membri kif ukoll dawk mhux membri ħadmu flimkien għal għan wieħed.

Missjunarji jgħallmu l-Ispanjol

Ġo Santiago, iċ-Ċili, waħda president tas-Soċjetà tal-Għajnuna kellha x-xewqa li tgħin l-immigranti fil-komunità tagħha li kienu waslu hemm mill-Ħaiti. Waqt li ddiskutiet flimkien mal-mexxejja tagħha tas-saċerdozju, hija u mexxejja oħra ħarġu bl-idea li joffru tagħlim tal-Ispanjol lil dawk l-immigranti ħalli jgħinuhom jintegraw aħjar fid-dar ġdida tagħhom. Kull nhar ta’ Sibt filgħodu, il-missjunarji kienu jinġabru flimkien mal-istudenti ħerqana tagħhom. Is-sentiment ta’ unità f’ dak il-bini kien eżempju li jispirak ta’ nies li ġejjin minn ambjent differenti tal-ħajja jaqdu lil xulxin b’ għan komuni.

Voluntiera fil-Messiku

Fil-Messiku, mijiet ta’ membri vjaġġaw għal sigħat sħaħ biex marru jgħinu lil dawk li kienu baqgħu ħajjin wara żewġ terrimoti kbar. Fil-vjaġġ tagħhom ħadu magħhom għodda, makkinarju u mħabba lejn għajrhom. Hekk kif il-voluntiera inġabru flimkien f’ waħda mid-djar tal-laqgħat jistennew ċerti struzzjonijiet, is-sindku tal-belt ta’ Ixhuatán infaqa’ jibki hekk kif huwa ra b’ għajnjejh manifestazzjoni ta’ “mħabba pura ta’ Kristu.”17

Issa l-Mulej qiegħed jagħtina l-opportunità li kull xahar aħna niddiskutu flimkien fil-kwora tagħna tas-saċerdozju u fis-Soċjetajiet tal-Għajnuna, ħalli aħna lkoll inkunu nistgħu nkunu parteċipanti aktar attivi fil-kalejdoskopju tal-qasam u tal-fergħa tagħna—post li fih aħna lkoll niffittjaw u fejn ilkoll aħna meħtieġa.

It-toroq tagħna huma kollha differenti, madankollu aħna nimxuhom flimkien. Fit-triq tagħna, l-aktar importanti mhuwiex dak li aħna għamilna jew fejn konna; l-aktar importanti hu ‘l fejn aħna sejrin u fiex qed nittrasformaw ruħna, f’ għaqda. Meta aħna niddiskutu flimkien waqt li nkunu ggwidati mill-Ispirtu s-Santu, aħna nkunu nistgħu naraw fejn aħna ninsabu bħalissa u fejn jeħtieġ inkunu. L-Ispirtu s-Santu jagħtina viżjoni li l-għajnejn naturali tagħna mhux kapaċi jaraw, għaliex “ir-rivelazzjoni tinsab mifruxa madwarna,”18 u meta aħna niġbru flimkien dik ir-rivelazzjoni, aħna nkunu nistgħu naraw aħjar.

Hekk kif aħna naħdmu f’ għaqda, l-għan tagħna għandu jkun li nfittxu u nagħmlu r-rieda ta’ Alla; l-inċentiv tagħna għandu jkun l-imħabba li aħna nħossu lejn Alla u lejn għajrna;19 u l-akbar xewqa tagħna għandha tkun li “naħdmu b’ diliġenza,”20 biex inkunu nistgħu nħejju t-triq għar-ritorn glorjuż tas-Salvatur tagħna.L-uniku mod kif aħna nistgħu nagħmlu dan hu “b’ qalb waħda.”

Bħall-friefet monarki, ejjew inkomplu fil-vjaġġ tagħna, ilkoll b’ għan komuni, kollha kemm aħna bil-kwalitajiet u l-kontribuzzjoni tagħna, naħdmu biex nagħmlu minn din id-dinja waħda aktar sabiħa u produttiva—pass wara l-ieħor u f’ armonija mal-kmandamenti ta’ Alla.

Il-Mulej tagħna Ġesù Kristu wegħedna li meta aħna ninġabru flimkien f’ ismu, Huwa jkun jinsab hemm f’ nofsna.21 Jiena nixhed li Huwa jgħix u li f’ għodwa mill-isbaħ tar-rebbiegħa bħalma hi llum Hu qam mill-mewt . Huwa hu l-Monark fuq kull monark ieħor, “is-Sultan tas-slaten, u s-Sid tas-sidien.”22

Jalla aħna nkunu ħaġa waħda fil-Missier u fl-Iben Imnissel Tiegħu, aħna u ninsabu ggwidati mill-Ispirtu s-Santu, hija t-talba umli tiegħi f’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Ara Abraham 3:26; 4:7, 9–12, 15, 18, 21, 24–25.

  2. Fatt interessanti dwar il-friefet monarki hu li hemm bżonn sa tliet ġenerazzjonijiet biex huma jirnexxielhom itemmu l-vjaġġ tagħhom lejn it-tramuntana sal-Kanada.Madankollu, “ġenerazzjoni super” jirnexxielha tagħmel il-vjaġġ tagħha lejn in-nofsinhar sal-Messiku, tgħaddi x-xitwa hemm u mbagħad tkun hi li tagħmel ukoll l-ewwel parti tal-vjaġġ lejn it-tramuntana. (Ara “Flight of the Butterflies” [video, 2012]; “‘Flight’: A Few Million Little Creatures That Could,” WBUR News, 28 ta’ Sett. 2012, wbur.org.)

  3. Ara “Why Do Monarchs Form Overnight Roosts during Fall Migration?” learner.org/jnorth/tm/monarch/sl/17/text.html.

  4. Ara “What Is a Group of Butterflies Called?” amazingbutterflies.com/frequentlyaskedquestions.htm; ara wkoll “kaleidoscope,” merriam-webster.com. Kalejdoskopju ġejja mill-kelma Griega kalos (“sabiħ”) u eidos (“forma”).

  5. Ara “Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja,” Liahona, Mejju 2017, 145.

  6. Doctrine and Covenants 88:19; ara wkoll Doctrine and Covenants 88:25.

  7. Ara Mosiah 18:21.

  8. 3 Nephi 10:4.

  9. Doctrine and Covenants 38:27.

  10. Mosiah 15:7.

  11. Atti 1:14; enfażi miżjuda.

  12. Xi wħud mill-affarijiet li l-Qaddisin għamlu f’ Ġerusalemm: għażlu Appostlu ġdid u “sebat irġiel li għandhom isem tajjeb” u ssapportjawhom (ara Atti 1:26; 6:3–5); inġabru flimkien f’ jum il-Pentekoste (ara Acts 2:1); taw ix-xhieda tagħhom dwar Ġesù Kristu (ara Atti 2:22–36; 3:13–26; 4:10, 33; 5:42); qalu lin-nies sabiex jindmu u għammduhom (ara Atti 2:38–41); komplew jiltaqgħu flimkien u jaqsmu l-ħobż, u jitolbu (ara Atti 2:42); kienu ħaġa waħda u kienu jaqsmu bejniethom (ara Atti 2:44–46; 4:34–35); attendew it-tempju (ara Atti 2:46); kielu “l-ikel bi qlub ferħana u safja” (Atti 2:46); faħħru lil Alla u l-poplu kollu kien iġibhom (ara Atti 2:47); kienu ubbidjenti lejn il-fidi (ara Atti 6:7); kienu kontinwament jagħtu ruħhom għat-talb u “għall-ministeru tal-kelma” (Atti 6:4). Xi affarijiet li l-Qaddisin għamlu fil-kontinent Amerikan: xandru l-evanġelju ta’ Kristu (ara 3 Nephi 28:23); iffurmaw knisja ta’ Kristu (ara 4 Nephi 1:1); għammdu n-nies (ara 4 Nephi 1:1); kulħadd kien jittratta lil xulxin b’ mod ġust (ara 4 Nephi 1:2); kienu jaqsmu kollox bejniethom (ara 4 Nephi 1:3); bnew ċerti bliet mill-ġdid (ara 4 Nephi 1:7–9); iżżewġu (ara 4 Nephi 1:11); imxew skont il-kmandamenti li huma rċevew mingħand il-Mulej (ara 4 Nephi 1:12); komplew isumu u jitolbu (ara 4 Nephi 1:12); iltaqgħu flimkien ta’ spiss biex jitolbu u jisimgħu l-kelma tal-Mulej (ara 4 Nephi 1:12).

  13. Xi wħud mill-barkiet li l-Qaddisin irċevew ġewwa Ġerusalemm: huma mtlew bl-Ispirtu s-Santu (ara Atti 2:4; 4:31); huma rċevew id-don tal-ilsna u l-profezija u tkellmu “l-għeġubijiet ta’ Alla” (ara Atti 2:4–18); l-Appostli wettqu diversi għeġubijiet u sinjali (ara Atti 2:43); seħħew il-mirakli (ara Atti 3:1–10; 5:18–19; 6:8, 15); aktar nies ingħaqdu mal-Knisja (ara Atti 2:47; 5:14). Xi wħud mill-barkiet li n-nies irċevew fil-kontinent Amerikan: in-nies ikkonvertew għall-Mulej (ara 3 Nephi 28:23; 4 Nephi 1:2); ġenerazzjoni sħiħa ġiet imbierka (ara 3 Nephi 28:23); ma kienx hemm tilwim u kwistjonijiet bejniethom (ara 4 Nephi 1:2, 13, 15, 18); la kien hemm sinjuri u lanqas foqra (ara 4 Nephi 1:3); “huma kollha kisbu l-ħelsien, u daqu r-rigal tas-smewwiet” (4 Nephi 1:3); kien hemm il-paċi fl-art (ara 4 Nephi 1:4); seħħew mirakli setgħana (ara 4 Nephi 1:5, 13); il-Mulej tahom risq kbir 4 Nephi 1:7, 18); huma ssaħħu, u fi żmien qasir tkattru sew, u saru verament nies sbieħ u pjaċevoli (ara 4 Nephi 1:10); huma tbierku skont l-għadd kbir ta’ wegħdi li għamlilhom il-Mulej (ara 4 Nephi 1:11); “ma kienx hemm tilwim fil-pajjiż, minħabba l-imħabba ta’ Alla li kienet tgħammar f’ qalb il-poplu” (4 Nephi 1:15); “ma kien hemm l-ebda għira, l-ebda korla, l-ebda taħwid, l-ebda żina, l-ebda gideb, l-ebda qtil u l-ebda nuqqas ta’ rażan; u verament ma setax kien hemm nies aktar henjin fost il-popli kollha li qatt ġew maħluqa minn id Alla” (4 Nephi 1:16); “ma kien hemm l-ebda qallelin, l-ebda qattiela, la kien hemm Lamaniti u l-ebda tip ta’ -iti; iżda huma kienu ħaġa waħda, ulied Kristu, u werrieta tas-saltna ta’ Alla” (4 Nephi 1:17); il-Mulej berikom fl-għemejjel kollha tagħhom (ara 4 Nephi 1:18).

  14. Jean B. Bingham, “That Your Joy Might Be Full,” Liahona, Nov. 2017, 85.

  15. Ara 4 Nephi 1:15.

  16. Jeffrey R. Holland, “Emissaries to the Church,” Liahona, Nov. 2016, 62.

  17. Moroni 7:47.

  18. Neil L. Andersen, f’ “Auxiliary Panels Use New Training Library,” Liahona, Apr. 2011, 76.

  19. Ara Mattew 22:37–40.

  20. Jacob 5:61.

  21. Ara Mattew 18:20.

  22. 1 Timotju 6:15.